venerdì 4 dicembre 2020

Iż-Żebbuġ

 Il-ħsieb tiegħi illum ma huwiex fuq is-siġra jew il-frotta li tagħtina din is-siġra hekk imsejħa taż-żebbuġ, lanqas ser nitkellem dwar il-belt Rohan, jew kif insjeħulha Ħaż-Żebbuġ imma dwar ir-raħal pittoresk li nsibu fil-majjisteral ta’ Għawdex: Iż-Żebbuġ.

Ftit tagħrif

Iż-Żebbuġ huwa wieħed mill-aktar irħula għoljin li nsibu fil-gżira ta’ Għawdex. Sewwasew huwa jinsab mibni fuq żewġ għoljiet imsejħin Ta' Abram u x-Xagħra taż-Żebbuġ. In-numru kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li fil-qedem kienu jinstabu f’din ix-xaqliba tal-gżira ta’ Gelmus taw isem lil dan ir-raħal. Il-konfini tar-raħal huma l-akbar li nsibu f’Għawdex u minkejja li bħala raħal jinsab fuq l-għoljiet, miegħu nsibu xejn inaqas minn tliet bajjiet: ix-Xwejni, il-Qbajjar u dik tant popolari mal-Għawdxin mal-Maltin kif ukoll mat-turisti li jżuru Għawdex, Marsalforn.

Minkejja li bħala firxa huwa l-ikbar raħal, fejn tidħol popolazzjoni jitlef dan il-post. Hawn insibu lill-Belt Victoria fuq quddiem u warajha hemm ix-Xagħra, in-Nadur, ix-Xewkija u Għajnsielem. Warajhom hemm iż-Żebbuġ b’madwar elfejn u ħames mitt ruħ jgħixu fih.

Iż-Żebbuġ ta’ Għawdex kien abitat sa mill-qedem u xhieda ta’ dan huma xi fdalijiet li nsibu fil-konfini tiegħu. Ma għandniex xi ngħidu, dawk li kienu joqgħodu f’din ix-xaqliba kienu raħħala, bdiewa u xi ftit sajjieda li kienu jniżżlu d-dgħajjes tagħhom mill-port ta’ Marsalforn. Fis-seklu XIII nafu li kien hemm komunità tgħix hemmhekk tant li nbniet kappella biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali ta’ dawn ir-raħlin.

Parroċċa antika

Il-parroċċa ta’ dan ir-raħal antik hija ddedikata lill-Assunta, jew kif nafuha aħna l-Maltin, Santa Marija. L-ewwel parroċċa jew parroċċi Għawdxin kienu ġewwa r-Rabat imma l-ewwel waħda warajhom kienet dik taż-Żebbuġ. Din twaqqfet fl-1688 mill-isqof ta’ Malta David Cocco Palmieri, billi dak iż-żmien Għawdex kien għadu mhux djoċesi. Diġà għidna li l-firxa ta’ art li taqa’ taħt iż-Żebbuġ hija kbira ħafna u qabel kienet akbar fejn tidħol kura spiritwali għax ir-raħal tal-Għasri sakemm sar parroċċa fl-1921 kien jagħmel parti miż-Żebbuġ, minkejja li kien viċi parroċċa.

Sentejn wara t-twaqqif tal-parroċċa Żebbuġija ingħata l-bidu għall-bini ta’ knisja ġdida għax il-knisja li kienet isservi lill-parroċċa kienet ċkejkna. Din tlestiet u kienet ikkonsagrata fl-1726. B’hekk nistgħu ngħidu li din hija waħda mill-eqdem knejjes parrokkjali li nsibu fil-gżira kollha. Din kompliet titkabbar bejn l-1938 u l-1942 minkejja li dak kien żmien it-tieni gwerra dinjija. Fl-1963 il-parroċċa saret waħda arċipretali.

Irħam

Min jidħol fil-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ ma jistax ma jindunax mill-ewwel bl-irħam sabiħ li hija miksija bih. Ma hijiex il-knisja waħdanina ġewwa Għawdex li hija miksija bl-irħam iżda din għandha storja partikolari għaliex l-irħam li bih hija miksija instab fiż-Żebbuġ stess.

Kien Salvu Cefai li fl-għalqa tiegħu, fiż-Żebbuġ stess instab tip ta’ rħam li jissejjah Onice. Dan Salvu waħħalha f’moħħu li l-irħam tal-għalqa tiegħu kellu jiksi l-knisja tar-ral, kif fil-fatt sar. Minbarra l-pilastri u l-ħitan tal-knisja wieħed jara maħdum minn dan l-irħam, opri oħra bħalma huma l-artal mejda, is-sedji tal-kor, il-konfessinarji kif ukoll il-brazzi. Ix-xogħol tal-kisi u t-tisbih bl-irħam inbeda fis-snin tmenin.

Statwi

Il-parroċċa taż-Żebbuġ tista’ tiftaħar b’waħda mill-isbaħ statwi titulari maħdumin mill-kumpanija li kien hemm f’Marsilja fi Franza li kienet timmanifattura l-istatwi. Il-Kumpanija Gallard et Fils ħadmet din l-istatwa li waslet fil-parroċċa fl-1863. Il-poetessa Għawdxija Mary Mejlak issejjaħ din l-istatwa bħala waħda ta’ sbuħija rari.

Fil-parroċċa Żebbuġija nsibu wkoll sett statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Din bdiet issir fl-1919 wara li l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri  kien ħadem sett vari li kien fih it-tmien stazzjonijiet tradizzjonali. Billi fis-snin tletin tkabbret il-knisja u dawn il-vari tħallew fiha, saritilhom ħsara kbira u għalhekk il-purċissjoni kellha titwaqqaf. Fis-snin sittin Wistin irrestawra l-istatwi li kien ħadem f’żgħożitu u magħhom żied ukoll l-istatwa tal-aħħar ċena. Din hija l-purċissjoni waħdanija fil-gzejjer Maltin li l-vari kollha li fiha ħarġu minn id artist wieħed. Dawn il-vari huma mlibbsin ilbies ta’ veru. L-ilbies li naraw fuqhom illum huwa drapp minsuġ Għawdex stess, dak li kien jissejjaħ in-newl. Din il-ħaġa tkompli tkabbar l-uniċità ta’ din  il-purċissjoni.

Insibu wkoll statwa ta’ Kristu Rxoxt maħduma mill-artist Pawlu Aquilina. Din toħroġ nhar Ħadd il-Għid akkumpanjata mill-Banda tar-raħal.

Għażżiela

Għażżiela

Iż-Żebbuġ għandu drawwa li ma nsibu mkien ieħor. Din hija l-għażżiela. Din tkun bħal rota tal-għaġina bin-Nome di Maria f’nofsha. Ħafna jżommu din l-għażżiela mdendla fit-tieqa jew wara l-bieb ta’ barra għax jemmnu li tbiegħed is-sajjetti u minn perikli oħra. Hemm issir il-festa tal-Madonna tal-Għażżiela. Bosta nies li ma joqgħodux iż-Żebbuġ imorru hemm u jitolbu għażżiela biex joħduha magħhom id-dar. Ovvjament dawk li jkunu jafu biha. Issa sirtu tafu biha intom ukoll jekk ma kontux tafu!

Dan huwa ftit minn dak li wieħed jista’ jiltaqa’ miegħu meta jżur dan ir-raħal antik u sabiħ fil-gżira Għawdxija.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 5 ta' Diċembru 2020




Nessun commento:

Posta un commento