Mela darba, l-iskambji soċjali kienu jsiru permezz ta’ taħdidiet madwar il-mejda tal-ikel fil-kċina jew fuq il-bankina quddiem il-bieb ta’ barra jew inkella għand il-ħanut tal-merċa kif ukoll fuq il-linja tat-telefon. Il-posta kienet tintbagħat permezz ta' ittra f’envelopp li fuqu jinkiteb l-indirizz u titwaħħal bolla u mbagħad din kienet tgħaddi mis-sistema postali, u l-aħbarijiet kienu jiġu ppubblikati fil-gazzetta stampata. Il-wasla tar-radju u t-televiżjoni għamlet biddliet kbar. Xi snin wara wasal l-internet, li għaqqad lin-nies fuq il-World Wide Web, u kollox inbidel mill-ġdid. Din hija l-istorja fil qosor tal-midja soċjali. Bdejt dan l-artiklu bil-kliem li aktarx nibdew xi storja jew xi ħrafa: “Mela darba”, għax tabilħaqq il-vjaġġ li għamlet il-midja soċjali donnha ħrafa.
X'inhu l-midja soċjali?
Fejn nużawha
Il-midja soċjali saret network vast u informali ta'
postijiet online li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati, li magħhom ikun hemm
abbonamenti x’jitħallas jew inkella hemm minnhom b'xejn, kemm kbar kif ukoll
żgħar. Illum il-midja soċjali jintuża għal diversi skopijiet, bħal ngħidu aħna
għal xi ċelebrazzjoni tal-familja, Illum l-inviti ma għadhomx isiru bħalma
kienu jsiru qabel. Illum avviż fuq il-midja soċjali, jew oħloq avveniment, li
jissejjaħ “event” u fih tistieden lil dawk li trid int u jkunu jistgħu
jirrisponduk lura jekk ikunux ser jattendu jew le. Illum anke għal tiġijiet
saru jsiru dawn l-inviti minflok l-invit stampat tal-imgħoddi. Għadna kif
għaddejna minn kampanja elettorali li fiha stajna naraw l-użu tal-midja soċjali
għax ma nemminx li kien hawn kandidat wieħed biss li ma kellux account ta’ xi
waħda mill-applikazzjonijiet tal-midja soċjali. Ma’ dan inżid attivitajiet
karitattivi, gruppi ta' appoġġ għas-saħħa, klabbs sportivi, każini tal-banda,
gruppi ta’ passatempi partikolari, kumpaniji kummerċjali, agenziji tal-ivjaġġar
u iva, anke gruppi ta’ talb. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li l-midja soċjali
daħlet f’kull rokna ta’ ħajjitna.
Effett
Forsi bla ma
ndunajna, il-midja soċjali daħlet f’ħajjitna u biddlitna. Jekk noqgħodu naħsbu
ftit ma ndumux wisq biex nintebħu kemm għandha influwenza kulturali fuq dak li
nagħmlu. Araw il-moda u anke l-ikel, kwistjonijiet ta' saħħa tal-familji u
l-adolexxenti, aħbarijiet dinjija u avvenimenti lokali, avvenimenti politiċi u
ta' azzjoni komunitarja. Il-midja soċjali ħolqot tip ġdid ta' marketing permezz
tal-użu ta' personalità pubblika virtwali li tissejjaħ influencer. Ma
setax jinħoloq isem aħjar għal dawn il-personalitajiet għax tabilħaqq
jinfluwenzaw lil mases ta’ nies.
Il-midja soċjali
saret fenomenu kumpless għax hija ħafna iktar minn sempliċement individwi li
jitkellmu bejniethom bħalma kien snin ilu, żmien ic-chatting fuq dak li konna
nsejħulu Bulletin Board System (BBS) jew aktar tard ic-chat rooms. Is-siti
tal-midja soċjali – il-postijiet fejn iseħħu l-komunikazzjonijiet – huma
kkontrollati mis-sidien tal-pjattaforma tagħhom u inti tixrob minn dak li
joffru huma.
Anti soċjali?
Il-mezzi
tal-midja soċjali jistgħu jkunu wkoll anti soċjali. X’jiġifieri? Meta ngħidu
“Soċjali” nkunu rridu nfissru li xi ħaġa hija tas-soċjetà u ssir mas-soċjetà
umana, l-interazzjoni bejn individwi, u l-ħajja f'gruppi. Din il-kelma ġejja
mill-kelma Latina socius, li tfisser "sieħeb" jew "alleat."
Li tkun soċjali huwa dwar konnessjoni, empatija, u parteċipazzjoni f'komunità
aktar milli taġixxi b'mod iżolant u waħdek. Imma fir-realtà, dawn il-mezzi kemm
qed ikunu soċjali? Kemm drabi dawn il-mezzi qed jiżolaw lil min jużahom? Illum
anke l-ulied mal-ġenituri, waqt li jkunu kollha d-dar, jikkomunikaw bejniethom
permezz tal-midja soċjali: Iben jikteb lil ommu: “Ma, ibgħatli xħin isir l-ikel
ħalli ninżel u niekol għax bil-ġuħ!” Issa dan il-messaġġ seta’ sar billi l-iben
iqum u jmur fil-bieb tal-kamra tiegħu u minn hemm jgħid lil ommu dak li għandu
jgħidilha.Imma t-tendenza hija dik li juża l-midja soċjali.
Mhux ta’ b’xejn
li bosta pajjiżi llum qed jikkonsidraw età minima meta wieħed ikun jista’ jibda
juża dawn il-mezzi għaliex l-effett negattiv tagħhom rikibna u għandna mnejn
lanqas qed intebħu bih.
Fr Reno Muscat