Visualizzazione post con etichetta PALJU. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta PALJU. Mostra tutti i post

sabato 25 agosto 2018

Sħana u frisk


Ninsabu fl-eqqel tas-sajf, fl-eqqel tas-sħana. Kulħadd jonfoħ kulħadd irewwaħ, kulħadd ifittex id-dell, kulħadd ifittex il-frisk. Imma l-frisk mhux dejjem issibu. Kultant niskantaw kif kienu jgħaddu qabel, meta missirijietna ma kellhomx l-apparat elettroniku li għandna llum biex niffriskaw l-ambjent tal-kamra li nkunu fiha. Tgħidulix kif imma b’xi mod jew ieħor kienu jgħaddu u bilfors kellhom jgħaddu ladarba ma kellhomx mod ieħor x’jagħmlu.

Żvilupp
Illum il-ġurnata lanqas nimmaġinawna ngħixu f’dinja mingħajr apparat tal-arja kkondizzjonata, imma ma rridux ninsew li dan l-apparat li llum huwa komuni ħafna ma kienx jeżisti minn dejjem.

Sa minn żmien il-qedem il-bniedem fittex li jtaffi s-sħana tas-sajf billi jivvinta xi apparat. Mhux biss is-slaten u l-għonja kien ikollhom l-imrewħa biex toħolqilhom ftit riħ li jkeċċi s-sħana. Il-fargħun fl-Eġittu kien ikollu tnejn minn nies irewħulu mriewaħ magħmulin minn rix ta’ tajr kbir. FL-Indja kienu jwaħħlu strixxi tal-bamboo flimkien biex jiffurmaw speċi ta’ mrewħa li nafu aħna llum. Iċ-Ċiniżi vvintaw apparat li jitfa’ r-riħ wara li tkun dawwart l-imratt tal-apparat.

l-imrewħa tal-idejn dejjem kienet popolari u daħlet anke fil-folklor ta’ żewġ pajjiżi ibegħdin minn xulxin kemm geografikament kif ukoll kulturalment. Il-kostum tradizzjonali Ġappuniż iġib mara bl-imrewħa f’idha. L-istess jagħmel il-kostum tradizzjonali Spanjol. Dan jurina kemm is-sħana ddejjaq lil kulħadd u kemm kulħadd ifittex li jsib mezz kif jeħles minnha.



Bid-dawl elettriku
Bejn l-1882 u l-1886 l-Inġinier Amerikan Schuyler Wheeler ħoloq l-ewwel apparat li jitfa’ r-riħ li jaħdem bid-dawl elettriku. Dan l-apparat issejjaħ imrewħa li bl-ilsien Ingliż tiġi Fan. Aħna l-Maltin ħadna l-isem Ingliż għal dan l-apparat u għadna sal-lum insejħu fan dak l-apparat li itfa l-riħ u mrewħa dik li żżomm il-mara f’idha, dik li tieħu magħha l-knisja biex toqgħod trewwaħ waqt li l-qassis ikun mitluf itawwal l-omelija tiegħu! 

Hawn nixtieq naqsam magħkom osservazzjoni żgħira li minn dejjem għamilt f’qalbi. Anke fejn jidħol it-trewwieħ hemm il-ġeneru. Il-mara trewwaħ bl-imrewħa u r-raġel irewwaħ bil-palju. Wisq nibża li hemm bosta żgħażagħ li lanqas jafu x’inhu palju għax illum donnu għeb għal kollox minn pajjiżna. Jingħad li qabel kienu jġibu dawn il-paljijiet minn Tunes u jbigħuhom Malta. Ġieli smajt min jgħid li kienu jduru bihom fit-toroq. Jien aħħar li rajt għall-bejgħ kien fuq il-monti Għawdex!

Intant l-invenzjoni ta’ Wheeler kellha suċċess kbir u l-fannijiet bdew jinbiegħu bħall-pastizzi. Ovvjament kien jeħtieġ li min jixtri fan ikollu d-dawl elettriku fid-dar għax mingħajru ma jaħdimx. Meta d-dawl elettriku nfirex fl-Ewropa kollha, il-fannijiet bdew ukoll isibu rwieħom fid-djar tagħna. Qed ngħid tagħna bħala Ewropej mhux bħala Maltin. Id-dawl elettriku f’pajjiżna kien introdott fl-1882, fl-istess sena li beda jaħdem fuq il-fan l-Inġinier Wheeler imma dam ftit mhux ħażin biex inxtered ma’ Malta kollha.

Il-fan kellu suċċes enormi iżda biż-żmien kollox ikollu jwarrab u jagħmel wisa’ għal ta’ warajh. Hekk gralu l-fan meta l-bniedem beda jagħżel li f’daru jkollu l-arja kkondizzjonata. Fis-snin sittin tas-seklu li għadda l-produzzjoni tal-fannijiet ħadet daqqa ’l isfel. Mhux li ma baqgħux jiġu manifatturati imma t-talba għalihom naqset sewwa.
Bil-gass
Fl-1820 ix-xjenzat Inġliż Michael Faraday sab li jekk issir taħlita ta’ Idroġenu u Nitroġenu, dik li tissejjaħ Ammonja, tissaħħan sakemm tevapora, din tkessaħ l-arja ta’ qrib il-kontenitur tagħha. Din l-iskoperta kbira wasslet biex jibda jiġi prodott is-silġ b’mod artifiċjali. Sa dak iż-żmien kienet in-natura biss li l-ilma tibdlu f’silġ.

Minn din l-iskoperta gawdejna bil-kbir. Issa bdejna niffriżaw l-ikel u beda jkollna l-kaxxa tas-silġ id-dar. Il-fridge hija apparat li llum insibuh f’kull dar, imma minn din l-istess skoperta ġawdejna l-benefiċċju tal-apparat tal-arja kkondizzjonata.

Willis Carrier

Forsi hawn min jgħid: dan min hu? U naħseb li jkollu raġun jistaqsi għax huwa l-bniedem li vvinta l-apparat tal-arja kkondizzjonata u forsi ftit li xejn nisimgħu dwaru. L-ewwel apparat minn dan beda jaħdem fis-17 ta’ Lulju 1902. Carrier ħadem dan l-apparat għal stamperija biex tissolva problema li kienet qed toħloq is-sħana fil-proċess tal-istampar. Kien sewwasew fi New York li ntuża l-ewwel apparat bħal dan. Dan ma kienx jikkontrolla biss it-temperatura tal-post iżda jikkontrolla l-umdit
à wkoll, żewġ punti importanti fil-qasam tal-istampar.
L-invenzjoni ta’ dan Carrier tant kienet brillanti li nxterdet mad-dinja kollha, mhux biss fil-qasam industrijali imma wkoll f’dak domestiku. Aktarx li l-ewwel dar fid-dinja li kellha air conditioner kienet ta’ ċertu Charles Gilbert Gates f’Minneapolis l-Istati uniti. Dan kien installat f’din id-dar fl-1914. Ħasra li Gates kien miet is-sena ta’ qabel u kienu l-werrieta li gawdew minn din l-invenzjoni.
Illum dan l-apparat insibu mhux biss fi djarna imma fil-ħwienet, fl-uffiċċji, fil-karozzi, fil-karozzi tal-linja u fil-knisja wkoll.

Imnalla kienu dawn it-talin kollha biex aħna nistgħu ntaffu ftit mis-sħana, li qed tagħmel.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Awwissu 2018


lunedì 27 ottobre 2014

L-ISQOF MA JIEĦUX PALJU

ARĊISQOF LIEBES IL-PALJU
Il-kelma “palju” ġejja mil-Latin pallium, li tfisser mantell tas-suf, li l-Knisja Kattolika adattat bħala ilbies liturġiku. Il-palju fil-liturġija tal-Knisja jirreferi għal dik l-istrixxa tas-suf bajda, bis-slaleb suwed li l-arċisqfijiet metropolita jkollhom fuq spallejhom waqt il-funzjonijiet liturġiċi.  Illum dan il-palju jkollu forma ta’ Y imma kien hemm żmien li l-parti mdendla kienet tinżel minn fuq l-ispalla x-xellugija u mhux min-nofs. Għal xi żmien il-Papa Benedettu XVI uża palju bħal dan imma wara reġa’ beda juża dak forma ta’ Y.
IL-PALJU T-TWIL

Jekk nosservaw sewwa, mhux kull isqof ikollu l-palju. Il-Papa jkollu palju, l-arċisqof ta’ Malta jkollu palju għax hiija arċidjoċesi metropolita, imma l-isqof awżiljaru jew l-isqof ta’ Għawdex ma jkollux palju għax ma humiex metrapolita. Mal-Papa u l-arċisqfijiet metropolita inżidu biss lill-Patriarka ta’ Ġerusalemm, il-bqija ħadd iżjed ma għandu dritt jilbes dan l-ilbies liturġiku, ħlief f’ xi każi fejn il-Papa jagħti l-privileġġ  li jintlibes minn xiħadd ieħor bħalma gieli ġara.  Imma l-isqof ma jieħux palju!

Oriġinarjament dan kien jintlibes biss mill-Papa. Il-palju tas-suf jissimbolizza l-ħaruf, u bih fuq spallejh, il-Papa kien ikun jissimbolizza ir-ragħaj it-tajjeb li jġorr il-ħaruf fuq spallejh. Biż-żmien il-Papa ikkonċeda li dan l-ilbies jibda jintlibes ukoll mill-arċisqfijiet metropolita bħala sinjal ta’ għaqda miegħu. Illum it-titlu ta’ metropolita huwa aktarx sempliċiment unur. L-isqfijiet metropolita jilbsu l-palju fid-djoċesi tagħhom u fit-terrritproju tal-provinċja ekklezjastika tagħhom biss.

L-GĦOTJA TAL-PALJU
Is-suf li minnu jsiru l-palji ikun minn tal-ħrief imkabbra fil-monasteru tal-patrijiet trappisti, Tre Fontane ġewwa Ruma. Dawn il-ħrief jitbierku fil-bażilika ta’ Sant’ Anjeże furi la mura f’ Ruma wkoll nhar il-21 ta’ Jannar, festa ta’ din il-qaddisa. Meta l-ħrief jikbru u jinġiżżu, is-suf tagħhom jintiseġ u jinħadem f’ paljijiet mis-sorijiet tal-klawsura tal-monasterun ta’ Santa Cecilia in Trasteve f’ Ruma wkoll.


Nhar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, id-29 ta’ Ġunju, dawn il-paljijiet jiġu meħudin fil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u fil-bidu tal-quddiesa mmexxija mill-Papa, jingħataw lil dawk l-arċisqfijiet metropolita li jkunu laħqu tul dik l-aħħar sena. 

Fr Reno Muscat