Issa li riesaq
ir-randan, bosta qegħdin jerġgħu jistaqsu meta sejjer jitħabbar l-Arċisqof
il-ġdid ta’ Malta. Jien kont qed nobsor li sal-aħħar ta’ Jannar kien sejjer
jitħabbar l-isem tant mistenni, imma kont żbaljat. Dan l-aħħar smajna li issa
wasalna għall-aħħar fażi tal-proċess u għalhekk nistennew li d-djoċesi tagħna
jkollha Arċisqof almenu sal-Għid il-Kbir.
Il-fatt li bosta
Maltin jistaqsu dwar min sejjer ikun u meta sejjer jitħabbar isem l-Arċisqof
il-ġdid tagħna huwa sinjal ċar li l-Maltin għadhom jinteressaw ruħhom fil-Knisja.
Min ma jkollux interess f’ xi ħaġa ma naħsibx li sejjer joqgħod jistaqsi dwarha!
Dan minkejja li
qegħdin ngħixu żmien ta’ sekulariżmu. Illum il-Knisja ma’ għadiex dak li kienet
seklu ilu. Lanqas hi dik li kienet ħamsin sena ilu, u bilkemm nistgħu ngħidu hi
dik li kienet għaxar snin ilu. Il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha f’ Jum
ir-Repubblika tal-2014 qalet ċar u tond li l-Knisja ma għadiex ċentrali
fil-ħajja Maltija. Ħaġa li ma tkunx ċentrali ma jfissirx li ma hijiex
importanti, imma jfisser li mhux kollox idur magħha. Jien qatt ma għaddieli
minn moħħi li s-Sinjura Coleiro Preca xi darba ddubbitat mill-importanza
tal-Knisja Maltija, imma sabet il-kuraġġ biex tgħid dak li hu. Dan ma jinnegax
li l-Knisja f’ Malta kienet pijuniera f’ kull qasam tal-ħajja ta’ pajjiżna, dan
ma jħassarx il-fatt li l-Knisja ta’ Malta dejjem wettqet politika soċjali qabel
kull gvern. Tkellem sewwa ħafna l-Amministratur Appostoliku, Charles J. Scicluna fi żmien il-festi tal-Milied u
l-ewwel tas-sena meta qal li d-dawl mhux bilfors ikun f’ nofs il-kamra biex
idawwalha, bozza tista’ tkun f’ rokna u ddawwal il-kamra xorta waħda.
Il-ħeġġa
tal-poplu Malti għat-tħabbira tal-Arċisqof il-ġdid turi ċar li minkejja li llum
il-Knsija ma għadiex ċentrali, jiġifieri kollox jiddependi minnha, xorta waħda għad
għandha post importanti fil-qalb tal-Maltin. Dan huwa awgurju tajjeb għal dak
li jrid imexxi d-djoċesi tagħna fil-futur qrib.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento