Għadna kif bdejna
x-xahar ta’ Frar, l-iqsar xahar tas-sena u għandu mnejn ikun ukoll l-iktar
xahar kiesaħ, jew l-aktar xahar li fih tinżel xita. Madanakollu, għandu mnejn
li la jkun l-iksaħ xahar u lanqas l-aktar xahar imxarrab. Fi Frar ta’ sentejn
ilu, ħabib tiegħi, Taljan, ġie jqatta’ ġimgħa Malta u nzerta ġimgħa mill-aktar
bnazzi. Huwa qalli li fir-raħal tiegħu, kważi kważi, lanqas fis-sajf ma jkollhom temp bnazzi bħalma
kellna aħna fi Frar ta’ dik is-sena. Imma Frar xortiħ ħażina u għandu l-fama li
huwa xahar krudili: dan huwa Frar Malti, ma toħodlux kopja!
Qwiel
L-aktar qawl
Malti magħruf li jsemmi lil dan ix-xahar huwa: ‘Frar fawwar il-bjar’. Ieħor jixbħu huwa ‘Frar fawwar, il-bidwi għana d-dar’ u ieħor ‘Frar fawwar kull xitla nwar’. Imma missirijietna jafu li Frar mhux
dejjem l-istess u għalhekk kienu jgħidu ‘Frar
daqqa fawwar u daqqa qattar’.
Frar huwa wkoll
magħruf għall-kesħa li ħafna drabi tagħmel u għalhekk il-Malti jgħid: ‘Frar jiġbor lil kulħadd id-dar’ u ‘Frar jgħakkes ix-xjuħ u ż-żgħar’.
Karnival u randan
Ix-xahar ta’ Frar
iffakkarna wkoll fi żmien il-bluha; il-karnival. Dawn il-jiem huma marbutin ma’
żmien ir-randan, jiem li fihom wieħed jixxala, jiddeverti u jitbaħrad biex
imbagħad joqgħod lura fil-ġimgħat ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Il-karnival ta’
Malta ilu li twieled kważi 500 sena. Il-Kavallieri ġabu din id-drawwa magħhom u
aħna ħadna l-qofol tagħha u żidna dak li ridna. Kull karnival li jsir madwar id-dinja għandu xi ħaġa
partikolari. F’ dak tagħna, fost oħrajn, insibu l-Parata, it-tifkira tar-rebħa li
l-Kavallieri u l-Maltin wettqu fuq il-qawwiet Torok fl-assedju tal-1565.
Kien hemm xi
żmien li l-karnival ta’ Malta kien jiġi ċċelebrat f’ Mejju. Tassew li Frar
ġieli kien kattiv ħafna ma’ dawk li jaħdmu s-sena kollha biex jibnu karrijiet
trijonfali. Biss illum f’ pajjiżna qegħdin isiru jiem oħrajn fejn jiġi
ċċelebrat karnival. Ikun dnub li l-Karnival ta’ Frar xi darba jispiċċa,
mill-banda l-oħra huwa dnub ukoll li bosta xogħol u spejjeż jisfaw fix-xejn
minħabba r-ras iebsa ta’ Frar.
Frar ukoll jagħti
bidu għar-Randan u għalhekk jibbilanċja ftit bejn it-tbaħrid u l-bluha
tal-Karnival mas-serjetà tar-randan. Illum ir-randan tilef ħafna minn dak li
kien ftit għexieren ta’ snin ilu, is-sawm insejna xi jkun, il-litruġija
tal-Knisja inbidlet ukoll u għalhekk hawn min lanqas jintebaħ li nkunu dħalna
f’ dan iż-żmien!
Frar ukoll iġib
il-bidu ta’ bosta preparamenti għal dak li jsir fil-Ġimgħa Mqaddsa. Is-sagristan jibda jaħseb għall-purċissjoni u
jibda joħroġ vara kull ġimgħa fil-kursija tal-knisja. Il-każini tal-baned
jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tal-wirjiet tal-vari jibdew
jaħdmu sabiex din is-sena l-wirja tagħhom ikollha xi ħaġa differenti minn dik
tas-sena l-oħra.
Għalina l-Maltin,
Frar ifakkarna wkoll fin-nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtutna. Żgur li bosta
Maltin jogħxew meta jisimgħu l-vers tal-Atti tal-Appostli li jgħid: ‘Meta
ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta’ [Atti:28:1]. U
għandhom għalfejn. Ftit huma l-pajjiżi li jissemmew fil-Bibbja. Malta waħda
minnhom. Mhux il-pajjiżi kollha jistgħu jgħidu li għandhom dan il-privileġġ.
Il-festa ta’ San
Pawl nawfragu hija festa għażiża għall-Maltin kollha. Kienet weġgħa ta’ qalb
meta dan il-jum kien tneħħa minn festa pubblika. Apparti s-sinifikat reliġjuż
tal-festa, nistgħu ngħidu li din hija l-ewwel riferenza bil-miktub għal din id-daqxejn
ta’ gżira f’ nofs ta’ baħar. Anke għal dan il-fatt biss, l-10 ta’ Frar għandna
nożżuh. Issa jekk Pawlu ta’ Tarsu wasalx Malta fl-10 ta’ Frar jew f’ xi jum
ieħor ma jagħmilx differenza, l-importanti huwa s-sinifikat.
Qaddis ieħor
Qaddis ieħor li
niftakru f’ dan ix-xahar huwa San Valentinu. Sewwasew fl-14 ta’ Frar il-Knisja
tiċċelebra lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa. Hemm qaddis
martri wkoll li jiġi ċċelebrat f’ dak il-jum, ismu huwa Valentinu. Illum
id-dinja ikkumerċjaliżżat dan il-jum u dawritu f’ jum il-maħbubin.
F’ Malta wkoll
Jum San Valentinu sar jum importanti fil-kalendarju tal-maħbubin u aktar u
aktar importanti fil-kalendarju tan-negozjanti.
Dan u aktar iseħħ
f’ pajjiżna fi Frar, l-iqsar xahar tas-sena. Iva xahar qasir, imma ma huwiex nieqes
mill-attivitajiet.
Fr Renò Muscat
dan l-artiklu deher f' In-nazzjon, 7 ta' Frar 2015
Nessun commento:
Posta un commento