sabato 19 dicembre 2020

Il-25 ta’ Diċembru

Ftit jiem oħra u nkunu qegħdin niċċelebraw festa li niċċelebraw kull 25 ta’ Diċembru – il-Milied. Dwar dan is-suġġett hemm ħafna x’wieħed jgħid imma l-ħsieb tiegħi llum mar fuq l-għażla ta’ dan il-jum. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li dan il-jum huwa marbut mat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li llum isir minn kollox biex din il-persuna tintesa u titwarrab minn dan il-jum, ma nistgħux niċħdu l-verità tal-fatti. Anke l-isem Ingliż “Christmas” juri xi tkun din il-festa. Iżda tajjeb inżommu f’moħħna li aħna ma niċċelebrawx it-twelid storiku ta’ Ġesù għax kieku nfittxu sewwa l-jum li fih twieled u mhux inżommu l-25 ta’ Diċembru bla ma ninsabu ċerti li twieled fih, anzi bil-kontra, ninsabu ċerti li ma kienx dan il-jum li fih seħħ dak it-twelid fl-Għar ta’ Betlem.

Il-bidu

Kostantinu 


L-Imperatur Kostantinu, li kien u baqa’ ukoll marbut mal-kult ta’ alla Xemx, meta fis-sena 330 ħaddan il-fidi Nisranija, biddel il-festa ta’ Sol Invictus li kienet issir fil-25 ta’ Diċembru f’festa Nisranija. Qabel, sewwasew fis-sena 321 dan l-istess Imperatur kien biddel ukoll l-isem tal-ewwel jum tal-ġimgħa u minn Dies Solis (il-venerabbli jum tax-xemx) għal Dominus, (jum il-Mulej). Dawn il-bidliet mhux dejjem kienu milqugħa tajjeb, tant li fl-Ewropa ta’ fuq baqa’ jintuża l-isem antik tal-jum tax-xemx: Sunday, fost is-Sassoni u Sontag fost il-Ġermaniċi. Id-dinja Semitika ma tużax l-ismijiet Rumani għall-jiem imma tuża l-ismijiet Għarab, bħalna l-Maltin li nsejħu l-ewwel jum tal-ġimgħa: il-Ħadd. Il-jiem f’dawn l-ilsna jikkorrispondu għan-numri, għajr il-jum tal-Ġimgħa fejn id-dinja Musulmana tinġabar f’gemgħa għat-talb.

Dan kien il-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied fil-25 ta’ Diċembru.

Qabel

Bla ma jrid, dak li jkun jibda jistaqsi: “Allura qabel żmien Kostantinu, meta kien jiġi ċċelebrat jum il-Milied?” Tajjeb ngħidu mill-ewwel li fl-ewwel snin tal-Knisja din il-festa ma kinitx tkun iċċelebrata. Kien jiġi ċċelebrat l-Għid il-Kbir iżda mhux it-twelid tal-fundatur tar-reliġjon Kristjana.

Fl-ewwel tliet sekli tal-Kristjaneżmu, it-twelid ta’ Kristu kien jiġi ċċelebrat f’dati differenti. Kien hemm fejn jiċċelebrawh fit-18 ta’ April, oħrajn fid-29 ta’ Mejju. Għal San Ċiprijanu kien fit-28 ta’ Marzu, għal San Ippolitu kien fit-23 ta ’April. Skont San Klement ta’ Lixxandra kien hemm Knejjes li jiċċelebraw il-Milied fl-20 ta’ Mejju, oħrajn fl-10 ta’ Jannar jew fis-6 ta’ Jannar.  Is-6 ta’ Jannar għadu sal-lum il-jum tal-Milied għad-dinja Ortodossa.  Dan l-aħħar jum kien ġie stabbilit fil-Lvant kollu u minn hemm wasal ukoll Ruma sakemm seħħet il-bidla deċiżiva minn Kostantinu u wara kienet affermata mill-Papa Ġulju I. Mela qed naraw li anke fl-Ewropa il-jum tal-Milied ma kienx minn dejjem dak li huwa llum.

Il-Papa Ġulju I u oħrajn

Fis-sena 337 il-Papa Ġulju I għamel  il-jum tal-25 ta’ Diċembru bħala d-data uffiċjali tal-Milied mall-Knisja Kattolika kollha. Hekk kiteb f’waħda mill-kitbiet tiegħu San Ġwann Kriżostomu fl-390: “F'dan il-jum, il-25 ta’ Diċembru, in-natività ta' Kristu kienet finalment iffissata wkoll f'Ruma”. Fil-354, il-festa Kristjana tal-25 ta’ Diċembru tissemma’ għall-ewwel darba f’kalendarju tal-liturġija Rumana. Fl-461 din l-għażla reġgħet kienet ikkonfermata mill-Papa Ljun il-Kbir. Xi awturi ekkleżjastiċi oħra jgħidu li l-ewwel ċelebrazzjoni tal-Milied fil-Punent nhar il-25 ta’ Diċembru kienet fis-sena 354 mal-Papa Liberju. L-għażla tal-Knisja ta’ Ruma biex it-twelid ta’ Kristu jkun jaħbat mal-akbar festa pagana li kienet tkun iċċelebrata, kien tentattiv biex inaqqas il-kult lejn alla xemx. B’hekk il-poplu tal-imperu Ruman baqa’ jiċċelebra festa imma issa kienet adattata għar-reliġjon il-ġdida.

Nuqqas ta’ qbil


L-Imperatur Ġustinjanu, madwar mitejn sena wara, illegalizza din id-data għall-Punent kollu. Ma rridux ninsew li l-Imperu Ruman ma kienx biss il-Punent, kien mifrux mal-Mediterran kollu. Knejjes Insara oħra, bħall-Ortodossi, Kopti u Armeni, ma aċċettawx din il-bidla u komplew jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù fis-6 ta’ Jannar. Fil-Knisja Rumana f’dan il-jum ikun iċċelebrat jum l-Epifanija; id-dehra ta’ Ġesù lid-dinja. Dak iż-żmien, l-Insara tal-Mesopotamja akkużaw lil ħuthom “Rumani” b’idolatrija għax qalu li dawn qed jaduraw lix-xmx minħabba li adottaw il-festa tax-xemx bħala l-festa tat-twelid ta’ Kristu.

Mija u tletin sena wara d-deċiżjoni ta’ Kostantinu, fl-460, il-Papa San Ljun il-Kbir fil-prietka tal-Milied ta’ dik is-sena qal: “Din il-qima lejn ix-xemx hija kbira ħafna tant li xi Nsara, qabel ma jidħlu fil-Bażilika ta’ San Pietru, wara li jkunu telgħu t-turġien, iduru lejn ix-xemx u jbaxxu rashom f’ġieħ dik l-istilla tleqq. Aħna mnikkta u jiddispjaċina ħafna għal dan il-fatt li huwa frott tal-mentalità pagana. L-Insara għandhom joqogħdu lura minn kull kult tal-allat.” Biex ikompli l-argument ta’ Papa Ljun, Sant Ambroġ qal: “Kristu huwa x-xemx il-ġdida tagħna.”

llum rajna ftit kif madwar id-dinja beda jkun iċċelebrat jum it-twelid ta’ Ġesù nhar il-25 ta Diċembru. Storja interessanti ħafna li forsi ftit hawn min jaf biha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Diċembru 2020









Nessun commento:

Posta un commento