venerdì 11 dicembre 2020

Il-Barokk

Meta nisimgħu l-kelma “Barokk” moħħna bla ma jrid imur fuq dak l-istil ta’ arti, arkitettura jew mużika estravaganti, elaborata u kkumplikat. Ma nkunux qed niżbaljaw meta naħsbu hekk għax il-Barokk huwa stil artistiku elaborat għall-aħħar. Nistgħu ngħidu li dan l-istil wasal wara r-rinaxximent u l-arti rinaxximentali u qabel ir-Rokoko, stil ta’ arti aktar goff mill-barokk li xi wħud ġieli sejħulu “Barokk tardiv”.

Il-bidu

Kienet il-Knisja Kattolika li għenet bil-kbir biex dan l-istil ta’ arti jinfirex. Il-konċilju ta’ Treno, konċilju li beda fl-1545 u baqa’ sejjer sal-1563, bl-iskop li jirribatti r-riforma protestanta, beda l-kontro-riforma. Fejn il-Protestati bdew ifittxu l-awsterità u s-sempliċità għall-knejjes tagħhom, il-Knisja ta’ Ruma riedet li l-knejjes tagħha jkunu jirriflettu l-ġmiel tas-sema. Dan l-istil artisitku twieled fl-Italja imma ma damx ma nxtered mad-dinja. Qegħdin nitkellmu meta pajjiżna kien fil-bidu tal-ħakma tal-kavallieri ta’ San Ġwann, għalhekk anke aħna nistgħu nsibu bosta binjiet, l-aktar knejjes, fuq stil Barokk. Il-Barokk ma damx ma nfirex sewwa ma’ bosta pajjiża tal-Ewropa, bħal Spanja u l-Portugall u aktar tard Franza, kif ukoll fil-pajjiżi li kienu maħkumin mill-Ewropej. Il-ħakkiema Portuġiżi u Spanjoli ħadu dan il-moviment artistiku ġewwa l-Amerika Latina.

L-isem

Żgur li l-kelma “Barokk” ġejja mill-Franċiż, imma aktarx li l-Franċiżi ħadu dil-kelma mill-Portugiż  “barroco” li tfisser perla li ma tkunx tonda perfetta. Għall-bidu din il-kelma ma kellha x’taqsam xejn mal-arti, mużika jew arkitettura imma kienet tintuża biss fejn tidħol il-ġojjellerija. Fl-1764 ħareġ dizzjunarju Franċiż fejn fih insibu l-kelma “Baroque” li tista’ tintuża biex tirreferi għal xi ħaġa irregolari jew tal-biża’ iżda fl-edizzjoni tal-1835 tal-istess dizzjunarju, insibu din il-kelma li tfisser stil artisitiku jew mużikali.  Minn hawn il quddiem il-kelma Barokk saret marbuta mal-istil artistiku estravaganti u elaborat. 



Il-Konċilju ta’ Trento talab biex il-postijiet fejn issir il-qima jkollhom stil aktar komdu għall-poplu. Bdew jinbnew knejjes bi spażju fin-nofs fejn isir l-artal maġġur u koppla fuq biex tagħti d-dawl u twassal ukoll sens ta’ kobor. Bosta drabi l-koppla minn ġewwa kienet titpitter b’figuri ta’ qaddisin jew anġli u b’hekk dak li jkun taħtha kien jimmaġina li hemm fuq hemm il-ġenna. Issa l-ħitan tal-knejjes ukoll bdew jew jitpittru bi xbihat ta’ qaddisin jew angli jew issirilhom skultura ta’ anġli. Il-faċċati tal-knejjes ukoll bdew jinbidlu u bdew isiru aktar monumentali.

Tixrid

Fi Spanja l-Barokk inxtered bis-saħħa tal-Knisja Kattolika u l-aktar tal-patrijiet Ġiżwiti. Ġewwa Madrid il-knisja ta’ San Sidor hija meqjusa bħala l-ewwel arkitettura Barokka fil-pajjiż. Lejn tmiem is-seklu XVII sar xi tibdil fuq il-bini tal-katidral ta’ Santiago di Campostela li issa sar knisja Barokka.

Chiesa del Gesù - Ruma
Biss il-Barokk ma nsibuhx biss fil-knejjes. Bosta palazzi rjali nbnew jew ġew modifikati biex saru fuq stil Barokk. Eżempju eċċellenti huwa l-palazz ta’ Versailles f’Pariġi fi Franza. Dan mhux knisja u lanqas inbena minn xi membru tal-kleru. Insemmu wkoll palazzi li nsibu fir-Russja. Minkejja li r-Russja ma hijiex pajjiż Kattoliku, xorta nsibu l-Barokk. F’SanPietruburgu niltaqgħu ma’ bosta eżempji ta’ biniet Barokki.

Il-Barokk f’pajjiżna daħal fl-istess żmien li kien qiegħed jixxerred ġewwa l-Italja. Kienu l-Kavallieri li tawna binijet u monumenti fuq stil Barokk. Bosta knejjes Maltin huma mibnijin fuq dan l-istil, li nistgħu ngħidu baqa’ popolari magħna. Il-kapolavur tal-knejjes barokki bla dubju huwa l-katidral tal-Imdina mibni fuq pjanta ta’ Lorenzo Gafà. Fi żmien il-Gran Mastru Pinto il-Barokk f’Malta kien fl-aqwa tiegħu. L-aqwa eżempju ta’ dan huwa l-bini tal-berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta.

Fil-fidi

Il-Barokk fih ukoll il-parti antropoloġika tiegħu. Għalfejn il-bniedem fir-reliġjożità tiegħu irid il-lussu, is-sabiħ, l-estravaganti? Qed ngħid għar-reliġjożità u mhux għar-reliġjon. Reliġjon hija l-fidi li dak li jkun  jemmen, id-duttrina, it-twemmin. Ir-reliġjożità hija l-mod kif il-bniedem jesprimi b’mod estern dak li jkun jemmen.

L-ewwel eżempju li se nġib ta’ reliġjożità barokka huwa l-presepju Napiltan. F’dan it-tip ta’ presepju wieħed isib kull xorta ta’ lussu, fl-ilbies, fix-xenarju u fl-oġġetti relatati miegħu. Eżempju ieħor huwa l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li nsibu f’għadd ta’ lokalitajiet ġewwa Spanja: ilbies tal-bellus, ħarir, damask u brukkat. Rakkmu, bizzilel u glalen. Issa wieħed għandu mnejn jistaqsi: “Kristu twieled fil-faqar, x’sens jagħmel presepju mimli b’kull lussu bħalma nsibu fil-presepju Napiltan?” u “Kristu ħa l-passjoni, ġie mneżża’ minn ħwejġu, dawk li kienu qed jaraw x’qed jiġri jew dawk li nzertaw fil-post ma kienux  liebsa dak il-lussu li naraw fil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Spanja, għalfejn mela jitlibbsu hekk?”



Palazz ta' Versailles
It-tweġiba hija waħda xi ftit jew wisq ikkomplikata. Billi n-Nisrani jaf li l-bniedem ma ġabx ruħu sewwa u ma laqax lil Ġesù kif suppost, iħoss bħal ħtija fuq spallejh. Għalhekk fir-rappreżentazzjoni tat-twelid ta’ Kristu biex bħal jikkompensa xi ftit min-nuqqas li għamel il-bniedem ta’ qabel, jipprova joffri xena ta’ kif kien xieraq jintlaqa’ fid-dinja Kristu. L-istess fil-passjoni. Biex bħal jitpatta xi ftit dan it-tort li l-bniedem għamel, il-pupazzi, jew statwi li jitlibbsu biex jirrapreżentaw din il-ġrajja jkunu mlibbsin bl-akbar lussu. Dan huwa s-sens antropoliġiku tal-Barokk fir-reliġjon.

Illum żmien il-Barokk spiċċa, imma xorta għadna napprezzaw dan l-istil rikk u elaborat

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 12 ta' Diċembru 2020




Nessun commento:

Posta un commento