ARĊISQOF LIEBES IL-PALJU |
Il-kelma “palju”
ġejja mil-Latin pallium, li tfisser
mantell tas-suf, li l-Knisja Kattolika adattat bħala ilbies liturġiku. Il-palju
fil-liturġija tal-Knisja jirreferi għal dik l-istrixxa tas-suf bajda,
bis-slaleb suwed li l-arċisqfijiet metropolita jkollhom fuq spallejhom waqt
il-funzjonijiet liturġiċi. Illum dan
il-palju jkollu forma ta’ Y imma kien hemm żmien li l-parti mdendla kienet
tinżel minn fuq l-ispalla x-xellugija u mhux min-nofs. Għal xi żmien il-Papa
Benedettu XVI uża palju bħal dan imma wara reġa’ beda juża dak forma ta’ Y.
IL-PALJU T-TWIL |
Jekk nosservaw
sewwa, mhux kull isqof ikollu l-palju. Il-Papa jkollu palju, l-arċisqof ta’
Malta jkollu palju għax hiija arċidjoċesi metropolita, imma l-isqof awżiljaru
jew l-isqof ta’ Għawdex ma jkollux palju għax ma humiex metrapolita. Mal-Papa u
l-arċisqfijiet metropolita inżidu biss lill-Patriarka ta’ Ġerusalemm, il-bqija
ħadd iżjed ma għandu dritt jilbes dan l-ilbies liturġiku, ħlief f’ xi każi fejn
il-Papa jagħti l-privileġġ li jintlibes
minn xiħadd ieħor bħalma gieli ġara. Imma
l-isqof ma jieħux palju!
Oriġinarjament
dan kien jintlibes biss mill-Papa. Il-palju tas-suf jissimbolizza l-ħaruf, u
bih fuq spallejh, il-Papa kien ikun jissimbolizza ir-ragħaj it-tajjeb li jġorr
il-ħaruf fuq spallejh. Biż-żmien il-Papa ikkonċeda li dan l-ilbies jibda jintlibes
ukoll mill-arċisqfijiet metropolita bħala sinjal ta’ għaqda miegħu. Illum
it-titlu ta’ metropolita huwa aktarx sempliċiment unur. L-isqfijiet metropolita
jilbsu l-palju fid-djoċesi tagħhom u fit-terrritproju tal-provinċja
ekklezjastika tagħhom biss.
L-GĦOTJA TAL-PALJU |
Is-suf li minnu
jsiru l-palji ikun minn tal-ħrief imkabbra fil-monasteru tal-patrijiet
trappisti, Tre Fontane ġewwa Ruma. Dawn il-ħrief jitbierku fil-bażilika ta’ Sant’
Anjeże furi la mura f’ Ruma wkoll nhar il-21 ta’ Jannar, festa ta’ din
il-qaddisa. Meta l-ħrief jikbru u jinġiżżu, is-suf tagħhom jintiseġ u jinħadem
f’ paljijiet mis-sorijiet tal-klawsura tal-monasterun ta’ Santa Cecilia in
Trasteve f’ Ruma wkoll.
Nhar il-festa ta’
San Pietru u San Pawl, id-29 ta’ Ġunju, dawn il-paljijiet jiġu meħudin
fil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u fil-bidu tal-quddiesa mmexxija
mill-Papa, jingħataw lil dawk l-arċisqfijiet metropolita li jkunu laħqu tul dik
l-aħħar sena.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento