sabato 17 ottobre 2026

Il-mejda ta’ dari

 

M’ilux wisq rajt kitba li tefa’ fuq wieħed mill-mezzi tal-midja soċjali, wieħed ħabib tiegħi. Huwa kiteb hekk: “Iż-żmien jaħrab… Kos ilbieraħ kont tifel… il-ħajja qasira u meta tkun mimlija memorji u esperjenzi sbieħ donnha tidher iqsar.

Għadni niftakarni għarkupptejja fuq is-siġġu nistrieħ mal-mejda tal-kċina nħawwad it-taħlita tal-kejk b’mgħarfa tal-injam ġo sjuna, b’ommi fejni tigwidani. Ħaġa bħal din dejjem kont nidħlilha għax la nbattlu t-taħlita ġor-reċipjent biex inqegħduh fil-forn, li jibqa’ kont inlaqqtu …. Iżda l-aktar li kont inħobb kien it-trifle… u ommi kienet tgħamlu bil-Martini.

Allura l-bieraħ Tonina tati pane di Spagna milli tagħmel hi. Fewħitli karrozza… sakemm ħadtha d-dar. Hu hekk għamilt, preparajt trifle ta’ tfuliti.”

Dan il-kumment ħadni lura daqs nofs seklu. Jien ma kontx nagħmel it-taħlita tal-kejk, imma kont inlaqqat l-isjuna. Moħħi beda jurini bħal filmat ta’ tfuliti, ma’ djul ommi meta kienet tipprepara l-ikel. Indunajt kemm l-ikel li kienet tagħmel ommi, illum forsi ftit li xejn għadna narawh quddiema fuq il-mejda tal-ikel. Ħalli nagħmilha ċara, ommi, bħal ħafna ommijiet oħra kienet mara tad-dar minn filgħodu sa filgħaxija, sebat ijiem fil-ġimgħa. It-tisjir kien parti mill-programm tal-ġurnata. Illum il-parti l-kbira tan-nisa joħorġu jaħdmu barra minn djarhom u għalhekk ma għandhomx il-ħin li kellhom ommijietna biex iħejju l-ikla tal-familja. Intant, bdejt niftakar x’kienet issajjar ommi, u dak li ftakart ser naqsmu magħkom.

Ftietel

Ma nafx hawnx min jaf x’inhuma l-ftietel. Il-kelma ftietel hija l-plural ta’ fettul. Fettul huwa kull xorta ta’ ħaġa mremmbla u fit-tul. Ommi kienet tagħmel dawn il-ftietel billi tħallat id-dqiq ma’ ftit smid u tgħaqqad kollox bl-ilma, tirrumblahom u tagħmilhom madwar 10 ċentimetri twal. Imbagħad kienet tifta’ dawn il-ftietel fil-minestra. Ma kinux isiru bħalma jsir l-għaġin għax billi kienu jkunu eħxen, kienu jibqgħu xi ftit iebsa. Missieri ma kienx jikolhom, għax dak kollox misjur sewwa kien iħobb, anke l-għaġin ara ma jfettillekx isserivhulu al dente għax jgħidlek li jkun għadu nej. Mitt bniedem mitt fehma! Imma jekk missieri ma kienx jiekol il-ftietel, jien u oħti konna niġġennu għalihom. 

Mill-kotba

Jien trabbejt f’familja li tħobb il-ħelu. U ejja ngħidu l-verità, min ma jħobbux il-ħelu?

Ommi ma kellhiex wisq varjetà ta’ ħlewwiet li kienet tagħmel, imma dak li kienet tagħmel kienet taf tagħmlu sewwa. Biex ngħid id-dritt hi kienet tħobb taqra u kull ġimgħa kienet tixtri rivisti Ingliżi, immirati għan-nisa, li kien ikun fihom xi riċetti tal-ħelu, u biex ngħid kollox ġieli sajret xi ħaġa minn fuq dawn il-kotba. U la qed insemmi l-kotba qed niftakar ukoll li kellha numru ġmielu ta’ kotba bir-riċetti ta’ Carmen Carbonaro, l-aktar dawk li kellhom ir-riċetti tal-ħelu. Kultant kienet tipprova xi riċetta ġdida minn dawn il-kotba.

Ħelu

Imma ommi kellha numru ta’ riċetti tal-ħelu li ma kellhiex bżonn tal-ktieb għalihom, Kienet tgħallmithom aktarx mingħand ommha fi tfulija tagħha u baqgħet tagħmilhom. Fost dawn kien hemm il-kejkijiet, tal-vanilla jew taċ-ċikkulata u kultant wieħed imħallat biż-żewġ togħmiet. Kienet issejjaħlu “marble cake”, ma nafx hux kulħadd hekk isejjaħlu dan it-tip ta’ kejk. Imbagħad kultant kienet tagħmel it-trifle bħalma semma l-ħabib tagħna li semmejt fil-bidu ta’ dan l-artiklu. Wara li tidlikha bil-ġamm, kienet ixxarrab il-pane di Spagna, li kienet tħallat u ssajjar hi stess, bil-vermut u meta ma kienx ikollha vermut kienet tixtri flixkun Marsala. Ġieli fit-trifle kienet idaħħal saff irkotta biz-zokkor, trab taċ-ċikkulata, biċċiet taċ-ċikkulata u konfettura.

Kultant kienet tagħmel xi pudina. Il-ħobż li kien jifdal ma kienx jintrema dari imma kien jinbidel f’ħelu. Minbarra l-pudina tal-ħobż ġieli kienet tagħmel pudina tar-ross. Din żgur kienet riċetta li wirtet mingħand ommha għax niftakarha tgħid li kienet tmur tara lil missierha l-isptar u kienet toħodlu pudina tar-ross li kienet tagħmel ommha.

Ħelu ieħor li kienet tħobb tagħmel ommi kienu l-kannoli tal-irkotta. Kienet tagħmel l-għaġina, li kienet għaqqad bil-Marsala u ftit aniżetta. Kellha bħal tubi tal-metal li kienet iddawar din l-għaġina magħhom u taqlihom f’borma biż-żejt. Imbagħad kif jiksħu timliehom bl-irkotta imħallta kif fissirt aktar il fuq għat-trifle u troxxilhom raxxa zokkor fin.  Imbagħad meta joqrob il-Milied, kienet tipprepara l-kejk tal-Milied, kollu frott imqadded, passolina, żbib, u ma nafx xiex aktar flimkien ma’ ġellewż u lewż u ġewż. Kienet tlestieh kmieni għax kienet ixxarbu bil-brandy jew il-whiskey qabel ma tiksih biċ-ċikkulata.

Dan kien ftit mill-ikel li kienet tħobb issajjar ommi, ikel li nħobbu għax trabbejt bih fuq il-mejda. U llum, propju llum 17 ta’ Ottubru, ommi tagħlaq 14-il sena li ħallietha. U la nista’ ninsa lilha u lanqas nista’ ninsa l-ikel li kienet tħobb issajjar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ottubru 2026



Nessun commento:

Posta un commento