Li aħna l-Maltin għandna sens qawwi ta’ nazzjonaliżmu ma
huwiex xi sigriet. Illum aktar minn qatt qabel sirna ngħożżu dak kollu li huwa
Malti. Saru ħafna u ħafna żbalji għax ma bżajniex għall-patrimonju tagħna u
llum jiddispjaċina u qegħdin nippruvaw nirranġaw fejn nistgħu. Mingħajr ma
noqgħodu nwaħħlu f’ dak u fl-ieħor illum ta’ dak li ġara, illum jeħtieġilna
nibżgħu għal dak li għandna sabiex għada uliedna jkunu jistgħu jgawdu dak li
ngħaddulhom.
Mhux materjali biss

Kontradizzjoni
Fuljett maħruġ minn
Kunsill Lokali kien mimli żbalji tal-Malti. Ġbidt l-attenzjoni lil xi
kunsilliera ħbieb tiegħi dwar dan in-nuqqas. Fil-ħarġa ta’ wara l-iżbalji
naqqsu, imma ma sparixxewx. Kont sejjer nerġa’ nikteb lil dawn il-ħbieb
kunsilliera imma ftakart fil-qawl Malti li jekk taħsel ras il-ħmar tkun qed
taħli l-ilma u s-sapun. Inħossni li tradejt ilsien pajjiżi, inħossni nqast!
Djaletti
Il-fatt li f’ilsien mitkellem minn inqas minn nofs miljun persuna
ssib il-varjanti huwa sinjal ta’ kemm huwa ilsien ħaj. Verament li l-varjanti
fil-Malti huma żgħar u wieħed minn Birżebbuġa jista’ jifhem bla xkiel dak li
jkun qiegħed jgħid wieħed mill-Mellieħa. Bejn Malta u Għawdex hemm xi varjanti
li wieħed għandu mnejn ma jifhimhomx. Ġieli smajt l-idjomna “Mela qed inkellmek
bil-Brejku?”. Din l-idjoma llum inbidlet
u spiss ngħidu “Mela qed inkellmek biċ-Ċiniż?” jew bl-Għarbi? Il-Brejku huwa
djalett Malti li kien nitkellem f’ xi partijiet ta’ Għawdex. Illlum għad hemm min juża dan id-djalett imma
dawn huma waħdiet. Mill-kumplament id-djaletti Maltin nifhmuhom sew, u spiss
ikunu sinjal li juru minn fejn aħna. Jekk il-kliem tiegħu jew miegħu minflok
nispiċċawhom bil-ħoss “aw” nispiċċawhom bl-“u” kulħadd jinduna li nkunu
min-naħa tal-Kottonera. Jekk il-kelma “huwa” xi ħadd jippronunżjaha “huwwa” u
l-kelma “hija” jgħidha “hijja” f’ moħħi nimmaġina lil dik il-persuna min-naħa
taż-Żejtun filwaqt li jekk minflok “Madonna” jgħid “Madunna” ngħid li dak ikun
Qormi. Jekk minflok “mogħża” nisma’ “magħża” ngħid li dak huwa mill-inħawi
tal-Mosta. Jekk minflok “oqgħod” nisma’ min jgħidli “okgħod” naħseb li dik
il-persuna ġejja min-naħa ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex. Dawn huma id-djaletti
Maltin li għandna nagħtu kashom u jekk ma jeżistix xi ktieb li jiġborhom,
nissuġġerixxi li jkun ippubblikati wieħed wara li jsir studju ta’ din il-parti
tal-lingwistika Maltija. Jekk diġà jeżisti ktieb bħal dan, ngħid prosit lil min
ħa ħsieb jagħmlu.
Tgerfix bla bżonn
![]() |
Għalfejn Sant' Elena u mhux Santa Liena? |
Spiss
nisimgħu kliem jew ismijiet li suppost ikunu bil-Malti imma ma jkunu
pronunzjati bil-Malti xejn. Kemm-il darba nisimgħu minn ikun qiegħed jaqra waqt
xi quddiesa u l-kapitali ta’ Iżrael jgħidilha Ġerùsalemm minflokk Ġerusalèm.
Bil-Malti għandna l-pronunzja għal din il-kelma u niżbaljaw meta nsejħu lil din
il-belt bl-isem Ingliż. Dawk li jiktbu l-Intertnational
Phonetic Language jagħmlu din id-differenza fiż-żewġ pronunzji ta’ isem din
il-belt: [dʒəˈruːsələm] u [dʒəruːsəˈləm].
Ħaġa oħra
li sirna nisimgħu jew naraw dan l-aħħar huma dwar isem ta’ żewġ qaddisin. Illum
Santa Liena sirna nsejħuilha Sant’ Elena u San Bastjan żidnielu prefiss ma’
ismu u sar Sebastjan. F’ ġieh kemm hemm, x fiha ħażin li lil dawn il-qaddisin
insejħulhom bl-isem Malti? Tgħid jieħdu għalihom? Fuq l-istess argument lil San
Ġużepp nibdew insejħulu San Ġużeppe u lil San Lawrenz nibdew ngħidulu San
Lorenzo. U bonswa ilsien Malti.
Dan huwa wirt ukoll, ilsienna tgħallimnieh mingħand
il-ġenituri tagħna u tajjeb ngħadduh lil dawk ta’ warajna. Tabilħaqq li lsien
ħaj jevolvi u jinbidel , imma ma għandniex nevolvuh iżżejjed, ma għandniex
nibdluh bi ksuħat iżda għax ikun hemm ħtieġa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 4 ta' Ottubru 2014
Nessun commento:
Posta un commento