venerdì 13 febbraio 2015

14 ta’ Frar: Jum il-Maħbubin

San Valentinu u mhux biss!

San Ċirillu u San Metodju
Illum il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Ċirillu u San Metodju. Min huma dawn il-qaddisin? Fil-31 ta’ Diċembru, 1980, il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħareġ l-ittra appostolika Egregiae virtutis li biha Ċirillu u Metodju saru ko-patruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedettu ta’ Norcia. Ċirillu u Metodju kienu aħwa, Ċirillu laħaq patri u Metodju laħaq isqof li flimkien evanġelizzzaw il-pajjiżi slavi. Biss jekk illum tistaqsi lil xi ħadd x’ festa hija, il-parti l-kbira jgħidulek li llum huwa jum San Valentinu u ftit ikunu dawk li jsemmulek lill-qaddisin aħwa. Iva l-Knisja llum tiċċelebra wkoll it-tifkira ta’ qaddis isqof martri li ji jġib l-isem ta’ Valentinu li rabat ismu mal-maħbubin.

X’ inhi l-imħabba
Mela f’ ġieh San Valentinu, llum jixraq li nitkellmu ftit dwar l-imħabba. Il-kelma mħabba hija kelma użata bosta drabi u jekk tifli naqra s-sens ta’ kif tkun użata, tasal biex tgħid li bosta drabi hija kelma spiss abbużata. Illum sirna nisimgħu b’ atti li jsiru f’ ġieħ l-imħabba imma fil-verità jkun att li jkun fih kollox għajr imħabba. Ftit snin ilu segwejt argument dwar mara li ġiet stuprata. Biex ma tintużax il-kelma ‘stupru’,  kien hemm min issuġġerixxa li tintuża l-kelma jagħmel l-imħabba’: tajjeb mela konna sejrin ngħidu li: Raġel għamel l-imħabba ma’ mara fit-tali jew tali triq. Fil-verità dan l-att ma kellu xejn imħabba għax l-imħabba ma tistax tkun sfurzata jew imġiegħla. Mela nistgħu ngħidu li l-imħabba hija sentiment liberu bidirezzjonali, jiġifieri l-imħabba trid tiġi mhux min-naħa waħda biss.

Tliet tipi ta’ mħabba
Fid-dinja Griega antika kienu jiddistingwu żewġ tipi ta’ mħabba, imħabba eros u mħabba philos. L-imħabba eros hija dik l-imħabba passjonali, imħabba erotika fejn hemm l-attrazzjoni fiżika u sesswali li tiġbed lill-maħbubin biex jibqgħu fiżikament flimkien. Dan is-sentiment jintrabat ħaġa waħda mal-kumpanija u r-romantiċiżmu bejn il-partijiet involuti li spiss iwassal għal impennji, l-aktar iż-żwieġ u l-bini tal-familja. Kieku ma jkunx hemm ġibda erotika l-ebda mħabba ma tkun tista’ ddum wisq għax din hija ingredjent importanti fil-ħajja ta’ koppja.

It-tieni kategorija ta’ mħabba kienet dik imsejħa Philos li hija l-imħabba li bniedem ikollu lejn xi arti jew sengħa partikolari. Insibu bosta kliem li fihom il-kelma ‘Filo’ li ġejja mill-kelma philos bħal: filosofija; l-imħabba għall-għerf, filarmonika; l-imħabba għall-armonija mużikali, filantropija li minnha nieħdu l-kelma filantropika; l-imħabba lejn il-bniedem, filatelija; il-passjoni ta’ min iġemma l-bolol u bosta oħrajn. Il-passjoni jew delizzju ta’ xi ħaġa hija wkoll imħabba u dak li jkun jibda jipprattika dak id-delizzju sakemm jipperfezzjona fih għaliex jagħmel kollox bi mħabba.

Kif semmejt diġà, hemm it-tielet tip ta’ mħabba, dik li tissejjaħ Agape. Din il-kelma nsibuha fil-verżjoni Griega tal-Evanġelji. Din hija kelma li daħlet fl-użu tal-Griegi antiki permezz tal-Insara.  Agape llum nistgħu nsejħulha karità, imħabba għall-proxxmu. Fil-veru sens tal-kelma Agape tfisser ikla.  Waqt ikla ssib l-imħabba li la hija dik erotika u lanqas il-ġibda lejn dak li tkun qed tiekol. Nistgħu nesprimu din it-tip ta’ mħabba bħala ħbiberija. Waqt ikla jkun hemm sens ta’ ħbiberija għax naqsmu l-istess mejda u nieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin. Mhux ta’ b’ xejn li San Ġwann fl-Evanġelju tiegħu jirreferi għal din it-tip ta’ mħabba bħala sinonimu tal-Ewkaristija għax waqt ikla kien imwaqqaf dan is-sagrament ta’ mħabba, karità u ħbiberija.

San Valentinu
San Valentinu
Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum tilfet kull sens reliġjuż. San Valentinu baqa’ jissemma biss bla ma nafu min huwa. Fil-fatt hemm leġġenda dwar dan Valentinu li kien patri Benedittin li laħaq Isqof ta’ Terni, belt fl-Umbria, fejn għadhom jiċċelebraw bil-kbir kull nhar l-14 ta’ Frar. Lit-Ternani, kif jissejħu n-nies ta’ terni, ma tgħidilhomx li SanValentinu huwa patrun tal-maħbubin, dawn jgħidulek li huwa l-patrun tagħhom qabel kollox.


Fr Renò Muscat

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Frar 2015



Nessun commento:

Posta un commento