sabato 28 febbraio 2015

Terrur

Riflessjoni fuq il-preżent

Forsi fl-istorja kontemporanja ta’ pajjiżna, qatt daqs dawn l-aħħar ġimgħat ma rrealizzajna x’ jiġifieri tgħix imbeżża’. Sakemm l-inkwiet kien imbiegħed ma konniex inħabblu wisq rasna, imma ladarba dan resaq wara biebna l-istorja inbidlet għal kollox. Bdejna naraw li ninsabu bejn in-nar u l-ilma, bejn żewġ elementi li jistgħu jservuna jew jistgħu jxejnuna – nar u ilma. Ninsabu bejn l-Italja u l-Libja, żewġ pajjiżi ġirien u ħbieb imma l-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Libja poġġewna saqajna mal-art u ma bqajniex naraw it-terrur bħala ħaġa mbiegħda imma ħaġa li tinsab ma’ saqajna. It-terrur huwa biża’ kbir li ma jkunx ikkontrollat. Bosta nies bħalissa daħlu f’ dan l-istat.

Ruma
Dan l-aħħar erġajt kont għal xi jiem Ruma. Bħalma nafu, din il-belt mhijiex biss il-kapitali tal-Italja imma wkloll il-mutur ċentrali tal-Knisja Kattolika. Wara nuqqas ta’ ftit aktar minn xahrejn, stajt ninduna li l-affarijiet inbidlu. Il-preżenza tal-forzi tal-ordni qegħdin ikunu aktar attenti. Il-preżenza tagħhom tidher aktar minn qatt qabel. Il-ħajja madanakollu tibqa’ għaddejja, bin-nies jiffullaw biex jidħlu ġewwa l-bażilika ta’ San Pietru u turisti jixtru u jduru u jaraw. Anzi jkolli ngħid li f’ dawn il-jiem ħassejt li kien hemm aktar turisti jistennew biex jidħlu fil-Vatikan. Forsi din hija biss perċessjoni tiegħi, għaliex għandu mnejn li minħabba li żdiedet is-sigurtà biex wieħed jidħol f’ din il-knisja, allura l-ħin li wieħed irid jistenna jitwal u jitwal ukoll il-kju.

Iżda meta titkellem mar-Rumani dlonk jgħidulek li huma mbeżżgħin. Bit-thedid tat-terroristi li smajna dan l-aħħar ma tlumhomx. Waħda mara qaltli li jkollha tirkeb tliet karozzi tal-linja biex tasal sal-post tax-xogħol tagħha, u allura jkollha tilaq mid-dar kmieni. Qaltli li saret tibża’ minn xi attakk terroristiku. Il-ħin kollha tħares biex tara tilmaħx xi persuna suspettuża u titlob li tfittex tasal. X’ tort tagħtiha? Raġel ieħor qalli li sar jibża’ jirkeb il-metrò għax qiegħed jistenna li jiġri xi ħaġa tal-biża’ hemm isfel. Lanqas li dan ma nagħtih tort.

Tixrid tat-terrur
Bl-aħbarijiet li smajna u bix-xeni li rajna ma nistgħux ma ninkwetawx, jgħidulna x’ jgħidulna l-politiċi, imma kull meta nxandru xi ritratt jew video ta’ xi att terroristiku bla ma nafu nkunu qegħdin inkabbru l-missjoni tat-terroristi. X’ missjoni għandhom it-terroristi? Xejn għajr ixerrdu t-terrur. Ixerrdu t-terrur b’ għadd ta’ modi, anke bit-tixrid tal-videos u ritratti sabiex jiżdied il-biża’. Madanakollu lanqas nistgħu inħallu l-poplu fid-dlam daqslikieku mhu jiġri xejn, daqslikeku fid-dinja qiegħed jirrenja sliem biss. Il-mezzi tax-xandir għandhom dmir u dritt li jxandru dak li qiegħed jiġri iżda għadhom jagħmlu xogħolhom bl-akbar prudenza u professjonalità bla ma jallarmaw lill-poplu aktar milli jkun meħtieġ.

Pajjiżna
Bosta Maltin huma wkoll imħassbin bil-qagħda li fiha ninsabu. Nafu li aħna dgħajfa, irridu jew ma rridux ikollna naċċettaw il-fatt li waħdena nbati biex niddefendu ruħna. Soluzzjoni diplomatika tkun l-isbaħ soluzzjoni, imma kemm hija possibbli? Jien nemmen bil-mirakli u għalhekk ma ngħidx impossibli. Kull pass li jsir irid isir bl-akbar attenzjoni għaliex il-biċċa ma hija faċli xejn. Pajjiżna għadnu mnejn iservi ta’ pjattaforma għal taħdidiet. Malta serviet ta’ port kenni biex intemmet il-gwerra bierda bejn iż-żewġ superpotenzi li ddominaw id-dinja minn wara t-tieni gwerra dinjija sa 25 sena ilu. Intenni dak li diġà stqarrejt, qiegħed ngħid hekk għax nemmen bil-mirakli, u forsi noħlom bil-kulur ukoll!

Friski bħal ħassa
Kuntrarjament għal dawk li jgħixu fit-terrur, hemm dawk li lanqas jafu biss x’ qiegħed jiġri. Waqt li kont Ruma iltqajt ma’ xi wħud li għalihom qisu mhu jseħħ xejn fid-dinja. Bil-fors, għax dawn jintefgħu quddiem it-televiżjoni jaraw xi quiz u x’ ħin ikunu ser jibdew l-aħbarijiet jitfulu. Gazzetti ma jeżistux għalihom. Meta tkellimt magħhom u fissirtilhom il-qagħda li jinsab fiha pajjiżhom baqgħu b’ ħalqhom miftuħ. Imberkin dawn in-nies, friski bħal ħassa!

Biss ma jistax ikun li kulħadd ikun frisk bħal ħassa għax hemm bżonn tinstab soluzzjoni mill-aktar fiss possibbli. Kull jum li jgħaddi huwa jum mitluf, huwa jum mgħoddi fit-terrur, fil-biża' ta' min jaf x’ jista’ jiġri.


Fr Renò Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Frar 2015



Nessun commento:

Posta un commento