Visualizzazione post con etichetta dun gwann cilia. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta dun gwann cilia. Mostra tutti i post

sabato 14 gennaio 2017

Meta se ssir ġutizzja?

Il-monument ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu
Fi tfuliti niftakarni nistudja poeżija ta’ Dun Karm Psaila iddedikata lill-martri u eroj Malti Dun Mikiel Xerri. Dun Karm jikteb li jħossu jistħi minnu nnifsu li Malta, dik l-art li Dun Mikiel Xerri ċarċar demmu għaliha, kienet hekk xħiħa miegħu, li lanqas daqxejn ta’ mafkar ma għamlet għalih. U għalhekk Dun Karm jgħid li jibki lil dan is-saċerdot Żebbuġi bħalu.

Il-karba ta’ Dun Karm Psaila instemgħet snin wara mewtu. Kien fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 1986 li f’ misraħ l-Indipendenza fil-Belt Valletta inkixef monument lil Dun Mikiel Xerri u sħabu. Tassew li kienu għaddew 187 sena minn dik il-ġrajja, iżda aħjar tard milli qatt.

Qabel Dun Mikiel
Jiena, sewwasew bħal Dun Karm Psaila, inħossni nistħi wkoll. Jien ukoll nistħi minn patrijott ieħor, Malti bħalna, li wkoll ġie maqtul mill-barrani, u li l-ebda ħjiel ta’ mafkar ma għad għandu fuq din l-art ħelwa, minkejja li miet 234 sena qabel ma nqatel Dun Mikiel Xerri u sħabu. Qed ngħid għal Dun Gianello Cilia li kien maqtul mill-għadu Tork fil-forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir meta dan is-saċerdot kien qiegħed jassisti spiritwalment lis-suldati Maltin u l-Kavallieri. Smajna ftit dwaru matul l-2015, meta ċċelebrajna l-450 anniversarju mill-Assedju l-kbir u kollox erġajna nsejna.

Dun Gianello Cilia
Il-kamp tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b'40,000 suldat u tellgħu it-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema.

Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li kienet tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar. Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f’Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu.

Se jibqa’ minsi?
Dun Gianello Cilia huwa mfakkar permezz ta’ arma ta’ kunjomu ġewwa s-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Ħaġa li hemm għal kull kappillan u arċipriet li mexxa din lil din il-parroċċa antika. Dan is-saċerdot għandu wkoll triq imsemmija għalih ġewwa Ħal Qormi wkoll. Xejn speċjali, hawn bosta Maltin li hemm xi triq imsemmija għalihom minkella li ma wettqux atti erojċi bħalma wettaq Dun Gianello. Allura dan sewwa? Jista’ wiċċna ma jiħmarx quddiem nuqqas bħal dan?

Iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi
 jonqsu monument xieraq lil Dun Gianello Cilia
Qabel Valletta 18
Jixraq li qabel ma l-belt kapitali tagħna tkun il-belt kulturali Ewropea, jissewwa dan in-nuqqas. Hemm bżonn li bosta entitajiet jagħrfu l-kobor ta’ dan is-saċerdot li, li kieku ried, seta’ ħeles mill-martirju, iżda għażel li jibqa’ fuq il-kamp tal-battalja, mhux jissielet lill-għadu imma jassisti spirtwalment lill-Insara.

Il-Knisja ta’ Malta għandha tħossha obbligata timbotta ’l quddiem il-ħsieb li jsir monument xieraq lil dan is-saċerdot ‘martri, maqtul waqt ħidmietu. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi wkoll għandha tfakkar lil dan il-kappillan tagħha b’ mod xieraq u dejjiemi. Il-Kunsill Lokali Qormi ma jistax iħalli bniedem ta’ livell bħal dan jibqa’ jkun minsi. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu obbligu morali jfakkar lil dan l-eroj li miet fil-konfini tiegħu. U l-kumitat Valletta 18 ma jista’ jagħmel xejn? Bi sforz kollettiv nistgħu naslu u nirranġaw din il-qagħda anomala.

Ejjew inneħħu din l-ingustizzja li ilha aktar minn 450 sena, iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil dan il-kappillan martri.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Jannar 2017




lunedì 28 dicembre 2015

Dun Gianello Cilia

Kappillan ta’ Ħal Qormi, Eroj u Martri tal-Assedju l-Kbir


Is-sena 2015 hi s-sena li fiha tfakkar l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Din it-taqbida li saret bejn l-Imperu Ottoman u l-Kavallieri ta’ San Ġwann, flimkien mal-Maltin, seħħet sewwasew fl-1565, żmien li d-dinja bdiet tara tibdil u tiġdid. Ta’ importanza partikolari għalina l-Qormin huwa l-fatt li bosta mill-ġlied seħħ f’ territorju tal-parroċċa ddedikata lil San Ġorġ Martri u l-fatt li din l-istess parroċċa tilfet lill-kappillan tagħha fit-taqbid.

Mappa tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b’40,000 suldat u tellgħu t-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema. [1]

Dan iż-żmien li qegħdin insemmu kien ukoll żmien importanti għall-Knisja Kattolika. Kien għadu kif intemm il-Konċilju ta’ Trentu. Dan kien dam mill-1545 sal-1563. Kien l-itwal konċilju fl-istorja tal-Knisja; mill-ftuħ tiegħu sakemm wasal għat-tmiem kienu għaddew 18-il sena, b’ bosta waqfiet bejn sezzjoni u oħra.[2] Kien konċilju li tratta l-firdiet fil-Knisja ta’ Kristu; bħal dawk tal-akbar riformisti Martin Luteru (1483 – 1546) u Ġwanni Kalvinu (1509 – 1564). Il-konċilju beda l-kontra riforma u aġġorna kemm seta’ l-Knisja. Ordna li jitwaqqfu s-seminarji biex jieħdu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri. [3]  Kien il-konċilju li kkonferma liema kienu l-Kotba li jiffurmaw il-Bibbja Kattolika[4]. Matul is-snin ta’ dan il-konċilju l-Knisja kellha ħames Papiet: Pawlu III (1534 – 1549), Ġulju III (1550 – 1555), Marċell II (1555 – 1555, dam biss 21 jum Papa), Pawlu IV (1555 – 1559) u Piju IV (1559 – 1565). Dan il-konċilju ordna wkoll li jibdew jinżammu r-reġistri fil-parroċċi, reġistri ta’ kemm jitwieldu nies, jitgħammdu, jiżżewġu u jmutu, kif ukoll dawk li kienu josservaw il-preċett tat-tqarbin[5]. Dawk il-kotba huma dak li kien u għadu jissejjaħ Status Animarum. Fi tmiem il-Konċilju ta’ Trentu il-parroċċa Qormija kellha lil Dun Gianello Cilia bħala mexxej. Huwa beda jżomm l-informazzjoni dwar il-parruċċani, sewwasew kif talab il-konċilju. Fil-fatt l-ewwel reġistru minn dawn li nsibu fil-arkivju tal-parroċċa Qormija huwa tas-sena 1563. Dun Gianello Cilia beda jmexxi l-parroċċa ta’ Ħal Qormi fl-1560 minkejja li ma laħaqx kappillan. Il-ħatra tiegħu bħala kappillan ta’ San Ġorġ saret nhar it-Tnejn, 29 ta’ Lulju, 1563.[6]

Ħal Qormi, fiż-żmien li qegħdin insemmu kien raħal mifrux sewwa. Bħala parroċċa kienet kbira ħafna. Kienet tmiss ma’ Ħal Luqa iżda dan ir-raħal kien jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ u sar parroċċa awtonoma fl-1634 meta l-Qormi Dun Wistin Cassia laħaq l-ewwel kappillan ta’ Sant Andrija nhar 15 ta’ Mejju ta’ dik is-sena.[7] Żewġ parroċċi oħra li kienu jmissu mar-raħal ta’ Ħal Qormi kienu Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi, li t-tnejn li huma mniżżlin fir-Rollo tas-Senatur De Mello tas-sena 1436.[8] Fuq ix-xaqliba l-oħra, Ħal Qormi kellu l-parroċċa ta’ Birkirkara li skont dokument misjub fl-arkivi tal-Vatikan, dan ir-raħal kien diġà parroċċa fl-1402. [9] Il-medda art li hemm bejn dawn l-erba’ parroċċi, sal-Għolja Xeberras, kienet kollha tagħmel parti mill-parroċċa antika ta’ Ħal Qormi. Il-parroċċi li nsibu llum f’ din l-akwata ma kienux jeżistu fi żmien l-Assedju l-Kbir u kienu kollha jaqgħu taħt il-kappillan ta’ Ħal Qormi fejn tidħol kura spiritwali.

F’ dawk is-snin il-mexxejja politiċi ta’ pajjiżna kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Bejn il-21 ta’ Awwissu, 1557 u l-21 ta’ Awwissu, 1568, il-Gran Mastru kien il-Franċiż Jean Parisot de Valette. L-Isqof li jmexxi l-Knisja f’ Malta kien Monsinjur Domingo Cubels, appuntat Isqof ta’ Malta fl-10 ta’ Diċembru, 1540 mill-Papa Pawlu III. L-Isqof Cubels miet fit-22 ta’ Novembru, 1566. [10]

Image result for la vallette
la Valette
Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia li rawh bl-ixkubetta jissielet mat-Torok [...] Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar.[11] Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f'Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. De Valette b'risposta ta’ dan qata' ras il-priġunieri Torok kollha u ordna li rjushom jiġu sparati lejn Sant Iermu.

Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu. Billi l-vittmi kollha kienu tħanxritilhom rashom, ma kienitx ħaġa faċli li l-katavri jingħarfu. Jingħad li Dun Gianello kellu tebgħa f’ siequ u kienet din it-tebgħa li kixfet li dak il-ġisem bla ħajja kien tiegħu. Madanakollu din ma kienitx prova tajba biex ikun iċċertifikat li bniedem miet.[12] Fil-fatt il-kappillan li mexxa lil Ħal Qormi wara Dun Gianello Cilia, kien Dun Marjanu Briffa, li ħa l-pussess f’ Ġunju tas-sena 1569, erba’ snin wara l-mewt ta’ Cilia.

It-Torok qatt ma kienu bassru li din id-daqxejn ta’ gżira tagħna kellha toffri daqstant reżistenza. F’ Settembru l-għejja bdiet tagħmel tagħha u l-ħsieb li x-xitwa kienet qegħda toqrob u għalhekk il-vjaġġi bil-baħar isiru aktar diffiċli  aktar naqqset mill-moral tat-Torok. F’ dawk il-jiem kienet waslet l-għajnuna lill-Kavallieri, bosta xwieni b’ numru kbir ta’ suldati kienu daħlu Malta. Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Settembru, 1565, it-truppi Torok telqu minn xtutna biex taw ir-rebħa lill-Kavallieri u lill-Maltin. Il-qniepen tal-knejjes kollha, fosthom dawk tal-knisja tagħna, daqqew mota ta’ ferħ. Dak il-jum, il-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-twelid ta’ Marija Santissima, għalina l-Maltin sar ukoll jum il-Vitorja, kif għadna nsejħulu sal-lum. Kienu eluf li ħallew ħajjithom f’ dan l-Assedju, fosthom il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Dun Gianello Cilia.

Illum fir-raħal ta’ Ħal Qormi insibu triq imsemmija għal Dun Ġwann Cilia, il-kappillan li ħalla ħajtu jassisti lill-parruċċani tiegħu. Qrib insibu wkoll triq oħra imsemmija għall-Eroj tal-Assedju. Kien xieraq li dawn it-toroq jingħataw dawn l-ismijiet biex qatt ma jkunu minsijin dawn l-Eroj, fosthom Dun Gianello jew Dun Ġwann Cilia, eroj u martri tal-Assedju l-Kbir.




Kitba: Fr. Reno Muscat

Pubblikazzjoni: Kumitat Organizattiv Festi 275 Anniversaru tal-Istatwa Titulari ta’ San Ġorġ – Ħal Qormi.

Fuljett imqassam fid-djar tal-parroċċa ta' San Ġorġ Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-450 sena mill-Assedju l-Kbir.




[1] A. Cassola, The 1565 Great Siege of Malta and Hipolito Sans's La Maltea,  P E G, Malta, 1999,
[2] G.Bedoulle, Dizionario di Storia della Chiesa, ESD, Bologna, 1997, pp 255-257.
[3] Idem p. 240
[4] G. Martina, Storia della Chiesa,Vol II, Morcelliana, Brescia, 2006, p 67.
[5] H. Tuchle (ed al), Nuova  Storia della Chiesa, Vol III, Marietti, Torino, 1996, pp 236-237.
[6] J. F. Grima (ed), Il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi, Malta, 1984, p 133.
[7] K. Zammit, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol II, Pin, 1993, p 52.
[8] M. Mizzi, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol III, Pin, 1994, p 268.
[9] S. u Ph. Xuereb, Birkirkara, Storja, Kolleġġjata, Knejjes Filjali, PEG, Malta, 2005, p 19.
[10] www.catholic-hierarchy.org/bishop/bcubels imniżżel fl-10 ta’ Ottubru 2015.
[11] J.F. Grima, f’ Bejnietna, Il-Kappillan Dun Gianello Cilia, nr. 50, 1990, p. 11.
[12] http://www.timesofmalta.com/articles/view/20150827/local/the-beheaded-qormi-parish-priest-and-other-siege-tales.582160