Ħsibijiet fil-bidu ta’ sena ġdida
Hekk kif tintemm
sena u tibda oħra bla ma rridu nagħtu ħarsa lura biex naraw kif morna fis-sena
li tkun intemmet u fl-istess waqt nibdew inħarsu lejn is-sena li tkun għadha
kemm bdiet, bit-tama li dik li jkollna quddiemna tkun aħjar minn dik li nkunu
għadna kif ħallejna warajna.
Fil-bidu ta’ din
is-sena, din ir-riflessjoni żgur li kulħadd sejjer jagħmilha, tfal,
adolexxenti, żgħażagħ, adulti u xjuħ. Is-sena 2020 kienet waħda li ħadd minnha
ma jiftakar waħda bħalha, kienet sena li ma nistgħux insejħulha “tajba”, imma minkejja
kollox għadna għaddejjin. Żgur li x-xewqa ta’ kull wieħed u waħda minna hija li
s-sena 2021 tkun differenti għal kollox minn dik li tnemmet ftit jiem ilu.
X’tgħallimna?
Kien fl-ewwel
ġimgħat tas-sena 2020 li bdejna nisimgħu b’virus ġdid li beda jinfirex
fiċ-Ċina. Billi llum id-dinja kollha saret donnha raħal wieħed, sewwasew kif
bassar il-Kanadiż Marshall McLuhan fil-kotba tiegħu The Gutenberg Galaxy:
The Making of Typographic Man tas-sena 1962 u Understanding
Media li ħareġ sentejn wara, din il-marda ma kinitx inkwetanti biss
fiċ-Ċina imma spiċċat biex kiddet id-dinja kollha. Mal-“Global Village” ta’ McLuhan
inżid it-teorija ta’ Zygmunt Bauman li titkellem dwar soċjetà likwida, jiġifieri soċjetà mhux stabbli
f’post wieħed, umanità li dejjem tiċċaqlaq sewwasew bħal element likwidu li ma
jibqax stabbli bħalma jibqa’ wieħed solidu. Mela bit-teoriji ta’ McLuhan u ta’
Bauman nistgħu nikkonkludu li billi d-dinja saret qisha raħal wieħed u dak li
jkun faċli jivjaġġa minn post għal ieħor bla bosta xkiel żejjed u għax
is-soċjetà tad-dinja kollha saret
likwida, timxi minn post għal ieħor il-ħin kollu, dan il-virus inxtered
mad-dinja kollha tant li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, (WHO) iddikjarat
pandemija.
Kellna nibdlu
l-istil tal-ħajja tagħna. Bniedem li tafu ma bqajtx toħodlu b’idu u persuna
għażiża ma bqajtx tgħannaqha u tħaddanha miegħek. Dawk il-ġesti li kienu
jfissru mħabba jew għaqda dlonk spiċċaw ifissru l-kuntratju tat-tifsira
oriġinarja tagħhom. Imma x’tgħallimna? Kellna ħin nitgħallmu jekk irridu.
Indunajna li biex isir ix-xogħol ma hemmx bżonn li wieħed iħalli daru. Hemm
ħidmiet li jistgħu jsiru mid-dar. Ovvjament mhux kull xogħol jista’ jsir minn
darna, imma iva, hemm xogħol li tista’ tagħmlu minn kamartek bla ma tħalli
darek. Dan huwa eżempju wieħed biss. Kien hemm bosta okkażjonijiet oħra li
stajna nitgħallmu minnhom is-sena l-oħra.
Il-widnejn
Is-sena li
għaddiet indunajna li l-bniedem għandu par widnejn mhux biex jisma’ minnhom
biss, mhux biex ikollu fejn ipoġġi n-nuċċali biss, mhux biex intaqqbuhom
għall-misluta. Widnejna bdew ikollhom magħhom il-lasktu tal-maskra. Kemm
qalulna l-awtoritajiet tas-saħħa biex il-maskra nilbsuha sewwa, li trid tgħatti
l-imnieħer il-ħalq u l-geddum. Madanakollu xorta bqajna naraw ħafna jilbsu
l-maskra mhux kif suppost. F’dawn il-każi widnejna servew biss għal-lasktu
tal-maskra, widnejna kienu hemm biss bħala ornament għax ma smajniex.
Żewġt iqwiel
Il-qwiel ma huma
xejn għajr għerf missirijietna, għerf li aħna writna mingħandhom, għerf li bnew
huma mill-esperjenza tal-ħajja. Matul din il-pandemija bdew jiġu f’moħħi żewġ
proverbi Maltin. L-ewwel wieħed huwa: “Tgħoddx il-flieles qabel ma jfaqqsu.”
Dan il-proverbju għandu ħuħ bil-kontra tiegħu li wkoll jgħidlek biex tkun
prudenti: “Tinfaxxax rasek qabel taqsamha!” Fil-pandemija naħseb li kien hemm
fejn għoddejna l-flieles qabel ma faqqsu u rasna ħallejniha tinqasm bla ma
nfaxxajniha.
Qawl ieħor li ġie
f’moħħi f’dawn ix-xhur huwa dan: “Il-paroli fil-vojt lanqas għall-avukati mhu
tajjeb!” Kemm smajna u kemm qrajna ħmerijiet, dwar il-virus, dwar il-vaċċin u
dwar elf ħaġa oħra. La bdejna bil-qwiel insemmin ieħor: “il-ħobż tih lil min
jaf jieklu u x-xogħol lil minn jaf jagħmlu.” Minn wara t-tastiera tal-kompjuter
tista’ tgħid jew aħjar tikteb li trid, u jkollna ngħidu li kien hawn min kiteb
il-ħmerijiet.
Il quddiem
Imma l-ħajja
tibqa’ għaddejja. Il-ħajja tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma tieqaf jew tieħu xi
waqfa qasira. Irridu nħarsu lejn dak li ġej mingħajr ma ninsew dak li għaddejna
minnu. Jekk ninsew x’seħħ fis-sena 2020, din tkun sena moħlija, sena li
għaddiet minn fuqna u ħlitilna ammont ta’ ġimgħat minn ħajjitna. Irridu nħarsu
il quddiem b’ottimiżmu, b’tama li ser inkunu aħjar milli aħna bħalissa.
Il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta lid-dinja kollha, lil kulħadd, lil kull settur
fid-dinja. Kellna nagħmlu sagrifiċċju, kellna nwarrbu dak li xtaqna nagħmlu,
dak li kellna programmat. Imma sakemm għad għandna l-ħajja nistgħu inwettqu dak
li pjanajna aktar il quddiem. Dawk li ħallewna biss ma jistgħux jibdlu l-ħolm
tagħhom f’realtà. Aħna
għadna hawn minkejja kollox. Aħna xxurtjati aktar minn dawk li matul is-sena
2020 temmew il-vjaġġ tagħhom fuq din id-dinja. It-tama hija l-aħħar li tmut.
Jalla s-sena 2020
tkun waħda li minnha tgħallimmna xi ħaġa u l-2021 tkun waħda aħjar minn ta’
qabilha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Jannar 2021
Nessun commento:
Posta un commento