venerdì 24 ottobre 2014

MIN QIEGĦED IMEXXI D-DJOĊESI TA' MALTA BĦALISSA?

  L-Amministratur Appostoliku


Mal-aħbar tar-riżenja ta’ Monsinjur Pawl Cremona minn Arċisqof ta’ Malta tħabbar li Monsinjur Isqof Charles Jude Scicluna inħatar amministratur appostoliku. X’ inhu eżatt l-amministratur appostoliku?

Fil-Knisja Kattolika l-amministratur appostoliku huwa prelat imqabbad mill-Papa sabiex jaqdi l-uffiċju ta’ ordinarju. Il-kelma prelat ġejja mil-Latin prælatus, il-partiċipju passat ta’ præferre, li tfisser tmexxi, allura prelat tfisser mexxej, filwaqt li ordinarju ġejja mill-kelma, Latina wkoll, ordinarius, li tfisser dak li jagħti l-ordni, jew fi kliem ieħor, dak li jikkmanda u dak li jagħmel l-ordnijiet jew liġijiet.

Mons. Gonzi
Amministratur appostoliku jista’ jkun f’ żona li tkun għadha ma saritx djoċesi jew li ma tkunx sejra ssir djoċesi u hawnhekk ikollha amministratur appostoliku li jmexxi b’ mod permanenti dik iż-żona. Amministraturi appostoliċi bħal dawn insibuhom f’ pajjiżi li ma hemmx libertà tal-fidi u l-Knisja tista’ tkun taħdem b’ mod klandestin bħalma jsir fiċ-Ċina. Skont id-dritt Kanoniku, dawn l-amministraturi appostoliċi għandhom id-drittijiet u d-dmirijiet kollha li għandhom l-isqfijiet djoċesani.
Amminstratur appostoliku jista’ jkun ukoll il-mexxej ta’ djoċesi li tkun spiċċat f’ sede vacante. Djoċesi ssib ruħha f’ sede vacante meta l-isqof imut, jirreżenja jew jiġi trasferit fi djoċesi oħra. Sakemm jinħatar isqof ieħor ikun hemm is-sede vacante u hemmhekk għandu jinħatar amministratur appostoliku, bħalma ġara fil-każ tar-riżenja tal-Arċisqof Cremona f’ pajjiżna. Ġieli jiġri li sakemm jinħatar isqof ġdid, l-isqof li jkun irtira jservi ta’ amministratur appostoliku sakemm jiġi kkonsagrat isqof ġdid.

Mons. Gerada
 Jista’ jagħti l-każ li l-isqof li jkun miet, irriżenja jew ġiet trasferit, ikollu miegħu isqof koadjitur. Isqof koadjitur ikollu d-dritt tas-suċċessjoni u għalhekk meta għal xi raġuni fid-djoċesi tinħoloq sede vacante, dan awtomatikament jinħatar l-isqof jew l-arċisqof tal-post. (Can. 403 - §3) Per eżempju fl-1943 l-Isqof ta’ Għawdex Mikiel Gonzi inħatar isqof koadjutur tal-Isqof ta’ Malta Mauro Caruana. Meta dan miet aktar tard dik is-sena, Gonzi, bi dritt, kien is-suċċessur ta’ Caruana. Biex inkun qegħdin ngħidu s-sewwa kollu, l-Isqof Emanuel Gerada kien inħatar isqof  awżiljarju ta’ Malta  fl-1967 u koadjutur fl-1968. Madanakollu huwa ma laħaqx arċisqof ta’ Malta meta warrab Monsinjur Gonzi. Gerada kien laħaq Nunzju ta’ El Salvador u l-Gwatemala fl-1973 minkejja li kellu d-dritt tas-suċċessjoni għall-Episkopat Malti.

Każ ieħor fejn jista’ jkun appuntat amministratur appostoliku huwa f’ każ rarissimu fejn is-sede ma tkunx vacante, ikun hemm isqof, u din tissejjah sede plena, imma l-isqof ikun f’ qagħda ta’ inkapaċità, jiġifieri ma jkunx jista’ jaqdi l-uffiċju tiegħu mija fil-mija minħabba għadd ta’ raġunijiet. Hawnhekk ukoll jinħatar amminstratur appostoliku.

Mons Scicluna
Amministraturi appostoliċi ta’ sede vacante jew sede plena jaqdu dan l-uffiċju sakemm ikun magħżul l-isqof il-ġdid biex jieħu pussess tad-djoċesi. Dawn l-amministraturi appostoliċi ma għandhomx id-drittijiet kollha li għandhom l-isfijiet. Il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jgħid x’ jistgħu jagħmlu u x’ ma jistgħux jagħmlu. Per eżempju ma jistgħux jiddisponu minn propjetà immobli tad-djoċesi u jekk dak li jinħatar amminstratur appostoliku jkun l-amministratur finanzjaru tal-djoċesi, dan għandu jwarrab minn din il-kariga u jinħatar amministratur finanzjarju ieħor. (Can. 423 §2)

Kif għidna, ġieli isqof li jkun warrab mill-kariga, iservi ta’ amministratur appostoliku sakemm jinħatar suċċessur għalih. Bosta drabi meta jkun hemm isqof awżiljarju dan jitpoġġa bħala amministratur appostoliku  u ġieli jinħatar l-ordinarju ta’ djoċesi qrib. Madanakollu huwa l-Papa li jiddeċiedi lil min jaħtar bħala ammistratur appostoliku.


 Fr Reno Muscat




Nessun commento:

Posta un commento