Ħarsa
lejn Papa Piju V, benefattur tal-Belt Valletta
Għadu ftit iż-żmien biex għal sena l-Belt Valletta ssir il-Belt Kapitali
Ewropea tal-Kultura. Madanakollu it-tħejjijiet ilhom li bdew għax avveniment
bħal dan mhux xi okkażjoni li ssir kuljum. Fadal inqas minn tliet snin u diġà
rajna xi attivitajiet biex iħejju għal din is-sena tant importanti mhux biss
għall-kapitali tagħna, imma għal Malta kollha.
Il-kwistjoni tat-tined tal-bejjiegħa tal-Monti u l-post imwiegħed lil dawn
it-talin kif ukoll il-każ tal-gabbani fil-pjazza De Valette, fakkarni li xi
xhur ilu kont qrajt suġġeriment f’ ġurnal lokali biex għal dik is-sena jinġieb
Malta l-fdal tal-Papa Piju V. Dlonk ftakart li l-Belt Valletta għandha rabta
speċjali ma’ dan il-Papa. Issa jiġux il-fdalijiet tal-Papa jew le inħalluha f’
idejn l-awtorità, aħna ngħidu biss xi ħaġa dwar dan il-benefattur tal-Kapitali
ta’ artna, belt mibnija minn ġentlomi għal ġentlomi.
Min kien Papa Piju V

Fid-9 ta’ Diċembru, 1565, is-sena tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta, miet
il-Papa Piju IV. Fis-7 ta’ Jannar, 1566,
it-52 kardinal miġbura fil-konklavi, għażlu lil Ghislieri bħala Papa. Ħa l-isem
ta’ Piju V. Bil-għajnuna tan-neputi
tiegħu, San Karlu Borromeo ħadem kemm felaħ għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għat-tiġdid
fil-ħajja tal-Knisja. Huwa ħadha kontra
l-eretiċi ta’ żmienu u ħabbrek ħafna biex jiddefendi u jxerred it-tagħlim
tan-Nazzarenu. Huwa attwa d-digrieti
tal-Konċilju ta’ Trento. Organizza l-Kurja Rumana. Promulga l-katekiżmu
tal-Knisja u billi ra li t-tagħlim fost is-saċerdoti ma kienx wisq għoli, ordna
li ġewwa s-seminarji tibda tiġi studjata s-Summa
Teologica ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Fl-1567 huwa ddikjara lil Tumas ta’
Akwinu bħala Duttur tal-Knisja u sejjaħlu bħala l-Qaddis Anġeliku. Organizza l-liturġija
tal-Knisja skont kif talab il-Konċilju ta’ Trento u fl-1568 intoduċa l-użu tal-Brevjar
uniku fil-Knisja kollha. Sentejn wara ħareġ il-Missal Ruman.
Rabta ma’ Malta
Mappa tal-Belt Valletta fil-Mużew tal-Vatikan |

Bħala Papa
Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-Istati Pontifiċji.
Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo
Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi, li saru bejn
il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu
jagħmlu parti mit-territorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti
mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta
mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.
![]() |
Il-qabar ta' Papa Piju V |
Huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieledet
fl-1571. It-Torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’
Malta, xorta ma qatgħux qalbhom li jakkwistaw artijiet Insara. F’ dik is-sena t-Torok
attakkaw Lepanto, fil-Greċja. Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu t-talba
tar-rużarju għas-suldati Nsara. Ir-rebħa
seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara, dan il-jum kien iddikkjarat bħala
l-festa tal-Madonna tal-Vittorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ
il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.
It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus
riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed
jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-valenu fuq
il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh
sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-valenu. Għalhekk bosta xbiehat iġibu lil
dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.
Huwa miet f’ Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju
1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah.
Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria
Maggiore, Ruma.
Ikun xieraq li fis-sena 2018, meta l-Belt Valletta tkun il-kapitali
Ewropeja tal-Kultura tfakkar b’ xi mod dan il-Papa li minkejja li dan ftit snin
biss bħala Papa, imma għandu rabta kbira u importanti mal-Belt kapitali tagħna.
Fr Renò Muscat
Nessun commento:
Posta un commento