Visualizzazione post con etichetta randan. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta randan. Mostra tutti i post

sabato 25 marzo 2023

Santa Croce in Gerusalemme

F’dan iż-żmien tar-Randan dak li jkun jaħseb aktar dwar il-passjoni ta’ Kristu. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar knisja li tinsab f’Ruma li hija marbuta b’mod speċjali ma’ dan l-avveniment. Ser nitkellem dwar il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme. Din  hija waħda mis-seba' knejjes ta' Ruma li jiffurmaw parti mir-rotta ta' pellegrinaġġ tradizzjonali li kieent saret famuża minn San Filippu Neri.

Bini

Il-bażilika li qed insemmu nbniet fis- seklu IV ħdejn il-Palazzo del Sessorium li kienet ir-residenza ta' Sant'Elena, omm l-imperatur Kostantinu, ħdejn il-Lateran. Il-bażilika ma nbnietx biex tonora l-memorja tal-martri, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet iżda esklussivament biex tilqa’ fiha parti mis-Salib ta’ Ġesù, flimkien ma’ fdalijiet oħra tal-Passjoni li skont it-tradizzjoni Sant’Elena kienet ġabet lejn Ruma mill-vjaġġ tagħha lejn l-Art Imqaddsa fis-sena 325.

Mill-bidu din il-knisja kienet maħsuba bħala relikwarju kbir biex iżżomm xhieda prezzjuża tal-passjoni ta’ Ġesù. Il-bażilika tissejjaħ “f’Ġerusalemm” minħabba li fil-pedamenti tagħha intuża ġebel imbierek li kien miġjub mill-għolja tal-Kalvarju, ġebel trasportat fuq l-istess ġifen flimkien mal-istess relikwi tas-Salib. Għal din ir-raġuni sa mill-Medju Evu l-knisja kienet tissejjaħ sempliċiment "Hierusalem" u minħabba d-devozzjoni popolari, żjara lil din il-bażilika kienet tfisser daqslikieku tirfes fil-belt qaddisa ta' Ġerusalemm stess.

Storja

Il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme inbniet fuq il-fdalijiet ta' villa imperjali msejħa Horti Variani ad Spem Veterem, mibdija minn Septimius Severus u mitmuma minn Elagabalus fis- seklu III. Parti minn din il-villa kienu l-Anfiteatru Castrense, iċ-Ċirku Variano, il-Banjijiet Eleniane, imsejħa hekk wara r-restawr li sar mill-Imperatriċi Elena u żona residenzjali li fiha kien hemm sala kbira li aktar tard kienet użata għall-bini tal-knisja Santa Croce in Gerusalemme. Kien fuq l-inizjattiva ta’ Sant’Elena stess li s-sala kbira rettangolari ġiet mibdula f’bażilika Nisranija, li oriġinarjament kienet mgħottija b’saqaf ċatt, imdawwal b’għoxrin tieqa.

Medju Evu

Matul il-pontifikat tal-Papa Luċju II fis- seklu XII sar bosta tibdil f’din il-knisja, inqasmet fi tliet navati, żdied it-transett u l-kampnar għoli tmien sulari. Il-kampnar għandu tliet qniepen: tnejn huma ta’ Simone u Prospero De Prosperis (1631), it-tielet hija aktar reċenti u tmur lura għall-1957. Matul il-Medju Evu l-knisja rat restawr ieħor. Iżda matul il-perjodu li fih il-papa kien jgħix Avignon (1309 – 1377) din il-knisja kien mitluqa għal kollox.

Matul il- Medju Evu l-bażilika kienet post tal-pellegrinaġġi, b'mod partikolari dawk penitenzjali, speċjalment matul ir-Randan. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-papiet kienu jżuruha u jimxu ħafjin it-triq li tgħaqqad il-katidral ta’ San Giovanni in Laterano, fejn kienu joqogħdu l-papiet dak iż-żmien, mal-bażilika ta’ Santa Croce bħala sinjal ta’ penitenza. Wara huma kienu jqimu ir-relikwa tal-Salib ta’ Ġesù. Din it-tradizzjoni mbagħad ġiet integrata fil-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira, li tinkludi mument ta’ adorazzjoni tas-salib.

Età moderna

Fl-1743 il-bażilika u l-monasteru ta’ maġenbha ġew restawrati kompletament fuq inizjattiva tal-Papa Benedittu XIV, li kien marbut b’mod partikolari ma’ Santa Croce, peress li kien il-kardinal titulari tagħha qabel l-elezzjoni tiegħu għat-tron papali. Fl-1798 il-bażilika ġiet maħkuma mis-suldati Franċiżi waqt l- invażjoni Napoleonika u minnha nsterqu r-relikwarji prezzjużi tad-deheb li kienu jżommu l-frammenti tas-Salib, il-musmar u x-xewk. Ir-relikwarji attwali sar fl-1804. Fl-1870, wara l-waqgħa tal-Istat tal-Knisja, il-kumpless kollu ta’ Santa Croce ġie kkonfiskat u meħud għall-beni tal-Istat Taljan, u qatt ma ġie rritornat lis-Santa Sede. Il-bażilika u l-kumpless kollu ta’ Santa Croce għadhom proprjetà tal-istat Taljan.

Relikwi tal-Passjoni 

Kif ghidna, il-bażilika fiha bosta relikwi fosthom uħud tradizzjonalment marbuta mal-Passjoni ta' Ġesù . Dawn huma tliet frammenti tas-Salib, magħruf bħala Veru Lignu, parti mill-kuruna tax-xewk, musmar li bih kien imsallab Kristu mas-salib u Titulus Crucis. It-Titulus Crucis huwa relikwa li tikkonsisti fi njama tal-ġewż li skont it-tradizzjoni hija l-kundanna li kien hemm imwaħħla fuq is-salib ta’ Kristu. Minbarra din tal-aħħar, li nstabet fl-1492, ir-relikwi l-oħra ġew konservati kontinwament mis-seklu IV u dawn huma l-aktar relikwi antiki li għandna tagħrif fuqhom. Matul is-sekli ġew miżjuda relikwi oħra ta’ inqas importanza mar-relikwi tal-Passjoni ta’ Kristu, uħud ta’ provenjenza inċerta, bħalma huma l-frammenti tal-grotta ta’ Betlehem u tas- Santu Sepulkru u tal-kolonna tal-Flagellazzjoni, il-patibulum (il-parti minduda ta’ salib) tal- Ħalliel it-Tajjeb u relikwa tas-saba' ta' San Tumas. Dawn kollha b’xi mod huma relikwi marbuta mal-ġrajjiet tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù,

Illum tkellimmna dwar knisja partikolari li fiha relikwi tant għeżież speċjalment f’dawn il-jiem. Knisja li minkejja li tinsab mhux wisq bogħod miċ-ċentru ta’ Ruma, għandi l-impressjoni li ftit huma dawk minna li jżuruha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Marzu 2023



venerdì 6 marzo 2020

Beda r-Randan


Ta’ kull sena il-perjodu ta’ qabel il-festi tal-Għid il-Kbir ikun wieħed intensiv ħafna. Mhux qiegħed nirreferi għal-lat reliġjuż ta’ dan iż-żmien tas-sena iżda mil-lat organizzattiv ta’ ħafna ħidmiet u attivitajiet li jsiru fir-Randan ġewwa pajjiżna.

Tħejjijiet
F’pajjiżna llum il-ġurnata fil-Ġimgħa Mqaddsa sirna naraw bosta wirjiet marbutin mal-passjoni ta’ Kristu. Sa nofs seklu ilu dawn kienu rari imma llum sirt issibhom mifruxin ma’ Malta kollha. Bosta minn dawn il-wirjiet ikun fihom xogħol verament ta’ livell għoli. Wieħed iżur xi wirja minn dawn u jitlaq wara ftit minuti iżda l-preparamenti għaliha ikunu ilhom għaddejja bosta xhur. Dawn it-tħejjijiet ikunu jinvolvu bosta persuni u bosta snajja: mastrudaxxi, electricians, ħajjata, ħaddieda u min jaf kemm-il sengħa oħra tidħol bla ma forsi nintebħu meta nżuru dal-wirjiet. Dawn il-wirjiet jiġġeneraw ukoll xi ftit xogħol indirett bħal stampar ta’ posters jew libretti. Ħafna minn dawn il-wirjiet jibdew jiġu mħejjijin f’xi maħżen. Dawn l-imħażen huma tassew imħażen ta’ talenti għax meta wieħed jara l-prodott finali li ħafna drabi jkun frott il-ħidma volontarja, jara mhux xogħol ta’ dilettanti imma ta’ professjonisti fil-passatemp tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li nżuru dawn il-wirjiet u ngħinu kif nistgħu.


Ħoss
Tħejjija oħra li tibda f’dawn il-jiem hija l-prattika tad-daqq tal-marċi funebri fil-każini tal-banda. Il-marċi funebri ma jindaqqux daqs kemm jindaqqu l-marċi hekk imsejħin volanti allura żmien ir-Randan huwa ż-żmien li jerġgħu jibdew jiġu pprattikati mill-bandisti. La qed insemmu l-baned ma nistgħux inħallu barra id-diversi kunċerti u programmi ta’ mużika sagra u mużika oħra adattata għal dawn iż-żminijiet li bdew isiru mis-soċjetajiet mużikali dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Ħalli ngħid kollox. L-ewwel għidt li l-marċi funebri ftit li xejn jindaqqu għajr f’dawn il-jiem, biss hawn min jibda jdoqqhom mill-għada tal-Milied. Lil min hu dilettant ma tistax tlumu”

Xogħol
Kont qed nitkellem ma’ wieħed li xogħlu huwa ta’ dulċier. Dan qalli li f’dan iż-żmien jibdew jaħsbu għall-figolli u l-bajd tal-Għid. Kull staġun iġib xi naqra xogħol differenti miegħu. Hawn irrealizzjat li kull pajjiż għandu xi ħelu tipiku tal-Għid imma donnha l-bajda tal-Għid issibha kull fejn ikun iċċelebrat dan il-jum. Fi ċkuniti kienu popolari ħafna l-Karamelli tal-ħarrub iżda llum donnu ħadd ma għadu jfittixhom. Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira mbagħad insibu l-qagħaq tal-Appostli iżda dawn ma jistgħux isiru kmieni bħall-figolli għax billi huma ħobż, iridu jkunu friski għax jekk ikunu xotti ma jkun fihom l-ebda gost. Qabel ħallejt lil dan id-dulċier bi tbissima qalli “Father intom tgħidu lin-nies biex isumu fir-Randan, u aħna nibdew naħsbu biex kif jispiċċa jpattu ta’ kemm ikunu ilhom imxennqin!” Osservazzjoni ħelwa għax kos, qabel ir-Randan nieklu ikla prinjolata u kif jispiċċa nduru għall-figolli! Tabilħaqq li bejn il-karnival u l-festa tal-Għid il-Kbir hemm il-jiem tas-sawm u astinenza, imma ma tantx hawn min jogħlob minħabba s-sawm.

Fil-knejjes
Fuq kollox dan iż-żmien huwa żmien liturġiku. Fil-ħajja ċivili u soċjali ma jinbidel xejn imma hija l-ħajja spiritwali li tgħix f’dan ż-żmien li tagħmel differenza minn żminijiet oħra matul is-sena. Għalhekk ma jistax jonqos li fil-knejjes bħalissa jkun hemm bosta preparamenti għaddejjin li forsi ftit huma dawk li jindunaw bihom. Fil-knejjes minn fejn toħroġ il-purċisjoni jibdew it-tħejijjiet għalihom. Ilbies ġdid, manutenzjoni ta’ ieħor qadim, tindif tal-aċċessorji li jintużaw fil-purċissjoni u mitt ħaġa oħra. F’bosta knejjes minn dawn hemm id-drawwa li tinħareġ vara kull ġimgħa. Forsi din hija l-aktar ħaġa li tagħti fil-għajn, biss ibqgħu fuq kliemi li dawn il-ġranet huma mimlijin xogħol għas-sagristan u dawk li jgħinuh. Aktar ma tersaq il-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nibdew naraw dak li jkunu wettqu dawn it-talin minn wara l-kwinti. Bosta minn dak li naraw fl-aħħar ikun ilu lest jew imħejji ġimgħat sħaħ. Bir-raġun għaliex fuq kollox dawn il-jiem li qed insemmu huma festi tal-Knisja u għalhekk jixraq li jiġu ċċelebrati bl-akbar solennità.

Nagħtu sehemna
Dawk kollha li jorganizzaw xi wirja, dawk kollha li huma involuti f’xi għaqda tal-mużika kif ukoll ħafna minn dawk li jagħtu sehemhom fl-armar tal-knisja jagħmlu dan bħala delizju. Għalhekk tajjeb li napprezzaw l-isforzi kollha li jsiru minnhom. L-akbar apprezzament li nistgħu nagħtu huwa li nattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati minnhom, Il-wirjiet ikunu miftuħin għal madwar ġimgħa jew aktar, il-programmi mużikali jsiru aktarx f’ Ħadd il-Palm jew f’xi jum matul il-Ġimgħa Mqaddsa u ċ-ċelebrazzjonijniet liturġiċi jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ħadd il-Palm u Ħadd il-Għid. Tajjeb li nsibu ħin nattendu għal dawn l-attivitajiet li wara kollox huma maħsubin għall-publiku kollu. Tassew li ma tistax tmur tara kull wirja, ma tistax tmur tisma’ kull kunċert mużikali li jsir imma tajjeb wieħed imur jara u jisma’ dak li jista’.  Dan huwa l-akbar sehem li nistgħu nagħtu aħna bħala pubbliku.

Jonqos ftit biex dak li qed jitħejja joħroġ għad-dawl! Ejjew napprezaw il-ħafna sforsi u sagrifiċċi li bosta dilettanti jagħmlu bħalissa biex joffrulna t-talenti tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat


venerdì 8 marzo 2019

Tħejjijiet għall-akbar ġrajja


Għadna kemm bdejna ż-żmien tar-Randan, żmien li l-Knisja tpoġġi quddiemna biex nitħejjew għal żmien tal-Għid il-Kbir. Dan iż-żmien jiena nqisu bħal munita b’żewġt uċuħ li minkejja li huma marbutin ma’ xulxin u għandhom x’jaqsmu ma’ xuxlin, bħalma ż-żewġt uċuħ tal-munita huma tal-istess oġġett, madanakollu huma differenti. It-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir għandhom ukoll żewġt uċuħ, il-wiċċ tal-fidi u dak tal-kultura. Ejjew illum niffukaw biss fuq il-parti kuluturali u tradizzjonali ta’ dan iż-żmien.

Mid-dar
Anke fid-djar tagħna hemm xi affarijiet li jibdew jindikaw li dan huwa żmien differenti. Minkejja kollox, fil-maġġoranza tad-djar Maltin għadna nsibu xi xbieha tad-Duluri jew ta’ Kristu msallab. X’aktarx li matul dawn il-ġimgħat dawn isibu rwieħom f’xi post promineneti fid-dar b’xi xemgħa quddiemhom. Dak li jkun jinduna li dan huwa żmien ta’ tħejjija anke minn din id-drawwa sabiħa. Iżda mhux dan biss, forsi dari aktar mil-lum, anke l-kċina kienet turi li qegħdin fir-Randan. Id-drawwa li nhar ta’ Ġimgħa ma jittiekilx laħam hawn min iżommha matul is-sena kollha imma hawn min jagħmel dan il-ġest matul ir-Randan biss. Hawn min ma jiekolx ħelu tul ir-Randan kollu. Insomma llum hawn min la jduq laħam u lanqas ħelu mhux bi skop reliġjuż imma għax huwa l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Il-kċina Maltija matul ir-Randan għandha riċetti tabilħaqq tajbin imma ejjew insemmu biss ftit li ma jsirux fi żmien ieħor matul is-sena. Il-kwareżimal ma ssibux jekk mhux fir-Randan. Dan il-ħelu huwa tabilħaqq tajjeb bla ma trid meta tarah tidħol taż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istess ngħidu għall-karamelli tal-ħarrub. Lejn tmiem ir-Randan fil-kċina tagħna jitħejjew il-figolli li huma l-ħelu tradizzjonali għall-Għid il-Kbir u li ma ssibhomx lanqas matul is-sena. Dan huwa żmien it-tħejjija għal dan l-ikel.

Wirjiet
Illum f’pajjiżna saru jittellgħu bosta wirjiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn jinfetħu lejn l-aħħar ġimgħa tar-Randan imma t-tħejjija għalihom tkun ilha li bdiet nistgħu ngħidu mis-sena ta’ qabel. Biss matul ir-Randan dawn il-preparamenti jilħqu l-qofol tagħhom u nibdew naraw aktar attivitajiet fis-swali, fir-remissi jew f’postijiet oħra li jiftħu bwiebhom biex il-poplu jidħol jara xi jkun tħejja. Kemm żgħażagħ u anke dawk ta’ età akbar jinvolvu ruħom f’dawn it-tħejjijiet. Il-wirjiet li nistgħu naraw illum f’pajjiżna ma nistgħux ngħidulhom tad-dilettanti imma tal-professjonisti. Minbarra l-eluf ta’ ewro li jintefqu fihom wieħed jista’ jara l-ħila ta’ bosta Maltin hekk imsejħin “dilettanti”.

Knejjes
F’dawk il-knejjes li minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira issa nibdew naraw attività akbar minn tas-soltu. Issa jibdew joħorġu l-vari ġimgħa wara ġimgħa. Ir-reffiegħa jibdew iħejju u jaraw xi jkun meħtieġ għar-refgħ’ ta’ din is-sena. Elf preparament.

Imma l-attività ma nsibuhiex biss f’dawk il-knejjes li għandhom purċissjoni, fl-oħrajn xorta waħda ssir bidla. Bosta parroċċi llum jagħmlu xi pellegrinaġġ b’xi statwa, aktarx tar-Redentur. Qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa minn kull parroċċa toħroġ il-purċissjoni tad-Duluri. Dawn ukoll iridu t-tħejjija tagħhom, U l-knisja mhux dan biss għandha, fir-Randan isiru l-eżerċizzi u l-prietki u hemm minnhom jintramaw bid-damask. Huma bosta dawk il-parroċċi li matul dawn il-ġimgħat jorganizzaw xi pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla jew għall-għolja tal-Għammar quddiem Ta’ Pinu f’Għawdex fejn hemm l-istatwi tal-Via Sagra. Aktarx li għal dawn l-attivitajiet jattendu nisa mdaħħla fiż-żmien, imma mhux biss, dawn iġorru magħhom lin-neputijiet żgħar. Qed ngħid hekk għaliex in-nisa żgħar illum kollha jaħdmu tista’ tgħid u allura ma jkunux jistgħu jattendu u l-irġiel aktarx jistħu jmorru. Mhux għax għadnhom għalfejn jistħu!

Fi ftit kliem ikollna ngħidlu li kollox irid it-tħejjija tiegħu.

Għaqdiet mużikali
Mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandna d-drawwa li jkollna banda li ddoqq il-marċi funebri. Dawn il-marċi ma jindaqqux matul is-sena, sakemm ma jkunx hemm xi funeral li tieħu sehem fih il-banda. Allura jkun hemm bżonn ta’ tħejjija għalihom. Jibdew isiru kunċerti b’dawn it-tip ta’ marċi.  Xi għaqdiet mużikali ma jieħdux sehem f’purċissjoni imma xorta waħda jorganizzaw programm mużikali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn minbarra xi marċi funebri ikunu jinkludu mużika adattata għal dawn il-jiem. Mhux lakemm taqbad u ddoqq, hemm bżonn it-tħejjija.

Xi wħud minn dawn is-soċjetajiet jorganizzaw ukoll xi wirja fil-każini tagħhom, u hawn inkunu nistgħu naraw attività doppja għaddejja fis-sede ta’ dik l-għaqda, bandisti, żgħar u kbar, żgħażagħ u kbar iħejju għall-wirja u l-ħajja normali tal-każin. Kollox ma’ kollox biex fl-aħħar joħroġ il-prodott finali frott tat-tħejjija.

Dan huwa l-wiċċ l-ieħor tar-Randan, l-parti tal-preparazzjoni għal bosta attivitajiet li jsiru. Din hija il-parti mhux tar-reliġjon imma tar-reliġjożità ta’ poplu li fil-qiegħ ta’ qalbu jemmen. Jalla dan il-wiċċ ma jinfiridx mill-wiċċ l-ieħor tal-istess munita.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2019





venerdì 6 febbraio 2015

Frar Malti

Għadna kif bdejna x-xahar ta’ Frar, l-iqsar xahar tas-sena u għandu mnejn ikun ukoll l-iktar xahar kiesaħ, jew l-aktar xahar li fih tinżel xita. Madanakollu, għandu mnejn li la jkun l-iksaħ xahar u lanqas l-aktar xahar imxarrab. Fi Frar ta’ sentejn ilu, ħabib tiegħi, Taljan, ġie jqatta’ ġimgħa Malta u nzerta ġimgħa mill-aktar bnazzi. Huwa qalli li fir-raħal tiegħu, kważi kważi,  lanqas fis-sajf ma jkollhom temp bnazzi bħalma kellna aħna fi Frar ta’ dik is-sena. Imma Frar xortiħ ħażina u għandu l-fama li huwa xahar krudili: dan huwa Frar Malti, ma toħodlux kopja!

Qwiel
L-aktar qawl Malti magħruf li jsemmi lil dan ix-xahar huwa: ‘Frar fawwar il-bjar’. Ieħor jixbħu huwa ‘Frar fawwar, il-bidwi għana d-dar’ u ieħor ‘Frar fawwar kull xitla nwar’. Imma missirijietna jafu li Frar mhux dejjem l-istess u għalhekk kienu jgħidu ‘Frar daqqa fawwar u daqqa qattar’.
Frar huwa wkoll magħruf għall-kesħa li ħafna drabi tagħmel u għalhekk il-Malti jgħid: ‘Frar jiġbor lil kulħadd id-dar’ u ‘Frar jgħakkes ix-xjuħ u ż-żgħar’.

Karnival u randan
Ix-xahar ta’ Frar iffakkarna wkoll fi żmien il-bluha; il-karnival. Dawn il-jiem huma marbutin ma’ żmien ir-randan, jiem li fihom wieħed jixxala, jiddeverti u jitbaħrad biex imbagħad joqgħod lura fil-ġimgħat ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Il-karnival ta’ Malta ilu li twieled kważi 500 sena. Il-Kavallieri ġabu din id-drawwa magħhom u aħna ħadna l-qofol tagħha u żidna dak li ridna. Kull karnival  li jsir madwar id-dinja għandu xi ħaġa partikolari. F’ dak tagħna, fost oħrajn,  insibu l-Parata, it-tifkira tar-rebħa li l-Kavallieri u l-Maltin wettqu fuq il-qawwiet Torok fl-assedju tal-1565.

Kien hemm xi żmien li l-karnival ta’ Malta kien jiġi ċċelebrat f’ Mejju. Tassew li Frar ġieli kien kattiv ħafna ma’ dawk li jaħdmu s-sena kollha biex jibnu karrijiet trijonfali. Biss illum f’ pajjiżna qegħdin isiru jiem oħrajn fejn jiġi ċċelebrat karnival. Ikun dnub li l-Karnival ta’ Frar xi darba jispiċċa, mill-banda l-oħra huwa dnub ukoll li bosta xogħol u spejjeż jisfaw fix-xejn minħabba r-ras iebsa ta’ Frar.

Frar ukoll jagħti bidu għar-Randan u għalhekk jibbilanċja ftit bejn it-tbaħrid u l-bluha tal-Karnival mas-serjetà tar-randan. Illum ir-randan tilef ħafna minn dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, is-sawm insejna xi jkun, il-litruġija tal-Knisja inbidlet ukoll u għalhekk hawn min lanqas jintebaħ li nkunu dħalna f’ dan iż-żmien!

Frar ukoll iġib il-bidu ta’ bosta preparamenti għal dak li jsir fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Is-sagristan jibda jaħseb għall-purċissjoni u jibda joħroġ vara kull ġimgħa fil-kursija tal-knisja. Il-każini tal-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tal-wirjiet tal-vari jibdew jaħdmu sabiex din is-sena l-wirja tagħhom ikollha xi ħaġa differenti minn dik tas-sena l-oħra. 

Wasal Pawlu
Għalina l-Maltin, Frar ifakkarna wkoll fin-nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtutna. Żgur li bosta Maltin jogħxew meta jisimgħu l-vers tal-Atti tal-Appostli li jgħid: ‘Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta’ [Atti:28:1]. U għandhom għalfejn. Ftit huma l-pajjiżi li jissemmew fil-Bibbja. Malta waħda minnhom. Mhux il-pajjiżi kollha jistgħu jgħidu li għandhom dan il-privileġġ.

Il-festa ta’ San Pawl nawfragu hija festa għażiża għall-Maltin kollha. Kienet weġgħa ta’ qalb meta dan il-jum kien tneħħa minn festa pubblika. Apparti s-sinifikat reliġjuż tal-festa, nistgħu ngħidu li din hija l-ewwel riferenza bil-miktub għal din id-daqxejn ta’ gżira f’ nofs ta’ baħar. Anke għal dan il-fatt biss, l-10 ta’ Frar għandna nożżuh. Issa jekk Pawlu ta’ Tarsu wasalx Malta fl-10 ta’ Frar jew f’ xi jum ieħor ma jagħmilx differenza, l-importanti huwa s-sinifikat.

Qaddis ieħor
Qaddis ieħor li niftakru f’ dan ix-xahar huwa San Valentinu. Sewwasew fl-14 ta’ Frar il-Knisja tiċċelebra lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa. Hemm qaddis martri wkoll li jiġi ċċelebrat f’ dak il-jum, ismu huwa Valentinu. Illum id-dinja ikkumerċjaliżżat dan il-jum u dawritu f’ jum il-maħbubin.

F’ Malta wkoll Jum San Valentinu sar jum importanti fil-kalendarju tal-maħbubin u aktar u aktar importanti fil-kalendarju tan-negozjanti.

Dan u aktar iseħħ f’ pajjiżna fi Frar, l-iqsar xahar tas-sena. Iva xahar qasir, imma ma huwiex nieqes mill-attivitajiet.


Fr Renò Muscat

dan l-artiklu deher f' In-nazzjon, 7 ta' Frar 2015


sabato 29 marzo 2014

L-irħieb li taw bidu għar-Randan

Fl-erbgħin jum jew ftit aktar ta’ qabel it-tifkira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-Knisja Kattolika tistedinna sabiex inħejju ruħna sewwa b’ talb, penitenza u sawm għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika. Imma kif bdiet sewwasew din id-devozzjoni jew drawwa li llum hija parti mill-kalendarju liturġiku? Huwa maħsub li l-ewwel nies li bdew jagħmlu xi forma ta’ penitenza qabel l-Għid il-Kbir kienu l-irħieb tad-deżert. Oħrajn għamlu bħalhom u nħoloq ir-randan. X’ inhuma dawn l-irħieb? Huma speċi ta’ patrijiet tal-klawsura– eremiti jew le li matul is-snin sawru il-fenomenu tal-monakiżmu. Interessanti naraw ftit l-istorja tal-monakiżmu.
 
Il-monakiżmu kien fenomenu f’ bosta reliġjonijiet. Hemm dejjem il-problema tal-oriġini tal monakiżmu. Kemm tassew twieled għal raġunijiet spiritwali? Huwa tassew espressjoni tal-Kristjaneżmu? Le għax l-irħieb insibuhom ukoll fil-Ġudajiżmu, fil-Buddiżmu u f’reliġjonijiet Eġizzjani. Nafu li l-Lhud kellhom komunitajiet ta’ Esseni, bħal dik ta’ Qumran. Hemm dawk li jgħidu li l-monakiżmu Kristjan  huwa imitazzjoni ta’ monakiżmu ieħor aktar antik. Imma fil-monakiżmu Kristjan hemm il-motiv, l-imitazzjoni ta’ Kristu, ħaġa li ma tinstabx f’ monakiżmu ieħor u hija propju dil-ħaġa li tagħmel il-monakiżmu Kristjan uniku. Kienet ix-xewqa ta’ dawn l-irħieb li jinitaw l-erbgħin jum li Kristu għadda fid-deżert fit-talb u s-sawm li taw bidu għar-Randan.
 
Wara l-persekuzzjoni ta’ Dijoklezzjanu li bdiet fis-sena 303, kien l-Imperatur Kostantinu li ta l-libertà tal-kult fis-sena 313. L-Imperatur Toedoro għażel il-fidi ta’ Kristu bħala r-reliġjon uffiċjali tal-Imperu Ruman. Kien f’ dan l-ambjent li twieled il-monakiżmu Kristjan bħala l-istmerrija jew il-ħarba mid-dinja u l-mixja fuq il-passi ta’ Ġesù. Aħna nafu xi ħaġa dwar il-patrijiet tad-deżert grazzi għall-kitba ta’ Atanasju li kiteb il-ħajja ta’ Sant’ Anton Abbati. Iżda minn din il-kitba insibu li Anton kien mar għand raħeb ieħor fid-deżert, għalhekk huwa ma kienx l-ewwel raħeb. Xorta waħda, il-kitba ta’ Atansaju hija fondamentali għall-monakiżmu Kristjan. Nafu li fil-bidu ir-raħeb kien ifittex li jgħix waħdu fid-deżert, eremita, imma xi dixxipli kienu jmorru jingħaqdu miegħu u b’ hekk kienet tinbena speċi ta’ belt, kienet titwieled komunità. Nafu li l-ewwel monakiżmu Kristjan beda fl-Eġittu. Minbarra l-ħajja ta’ Sant’ Anton Abbati ta’ Atanasju għandna wkoll miktuba il-ħajja tar-raħeb Pawlu miktuba minn Ġilormu.

Il-monakiżmu Eġizzjan, ta’ stil eremitiku, huwa meqjuz bħala l-benniena tal-monakiżmu Kristjan. Dan l-istil ta’ ħajja beda kull ma jmur jinfirex u ftit wara nsibuh fil-Palestina. L-eremita kien oriġinarjament imu rifittex li jgħix waħdu imma d-dixxipli tiegħu kienu jsegwuh u b’hekk kienet tifforma komunità ta’ dixxipli madwaru. Ir-raħeb kien jissejjaħ Abba li minnha ħadna l-kelma abbati (mhux l-abbati li jgħin il-quddiesa imma l-abbati li jmexxi l-monasteru). Meta l-komunità kienet tikber ġmielha ġieli ġara li l-Abba jitlaq sabiex jgħix ta’ eremit imma ġieli ġara li kienet tifforma komunità oħra f’ xi post ieħor fid-deżert. Hekk insibu li dawn il-patrijiet tad-deżert jew kienu jgħixu waħedhom bħala eremiti jew inkella f’ komunità, jew aħjar f’ dak li jissejjaħ monakiżmu ċenobitiku (mhux eremitiku). Sostanzjalment il-ħajja tal-patrijiet tad-deżert hija dik ta’ solitudni sew fil-ħajja eremitika kif ukoll f’ dik ċenobitika. Lejn l-aħħar snin ta’ ħajjet Anton insibu forma oħra ta’ monakiżmu, dak imsejjaħ Lawrota. Dan huwa forma ta’ monakeżimu komunitarju u mhux aktar eremitiku u li lanqas huwa ċenobitiku. Kien Paċinu l-ewwel li waqqaf din it-tip ta’ ħajja reliġjuża. Il-monasteru kien imsejjaħ Lawrja. Il-kap kien l-abbati u dan kien jaqsam lill-komunità fi gruppi ta’ għoxrin għoxrin u kull grupp kellu dekan li jirrapreżentah quddiem l-abbati. Din il-forma ta’ monakiżmu għadna nsibuha sal-lum fil-monasteri  tal-irħieb Ċertosini u Kamaldolesi.

Il-monakiżmu kellu dejjem il-ħsieb li jimita kemm jista’ jkun lil Kristu imma fis-Sirja twieled stil biżarr ta’ monakiżmu minn Teodoru ta’ Ciro. F’dan it-tip ta’ monakiżmu insibu li kien hemm raħeb li ddeċieda li jgħix fuq kolonna, oħrajn kienu jgħixu f’ oqbra, insomma forma estrema kważi kważi inumana.

Bażilju ta’ Ċesarea beda il-monakiżmu fl-Asja. Huwa kiteb regola u sal-lum fid-dinja ortodossa l-uniku monakiżmu li jinstab huwa dak imwaqqaf minn dan il-qaddis. Huwa jinsisti ħafna fuq il-ħajja komunitarja. Fl-Oċċident insibu li fl-415, Ġwanni Cassiano waqqaf żewġ monasteri f’ Marsilja fi Franza, wieħed għan-nisa u l-ieħor għall-irġiel. Cassiano għal xi żmien kien għex fit-Terra Santa, propju f’ Betlem kif ukoll fl-Eġittu u għalhekk kien iltaqa’ ma bosta irħieb. Huwa ħa it-tradizzjoni u t-teoloġija tal-monasteri Orjentali fl-Oċċident.

Imma bla dubju l-akbar persunaġġ fejn jidħlu l-irħieb fl-ewropa huwa San Benedettu ta’ Norċja. Dwar dan il-bniedem ftit li xejn nafu u hemm min jgħid li mhux vera kien jeżisti. Il-Papa Gregorju l-Kbir fil-ktieb tiegħu ‘Libro dei Dialoghi’, li kien jiġbor il-ħajjiet ta’ qaddisin Taljani, kiteb il-ħajja ta’ San Benedettu. Il-ħajja ta’ dan il-qaddis kif miktuba minn dal-Papa tixbaħ ħafna l-ħajja ta’ San Anton Abbati miktuba minn Atanasju. Insibu żewġ persuni bl-istess isem, Benedettu ta’ Aniome u Benedettu ta’ Norċja. Dak ta’ Aniome għex fil-bidu tas-seklu IX u daħal f’ monasteru tal-Imperatur Karlu Manju. Studja ir-regoli ta’ bosta monasteri u kiteb ktieb bl-isem Concordia Regulorum. Meta Karlu Manju fis-sena 800 mar Ruma biex ikun inkurunat Imperatur kien ħa miegħu kopja ta’ dan il-ktieb. F’ San Giovanni in Laterano kien imwaqqaf monasteru u Karlu Manju irregala dan il-ktieb lilhom biex jimxu ma’ dik ir-regola. L-irħieb adottaw din ir-regola. Meta l-Imperatur mar lura Franza, ħa miegħu kopja tar-regola ta’ Benedetto ta’ Norċja. Oriġinarjament ir-regola ta’ Benedetto ta’ Norċja inkitbet għall-monasteru ta’ Monte Cassino fl-Italja.


Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jinfetħu monasteri. Kull meta kien jinfetaħ monasteru kienet tinkiteb regola għalih. Kienu jittieħdu partijiet minn xi regoli oħra imma qatt ma kienet tkun l-istess regola għal żewġ monasteri differenti. Insibu regoli ta’ San Kolombanu u ta’ San Martin ta’ Tours fost bosta oħrajn. Dawn iż-zewġ regoli jixxiebħu ħafna bejniethom. Wara l-mewt ta’ Karlu Manju fis-sena 814, inħatar Ludoviku bħala l-imperatur u dan ta ordni li kull monasteru fl-imperu kellu jħaddan ir-regola ta’ San Benedettu ta’ Norċja. Issa minn Spanja sa l-Italja il-monasteri kellhom l-istess regola u bdew jissejħu Benedittini. Meta monasteru jissejjaħ benedittin ma jkunx ifisser li jkun imwaqqaf minn San Benedettu imma jkun ifisser li jkollu r-regola ta’ dan il-qaddis.

Il-monakiżmu infirex ukoll bis-saħħa ta’ San Kolombanu. Jingħad li l-kultura klassika Latina kienet salvata mill-patrijiet Irlandiżi u Ngliżi. L-Irlanda kienet saret art tal-monasteri. Minkejja li kien hemm l-isqfijiet, kien l-Abbati li jipprietka. Ir-regola ta’ dawn l-irħieb kienet iebsa u fost oħrajn kellhom l-ordni tal-Pellegrinaġġ. Il-Pellegrinaġġ ifisser li patri jħalli pajjiżu lejn xi pajjiż ieħor, imur u hemmhekk iwaqqaf monasteru ieħor. Fost dawk li wettqu dan il-Pellegrinaġġ u waqqfu xi monasteru fl-Ewropa insibu lil Kolobanu, Patrizju, Gallo u Bonifaċju. Minbarra t-talb, is-sawm, u l-ħajja tal-monasteru, dawn il-patrijiet kienu jikkuppjaw bosta kotba, kotba miktubin bl-idejn, kelma kelma. Kienu jiktbu kotba ta’ spiritwalità, ta’ grammatika, ta’ storja u ta’ kull ġeneru ieħor. B’ hekk grazzi għal dawn il-manuskritti infirxet il-letteratura fl-Ewropa. L-idea fondamentali sa mill-bidu kienet Ora et Labora, talb u xogħol.

Aktar monasteri bdew jitwaqqfu u bħalma jiġri dejjem aktar ma jkollok truf aktar titbiegħed mill-oriġinal. Twieldet l-idea li jibdew jiġu ċċelebrati l-quddies b’ suffraġju għall-mejtin u kienet skartata l-idea tax-xogħol manwali. Insibu issa l-benedettini bojod u l-Benedettini suwed. Bojod u suwed mhux fil-kulur tal-ġilda imma fil-kulur tal-ilbies tagħhom. Sal-lum għadna nsibu dawn iż-żewġ kuluri fl-ilbies tal-irħieb. L-irħieb li jilbsu l-abjad huma dawk li żammew mar-regola stretta, ħafna drabi g]adhom iżommu l-klawsura, filwaqt li dawk li jġorru l-abitu iswed huma dawk li rriformaw ir-regola u saru rħieb ta’ ħajja attiva.

Dawk li żammew mar-regola li jaħdmu l-art bdew kull ma jmur ikabbru t-teritorji tal-monasteri sakemm tant kibbru l-għelieqi ta’ madwar il-monasteri li kellhom jinbnew il-grangi. Il-grangi kienu bħal djar fit-truf tal-art tal-monasteru fejn fihom kienu jgħixu il-frajiet u l-monaki matul il-ġimgħa. Nhar ta’ Sibt kienu jmorru lura lejn il-monasteru biex il-jum tal-Ħadd jgħadduh flimkien u jerġgħu lejn il-granga it-Tnejn filgħodu. Insibu wkoll monasteri fewdali fejn xi prinċep jew duka jkollu biċċa art kbira u fiha jibni monasteru u jgħaddih lill-irħieb, imma l-art tibqa’ dejjem tal-prinċep jew tad-duka. Ġiljan ta’ Aquatomja fis-sena 910 waqqaf monasteru fi Cluny ġewwa Franza bil-ħsieb li jirriforma l-monakiżmu. Huwa għadda l-monasteru tiegħu f’ idejn il-Patrimonium Sancti Petri, jew aħjar f’ idejn Ruma. Bosta monasteri oħra għamlu bħalu u minn dak iż-żmien il-monasteri waqgħu taħt il-Papa u mhux iżjed taħt il-prinċep jew id-duka.


Illum l-aktar monaċi magħrufa minbarra l-bosta Benedittini huma l-Kamaldolesi, imwaqqfa minn San Romuald madwar is-sena 1012, iċ-Ċertożini imwaqqfa minn San Bruno fl-1084 u ċ-Ċisterċensi imwaqqfa minn San Robertu ta’ Molesme fl-1098. Dawn li semmejna hawn huma kollha monasteri jew patrijiet tar-rit Latin u mhux ortodossi għax fir-rit ortodoss hemm dinja oħra ta’ monasteri. Tajna ħarsa fuq fuq lejn il-monasteri maskili għax hemm ukoll dawk femminili li minnhom insibu anke Malta, fosthom il-Belt Valletta, Il-Birgu, l-Imdina u San Ġiljan. Monasteri maskili f’ Malta ma nsibux.

Il-monasteru għadna nsibuhom illum ukoll imferrxin madwar id-dinja, u ma humiex vojta. Insibu wkoll xi Maltin f’ dawn il-monasteri, tassew li huma waħdiet, imma dejjem jibqgħu Maltin. Kienu dawn l-irħieb li taw bidu għaż-żmien ta’ penitenza tar-randan, kienet ix-xewqa li jkunu bħal Kristu li wasslithom biex iħallu kollox warajhom u jinġabru f’ monasteru. Tiskanta kif illum, elfejn sena wara l-miġja ta’ Kristu għad hawn min jissaħħar warajh u jipprova jimitah f’ ħajja ta’ solitudni, skiet, talb u xogħol.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, Ġimgħa Mqaddsa 2010

sabato 15 marzo 2014

Randan

Kulħadd jaf xi jfisser iż-żmien li għadha kemm bdiet il-Knisja Kattolika. Ir-randan huwa dak iż-żmien ta’ qabel l-Għid li fih insumu u niċċaħdu. Kemm għadu rilevanti llum dan iż-żmien? Kemm hawn min għadu josserva dak li qabel kien jiġi osservat minn kulħadd­­?

Ibieraħ u llum
Qabel il-Konċilju s-sawn kien obbligat tul ir-randan kollu. Illum is-sawn huwa obbligat fl-Erbgħa ta’ rmied u fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Il-Knisja tobbliga li f’dawn il-jumejn niċċaħdu mill-ikel u ma nieklux laħam. Imma nerġa’ nistaqsi: illum x’ sens tagħmel li tgħid lil xi ħadd inaqqas mill-ikel jew ma jiekox laħam meta bosta minna jagħmlu d-dieta matul is-sena u ħafna oħrajn huma veġitarjani u ma jieklux laħam is-sena kollha u mhux f’ dawn il-jumejn biss. Jew inkella ma narahiex li tagħmel sens li f’dawn il-jiem ma tiekolx laħam imma tiekol il-ħut. Bosta minna jippreferu l-ħut mil-laħam u hawn ċertu ħut iktar rikk mil-laħam. L-għan ta’ dan kollu kien li dak li jkun jiċċaħħad minn xi ħaġa tajba, imma dan kien fi żmien li l-laħam ma kienx jasal fuq il-mejda tagħna kuljum bħalma jasal illum.

Jaqbel lilna
Jekk ngħidu lill-poplu ta’ xi pajjiż fejn hemm il-ġuħ biex isum inkunu qegħdin nagħmlu l-isbaħ farsa għax dawn bilkemm għandhom x’ jieklu u r-randan għalihom huwa twil 365 jum, imma aħna li ngħixu fil-lussu u fil-fsied nistgħu nnaqsu minn dak li nikkunsmaw,  jekk mhux bi skop reliġjuż ġieli nagħmuh minħabba saħħitna.
Hemm xorta oħra ta’ sawm li tajjeb nibdew nipprattikaw ruħna fih. Tajjeb li nippruvaw innaqqsu minn xi difetti li lkoll kemm aħna għandna minnhom, bħal tpaċpiċ żejjed, piki żejda, inkejja u tant oħrajn. Bit-tnaqqis ta’ dawn id-difetti nistgħu nikbru.

Tħejjijiet
Beda wkoll iż-żmien tal-preparamenti għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Tibda tara bosta żgħażagħ jersqu lejn il-knisja għax ikunu sejrin jieħdu sehem jew fil-pageant jew fil-purċissjoni. Ħasra li xi wħud minn dawn jidhru biss f’ dan iż-żmien u donnhom jistaħbew fix-xhur l-oħra tas-sena. Tajjeb li dawk li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet iżommu f’moħħom li dawn huma rappreżentazzjonijiet reliġjużi, attivitajiet sagri, marbutin mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu għalhekk bl-ebda mod ma nistgħu ndaħħlu piki, għira jew ġlied fihom. Ma ninsewx li l-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir ma għandhom x’ jaqsmu xejn mal-ħamest ijiem ta’ qabel jibda ir-randan (mhux għax fil-karnival għandu jkun hemm piki, għira jew ġlied).

Arti
Ma nistax ma nsemmix kemm preparamenti jibdew isiru għall-bosta wirjiet li jinfetħu lejn tmiem ir-randan, wirjiet li wħud minnhom jilħqu livell artistiku tassew għoli. Dawn il-wirjiet isiru mhux biss minn għaqdiet imma wkoll minn individwi. Illum sar impossibli li ddur il-wirjiet kollha li jsiru f’pajjiżna għax in-numru tagħhom huwa kbir ħafna tant li l-ħin ma jippermettix li żżurhom ilkoll kemm huma. Tajjeb li dawn il-wirjiet isibu aktar appoġġ mill-poplu Malti.

Għadna fil-bidu ta’ dan iż-żmien u propju għalhekk ridt li nikteb dan illum għax jekk ngħid dan kollu xahar ieħor ikun kważi għadda r-randan. Dawn il-jien għandhom mnejn iservuna ta’ ġid materajli apparti milli spiritwali, tnaqqis mill-ikel jagħmel tajjeb għal saħħitna, il-kontroll tad-difetti jista’ jevitalna l-inkwiet, tħejjija kemm fil-knejjes, fit-teatri kif ukoll fis-swali tal-wirjiet jistgħu jkunu mezz li jkabbru t-talenti tagħna.

Ir-randan fih anke gwadan materjali iva!


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' Marzu 2014