Donnu li f’ dawn l-aħħar ġimgħat qomna minn raqda twila u bdejna nisimgħu
bosta jilmentaw mill-problema kbira li għandna f’ pajjiżna fejn jidħol
it-traffiku. Hekk kif reġgħu fetħu l-iskejjel, triqatna mill-ġdid faru
bil-karozzi.
Il-wied ta’ Ħal Qormi

Innaqqsu l-karozzi
Jekk ngħid li biex insolvu din il-problema rridu nnaqqsu l-karozzi
mit-toroq ma nkunx skoprejt l-Amerika, hija l-aktar ħaġa prattika li tista’
ssir. Smajna kemm-il darba min issuġġerixxa proġetti biex jitnaqqsu l-karozzi
mit-toroq tagħna. Forsi l-aktar proposta sensibbli hija dik li gurnata joħorġu
l-karozzi bin-numri fart u l-għada joħorġu dawk bin-numri żewġ. Hemm min jgħid
li b’ hekk jonqsu l-karozzi bin-nofs u titnaqqas naqra din il-problema, imma
sistema bħal din għandha mnejn toħloq problemi lil xi persuni. Min għandu żewġ
karozzi ma taffettwahx din is-sitema imma min għandu waħda biss tolqtu ħażin.
Barraminhekk, min għandu żewġ karozzi ma jistax ikun qiegħed isuqhom it-tnejn
li huma fl-istess ħin, allura ma nistgħux ngħidu li jekk tidħol din il-prattika
jonqsu nofs il-karozzi.
Ħsara u mard
Servizz pubbliku
Meta pajjiż ikollu servizz ta’ trasport pubbliku effiċjenti jitnaqqas sewwa
n-numru ta’ karozzi fit-toroq. Imma biex ikollok servizz ta’ trasport pubbliku
tajjeb, ir-rotot iridu jaqdu l-ħtiġijiet tal-akbar numru ta’ nies possibbli.
Min jagħmel ir-rotot ma jistax ikun persuna li għandha x-xufier li joħodha fejn
tkun trid mingħajr ma qatt tuża il-karozzi tal-linja. Niftakar meta bdew jaħdmu
l-karozzi tal-Arriva f’ Malta kont għadni l-kunvent tar-Rabat. Kien hemm
karozza li titlaq mill-Baħrija u tasal Wied iż-Żurrieq, mhux ħaġa ħażina.
Minħabba n-nuqqas ta’ mezzi, il-karozzi mir-Rabat sal-belt Valletta ma bdewx
jaħdmu. Is-sens komun jitlob li tħaddem karozza mir-Rabat sal-belt u mhux sa Wied
iż-Żurrieq.
![]() |
Idea ta' Metrò f' Malta ta' Jonn Galea ara: http://www.jonngalea.com/project/malta-metro/ |
Pass avventuruż
Biex nimxu ’l quddiem irridu nkunu xi ftit avventurużi. Kultant avventura
tista’ tinstema’ bħala bluha għall-bidu imma mbagħad ladarba tindara ma tibqax
titqies hekk. Jien nixtieq nissuġġerixxi pass avventuruż għall-pajjiżna. Min
jaf kieku nintorduċu l-metrò f’ pajjiżna? Ferrovija li tgħaddi minn taħt l-art,
fejn hu possibbli, li taqsam Malta minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel,
b’ waqfiet fi stazzjonijiet f’ ċentri importanti ta’ pajjiżna u minn hemm
wieħed isib karozzi tal-linja li jagħmlu d-dawra tagħhom f’ irħula jew bliet
qrib dik il-waqfa. Isir programm li dak li jkun ma jkollux għalfejn jistenna
wisq minn meta jinżel fl-istazzjon tal-metrò sakemm jaqbad il-karozza tal-linja
li tieħdu fejn ikun irid.
Din hija biss ħolma tiegħi, forsi bluha wkoll, imma wasal il-waqt li
nagħmlu xi ħaġa bis-serjetà. Ma jistax ikun nibqgħu nżidu l-karozzi fit-toroq
tagħna, inżidu t-tgergir u nibqgħu b’ idejna fuq żaqqna bla ma niddeċiedu li nagħmlu
pass avventuruż biex innaqsu darba għal dejjem il-problema tat-traffiku f’
pajjiżna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 25 ta' Ottubru 2014
Nessun commento:
Posta un commento