L-aktar kitba
antika li nafu biha u li ssemmi l-konsagrazzjoni ta’ isqof insibuha fl-ewwel
ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju. Din l-ittra inkitbet lejn l-aħħar
tal-ewwel seklu, meta l-Knisja kienet bdiet tinfirex sewwa u għalhekk kien
jeħtieġ li tkun organizzata. Pawlu kien
ħalla lil Timotju bħala isqof ġewwa Efesu, għall-ħabta tas-sena 62 jew 64, ftit
qabel ma d-destin ried li jiġi Malta. F’ din l-ittra Pawlu jgħid: “Ibqa’ f’Efesu,
bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli
ma jgħallmux tagħlim ieħor.” [1Tim:1:3]. Fl-Atti tal-Appostli nsibu wkoll silta
li titratta l-isqfijiet. “Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u
għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien
trabba ma’ Erodi t-Tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu
lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: ‘Agħżluli malajr lil Barnaba u
lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.’ Mbagħad, wara li samu u talbu,
qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom. Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu
s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. [Atti:13: 1 -
4] Hawnhekk Luqa wara li jgħid li kien hemm profeti u għalliema jżid li kien
wasal il-waqt li x-xogħol tal-Knisja jibqa’ miexi ‘l quddiem u għalhekk sar
it-tqegħdi tal-idejn, li jfisser il-konsagrazzjoni. Din hija parti importanti
għax nindunaw li anke Pawlu qagħad għat-tqegħid tal-idejn, mill-profeti u
l-għalliema li kienu immexxijin mill-Ispirtu s-Santu. F’ dawn iż-żewġ siltiet
ninnutaw xebħ għax fit-tnejn insibu li t-tqegħdi tal-idejn jew l-ordni u
l-għażla tal-mibgħut mill-ġemgħa wara li tkun ispirata minn Alla.
Fl-ewwel ittra
lil Timotju, kif rajna, huma l-qassisin li jqiegħdu l-idejn tagħhom fuq l-isqof
il-ġdid. Fil-fatt, l-istituzzjoni tal-presbiteri kienet teżisti qabel l-ewwel
hekk imsejħa Konċilju ta’ Ġerusalemm, li
sar bejn is-sena 49 u 50. Dan nafuh minn tliet passi tal-Atti tal-Appostli. a) Hekk
għamlu, u bagħtu l-għajnuna għand il-presbiteri ma’ Barnaba u ma’ Sawl. [Atti:11:30]
b) Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn
il-Mulej. [Atti:14:23] ċ) Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom
bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu
Ġerusalemm ikellmu lill-Appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Meta
waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-Appostli u l-presbiteri laqgħuhom
tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Għalhekk l-Appostli
u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. [Atti:15:2.4.6). L-ewwel
Insara kienu Lhud u għalhekk kienu imdorrijin bis-sistema tas-sinagoga u
għalhekk kienu ħolqu l-presbiteri madwar Ġakbu li laħquh l-ewwel isqof tagħhom.
Fid-Didache, il-ġabra ta’ tagħlim u prattiċi
tal-Knisja bikrija, miktub fl-aħħar deċennji tas-seklu I, wieħed jista’
josserva l-koeżistenza ta’ profeti u għalliema min-naħa waħda u l-isqfijiet u
djakni min-naħa l-oħra. Hawn insibu miktub
“Agħażlu isqfijiet u djakni denji tal-Mulej, irġiel li għandhom morali, mhux
rgħiba, veritiera u affidabbli. Fil-fatt, huma jridu jaqdukom fil-ministeru ta’
profeti u għalliema.”[ Didache 11, 7] Kif jidher, l-isqfijiet u djakni huma magħżulin,
filwaqt li l-profeti u l-għalliema joperaw fuq il-bażi tal-Ispirtu mogħtija
lilhom. Dan insibuh ukoll fl-Atti tal-Appostli; “Dik il-ħabta xi profeti minn
Ġerusalemm niżlu Antjokja. Wieħed minnhom, jismu Agabu, kellu sinjal
mill-Ispirtu, u qam iħabbar li kien se jaqa’ ġuħ kbir fuq l-art kollha. Dan
seħħ tabilħaqq fi żmien l-imperatur Klawdju. [Atti:11:27.28]
Dwar ir-rit
tal-ordinazzjoni tal-isqfijiet insibu l-kitba fit-Traditio Apostolica ta’ San Ippollitu, kitba tal-bidu tat-tielet
seklu. Minn din il-kitba nindunaw li
l-aktar ġest essenzjali fl-ordinazzjoni ta’ isqof hija it-tqegħid tal-idejn.
Din issir fis-skiet minn isqfijiet oħra li jkunu qegħdin għall-ordinazzjoni.
Wieħed minn dawn l-isqfijiet jgħid it-talba li tikkonsagra lil dak l-isqof
il-ġdid. Fl-ewwel sekli tal-Knisja, in-nomina tal-isqof kienet issir
mill-komunità stess. Dan kien juri r-rapport ta’ familjarità u ħbiberija li kien
ikun hemm bejn il-komunità u l-isqof tagħha. Meta bdew jitwaqqfu l-provinċji
ekkleżjastiċi, l-elezzjoni bdiet issir quddiem il-metropolita, li kien
jiġġudika hu il-kwalitajiet ta’ dak magħżul.
KARLU MANJU |
Mal-mewt tal-Imperatur
Karlu Manju fis-sena 814, nistgħu ngħidu li beda il-perjodu fewdali li nxtered
mal-Oċċident kollu. Issa l-isqfijiet saru wkoll fewdi u bdew jingħatawlhom
artijiet kif ukoll ċerti immunitajiet. L-artijiet u l-immunitajiet kienu jingħataw
mis-slaten jew mexxejja bi skop li jkunu jistgħu jikkontrollaw lill-isqof u dan
jikkontrolla lill-poplu. Mis-seklu IX l-isqof nominat mis-sultan jew imperatur
kienet issirlu ċerimonja ta’ investitura fewdali li fiha kien jingħata
il-bastun pastorali. Mal-bastun, bħala simbolu ta’ isqof, żdied iċ-ċurkett jew
rużetta fis-seklu XI u fis-seklu XII żdiedet il-mitra. Fl-investitura
tal-isqfijiet fewdali kien hemm ir-rit fejn l-isqof kien iwiegħed fedeltà lejn
is-sultan, prinċep jew ikun min ikun il-mexxej ċivili. F’kelma waħda l-isqfijiet
kienu jiġu ikkonsagrati mill-mexxeja ċivili.
OTTONE I |
GREGORJU VII |
Mis-seklu XIII
il-Papa beda jinnomina l-isqfijiet hu stess u fis-seklu XIV din il-ħaġa bdiet
issir kullimkien. In-nomina issir bi proċedura sigrieta kif għadu jsir
sal-lum. Issa kien inqala’ gwaj ieħor.
Filippu IV, re ta’ Franza kien għamel taxxa fuq il-kleru sabiex ikollu biex
jiffinanzja l-gwerra. Il-Papa Bonifaċju VIII fl-1296 ħareġ bolla li tgħid li
biex issir xi taxxa fuq il-kleru, din trid
l-awtorità tal-Papa. Fl-1302 il-Papa ħareġ il-bolla Unam Sanctam, fejn iddikjara li l-Papa għandu kull poter, kemm
spiritwali kif ukoll temporali. Filippu IV ra thedida u indħil fil-politika tal-istat mill-Knisja u għalhekk beda joħodha kontra
l-Papa. Is-Sultan ta’ Franza spiċċa skomunikat. Wara dawn is-snin waslu kważi
sebgħin sena li fihom il-Papa ma kienx jgħix Ruma imma ttieħed Avignon fi
Franza. Il-problema ma kinietx għax il-Papa qiegħed Franza minflok Ruma, imma
għax il-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u għalhekk kien hemm dawn is-snin
kollha fejn l-isqof ta’ Ruma qatt ma żar id-djoċesi tiegħu.
Meta l-Papa reġa’
lura Ruma, is-sultan Karlu VI laqqa’ lill-isqfijiet Franċiżi f’ Pariġi. Hawnhekk
beda dak li jissejjah il Gallikaniżmu, li jipprova jillimita id-dritt tas-Santa
Sede fuq il-Knisja ta’ Franza. L-isqfijiet Franċiżi sostnew li l-Knsija f’
pajjiżhom kellha terġa’ takwista l-libertà mill-Papa. Il-Konċilju ta’ Costanza
fl-1415 u dak ta’ Basilea fl-1438 affermaw il-konċiljariżmu, jiġifieri li
l-konċilju, il-kardinali flimkien, huma fuq il-Papa. Is-Sultan Karlu VII
fl-1438 laqqa’ lill-kleru Franċiż kollu biex
isostni l-pożizjoni tiegħu favur il-konċiljariżmu u ħareġ digriet
bl-isem ta’ Pragmatica sanctio.
FL-1516 sar
konkordat bejn il-Papa Ljun X u r-Re Franġisku I ta’ Franza. B’ dan il-konkordat ġie fi tmiemu il-Pragmatica sanctio, biss issa n-nomina
tal-isqfijiet Franċiżi għaddiet f’ idejn ir-re. Matul ir-renju ta’ Lwiġi XIV
(1638 – 1715) il-Gallekaniżmu, li qatt ma kien spiċċa għal kollox fi Franza,
reġa’ għolla rasu. Fl-1682 ħareġ il-Declaratio
cleri gallicani, li fost oħrajn jiddikjara l-indipendenza tal-ġid temporali
ta’ Franza mill-Knisja. Dan id-digriet kien ikkundannat mill-Papa Alessandru
VIII fl-1690.
Fl-1801 sar
konkordat bejn il-Papa Piju VII u Napuljun I. Dawn ippruvaw itemmu n-nuqqas ta’
qbil li kien hemm bejn il-Knisja u l-istat li ġabet magħha r-rivoluzzjoni
Franċiża. Reġa’ daħal fis-seħħ id-dritt li kien ingħata fl-1516, jiġifieri li
l-Istat jinnomina lill-isqfijiet u li dawn jieħdu ġurament ta’ lealta lejn
l-istat. Bis-saħħa ta’ hekk il-Knisja setgħet terġa’ tinxtered fi Franza. Dan il-konkordat
baqa’ fis-seħħ sal-1905 meta Franza iddeċidiet li ma tibqax tirrikonoxxih.
Fl-Awstrija wkoll
kien hemm żmien fejn l-istat kien jikkontrolla l-Knisja. Taħt it-tmexxija ta’
Ġużeppi II bejn l-1765 u l-1790 kien hemm kontroll li ta’ bidu għal moviment li
kien jissejjaħ Ġużeppinimu. L-Imperatur Awsburgu Ġużeppi ħareġ il-Placet regio, jiġifieri il-kontroll
tal-istat fuq il-ħajja tal-Knisja. Dan kien
fetaħ seminarji statali sabiex fihom ikun iffurmat il-kleru, kien jintervjeni
fuq in-normi li għandhom x’ jaqsmu mal-kult u kien jagħżel l-isqfijiet hu.
Fl-Italja wara
r-risorgimento, l-għażla tal-isqfijiet kienet dejjem f’ idejn il-Papa.
Madankollu, skont il-konkordat li hemm bejn l-Italja u s-Santa Sede, meta jkun
sejjer jinħatar isqof Taljan, il-Knisja tgħarraf bih lill-gvern Taljan.
Kien fi Spanja u
l-Portugall li l-mexxejja ċivili baqgħu jisfruttaw mid-dritt li jagħżlu
l-isqfijiet. Dawn il-mexxejja kellhom mhux biss dritt li jaħtru isqfijiet imma
wkoll li jwaqqfu djoċesijiet ġodda. Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi kienu
skoprew id-dinja l-ġdida, fl-1492 kien ingħatalhom id-dritt li jwaqqfu
djoċesijiet u jinnominaw isqfijiet għalihom biex il-Knisja tinfirex f’ din
il-parti tad-dinja li għal dak iż-żmien kienet ġdida. Dan id-dritt kien għadu
jintuża sas-seklu XIX.
Realtà għal
kollox differenti insibuha fiċ-Ċina. Hawnhekk l-istorja tal-Knisja hija waħda
kkomplikata mmens. Fl-1949 il-Partit Komunista ħa t-tmexxija tal-pajjiż u keċċa
lill-missjunarji kemm Kattoliċi kif ukoll Protestatni. Fl-1957 il-gvern Ċiniż
waqqaf l-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika Ċiniża, li ma tirikonoxxix
lill-Papa jew lis-Santa Sede. Hija tinnomina u tagħżel l-isqfijiet tagħha. Fuq hekk
kien ħareġ enċiklika l-Papa Piju XII fl-1958 bl-isem Ad Apostolorum Principis. Imma fiċ-Ċina hemm Knisja Kattolika oħra,
dik klandestina, li l-isqfijiet tagħha jinħatru mill-Papa imma bosta drabi ma
nkunux nafu l-ismijiet tagħhom minħabba l-biża’ li dawn jiġu vvittimizzati
mill-gvern Ċiniż.
FERDINANDO MATTEI |
Id-Dritt Kanoniku
tal-Papa Benedettu XV tas-sena 1917 kien jgħid ċar u tond li l-għażla tal-isqfijiet
hija kompetenza tal-Papa għaliex l-isqfijiet imexxu l-Knisja u mhux l-istat. Il-Kodiċi
tad-Dritt kanoniku tal-1983 maħruġ
mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, f’ kanone numru 377 §1 jgħid li l-għażla
tal-isqfijiet hija libera f’ idejn il-Papa. Jeħtieġ li dak li jkun nominat
isqof ikollu tal-inqas 30 sena u li jkun
ilu qaddes ħames snin. Din in-nomina tkun preċeduta minn proċedura twila li
ssir b’ mod sigriet mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento