Visualizzazione post con etichetta valletta 2018. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta valletta 2018. Mostra tutti i post

venerdì 29 dicembre 2017

Kapitali tal-Kultura

Min minna ma jafx li ftit jiem oħra, il-belt kapitali tagħna sejra tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kutura? Il-preparamenti għal din l-okkażjoni speċjali ilhom li bdew is-snin biex issa kollox lest ħalli l-belt li nbniet mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex tkun fortizza għal pajjiżna, tiftaħ bwieba biex tkun għal sena sħiħa belt ta’ kultura, arti, mużika u kull xorta ta’ attivitajiet kulturali oħra. Il-Belt Valletta sejra tkun il-vetrina kulturali tal-Ewropa, mhux ta’ Malta biss, iżda tal-Ewropa kollha.

Frak ta’ storja
Għandna mnejn nistaqsu kif bdiet dil-ħaġa li tintgħażel belt, jew aktar biex għal tnax-il xahar tissejjaħ Kapitali Ewropea tal-Kultura? Nibdew biex ngħidu li din hija formalità fi ħdan l-Unjoni Ewripeja u għalhekk belt kapitali Ewropea trid tkun belt ta’ stat membru tal-Unjoni.

Il-ħsieb ta’ dan kollu kien ta’  Melina Mercouri, ministru tal-kultura tal-Greċja. Hija sabet l-appoġġ tal-politiku Franċiż Jack Lang li flimkien ħolmu b’din l-idea u emmnu li l-kultura tista’ tqarreb lill-Ewropej aktar lejn xulxin. Fl-1985 il-belt ta’ Ateni fil-Greċja kienet iddikkjarata bħala l-belt Ewropea tal-kultura.  Matul il-presidenza Ġermaniża tal-Unjoni Ewropea, fl-1999, l-isem ma baqax belt kulturali Ewropea imma sar Kapitali tal-Kultura Ewropea. Dan ta aktar qawwa lil din is-sena.

Kurżitajiet
Hemm bosta kurżitajiet dwar dan l-avveniment. Ħalli naraw xi ftit minnhom. Fl-1988 il-belt kulturali Ewropea kienet Berlin. Issa rridu niftakru li sa dak iż-żmien Berlin kienet tagħmel parti minn żewġ stati; il-Ġermanja tal-Lvant u l-Ġermanja tal-Punent. Minkejja li kien hemm il-ħajt li jifred din il-belt, xorta waħda l-Unjoni Ewropea għażlet lil Berlin sħiħa bħala belt kulturali. Din kienet l-unika darba fejn il-belt kulturali Ewropea kienet tagħmel parti minn żewġ stati differenti.
Is-sena 2000 rat xejn anqas minn disa’ bliet bħala kapitali Ewropej tal-Kultura. Dawn kienu: Avignon fi Franza, Bergen fin-Norveġja, Bologna l-Italja, Brussell fil-Belġju, Helsinki fil-Finlandja, Praga fil-Repubblika Ċeka, Varsavja fil-Polonja, Reykjavík ġewwa l-Iżlanda u Santiago de Compostela fi Spanja. Hawn wieħed jinnota li tlett ibliet; Reykjavík , Praga u Varsavja, ma kinux bliet ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Din kienet eċċezzjoni li saret għaliex dawn il-pajjiżi kienu applikaw biex isiru membri tal-Unjoni,  u fil-fatt Il-Polonja u r-Repubblika Ċeka daħlu ma’ Malta fl-1 ta’ Mejju tas-sena 2004. Minn dik is-sena ’l quddiem saret komuni li jkunu żewġt ibliet jew tlieta bħala kapitali kulturali Ewropej. Fl-2010 kellna l-bliet ta’ Essen fil-Ġermanja, dik ta’ Istambul fit-Turkija u Pécs fl-Ungerija. Hawn nerġgħu naraw belt oħra ta’ pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea, iżda billi t-Turkija bdiet in-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2005, taw din l-opportunità lil Istambul ukoll.
Kurżità oħra hija fl-2023 kellha tkun belt fir-Renju Unit li jkollu waħda mill-kapitali kulturali Ewropea iżda billi fl-2019, jiġi fis-seħħ il-Brexit, dan il-post issa jittieħed minn xi pajjiż ieħor. Il-bliet Ingliżi kandidati għall-dan it-titlu kienu: Dundee, Leeds, Milton Keynes u Nottingham. Magħhom kienu qed jiġu kkunsidrati l-ibliet Irlandiżi ta’ Belfast, Derry u Strabane.
Is-sena d-dieħla il-Belt Valletta sejra ġġorr dan it-tilu presiġjuż, imma hemm belt oħra li se tkun ukoll kapitali bħalha. Din sejra tkun Leeuwarden Fryslân ġewwa n-Netherlands. Kurżità oħra hija li Malta hija wkoll mistennija li jerġa’ jkollha kapitali kulturali Ewropoeja oħra fis-sena 2031. Fadal hux? Imma jasal ukoll. Min jaf liema post f’Malta, jew Għawdex ser ikollu dan it-titlu dik is-sena?
Tafu liema bliet kienu kapitali kulturali din is-sena? Kienu Aarhus fid-Danimarka u Paphos f’Ċipru.
Valletta
Dalwaqt il-belt kapitali tagħna sejra, biex ngħid hekk, tiġi msellfa għal sena lill-Ewropa kollha. Beltna sejra tkun il-vetrina tal-kultura tagħna, sejra turi dak li aħna tassew, dak li jferrħana, dak li kapaċi nagħmlu, dak li għandna x’noffru. Dan jingħaqad ma’ bosta attivitajiet kulturali oħrajn minn artisti barranin.
Attività unika li qatt ma rajna bħalha u niddubita jekk qattx għad naraw bħalha hija dik li l-erba’ festi Beltin, jiġifieri San Duminku, San Pawl, Santu Wistin u l-Madonna tal-Karmnu sejrin jingħaqdu flimkien f’festa waħda. Dan dlonk ifakkarna kemm il-kultura tagħna hija unika, marbuta mal-Knisja u mat-twemmin. Dan jiftħilna għajnejna biex nibżgħu għal dak li għandna għax huwa uniku u ħaddieħor ma għandux bħalu, ħaddieħor jiġi f’pajjiżna biex jarah.  Din hija attività, waħda mill-ħafna li hemm programmati, imma forsi waħda mill-aktar li sejra tattira nies. Madanakollu xorta tajjeb li napprofittaw irwieħna minn din is-sena biex ingawdu l-kultura tagħna kif  ukoll kulturi oħrajn. Sejrin ikollna opportunitajiet biex ingawduhom, ejjew ma nibqgħux indiffetenti, ejjew nikbru fil-kultura grazzi għal din is-sena, din l-opportunità li qed iżżur lil pajjiżna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 30 ta' Diċembru 2017




sabato 14 gennaio 2017

Meta se ssir ġutizzja?

Il-monument ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu
Fi tfuliti niftakarni nistudja poeżija ta’ Dun Karm Psaila iddedikata lill-martri u eroj Malti Dun Mikiel Xerri. Dun Karm jikteb li jħossu jistħi minnu nnifsu li Malta, dik l-art li Dun Mikiel Xerri ċarċar demmu għaliha, kienet hekk xħiħa miegħu, li lanqas daqxejn ta’ mafkar ma għamlet għalih. U għalhekk Dun Karm jgħid li jibki lil dan is-saċerdot Żebbuġi bħalu.

Il-karba ta’ Dun Karm Psaila instemgħet snin wara mewtu. Kien fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 1986 li f’ misraħ l-Indipendenza fil-Belt Valletta inkixef monument lil Dun Mikiel Xerri u sħabu. Tassew li kienu għaddew 187 sena minn dik il-ġrajja, iżda aħjar tard milli qatt.

Qabel Dun Mikiel
Jiena, sewwasew bħal Dun Karm Psaila, inħossni nistħi wkoll. Jien ukoll nistħi minn patrijott ieħor, Malti bħalna, li wkoll ġie maqtul mill-barrani, u li l-ebda ħjiel ta’ mafkar ma għad għandu fuq din l-art ħelwa, minkejja li miet 234 sena qabel ma nqatel Dun Mikiel Xerri u sħabu. Qed ngħid għal Dun Gianello Cilia li kien maqtul mill-għadu Tork fil-forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir meta dan is-saċerdot kien qiegħed jassisti spiritwalment lis-suldati Maltin u l-Kavallieri. Smajna ftit dwaru matul l-2015, meta ċċelebrajna l-450 anniversarju mill-Assedju l-kbir u kollox erġajna nsejna.

Dun Gianello Cilia
Il-kamp tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b'40,000 suldat u tellgħu it-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema.

Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li kienet tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar. Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f’Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu.

Se jibqa’ minsi?
Dun Gianello Cilia huwa mfakkar permezz ta’ arma ta’ kunjomu ġewwa s-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Ħaġa li hemm għal kull kappillan u arċipriet li mexxa din lil din il-parroċċa antika. Dan is-saċerdot għandu wkoll triq imsemmija għalih ġewwa Ħal Qormi wkoll. Xejn speċjali, hawn bosta Maltin li hemm xi triq imsemmija għalihom minkella li ma wettqux atti erojċi bħalma wettaq Dun Gianello. Allura dan sewwa? Jista’ wiċċna ma jiħmarx quddiem nuqqas bħal dan?

Iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi
 jonqsu monument xieraq lil Dun Gianello Cilia
Qabel Valletta 18
Jixraq li qabel ma l-belt kapitali tagħna tkun il-belt kulturali Ewropea, jissewwa dan in-nuqqas. Hemm bżonn li bosta entitajiet jagħrfu l-kobor ta’ dan is-saċerdot li, li kieku ried, seta’ ħeles mill-martirju, iżda għażel li jibqa’ fuq il-kamp tal-battalja, mhux jissielet lill-għadu imma jassisti spirtwalment lill-Insara.

Il-Knisja ta’ Malta għandha tħossha obbligata timbotta ’l quddiem il-ħsieb li jsir monument xieraq lil dan is-saċerdot ‘martri, maqtul waqt ħidmietu. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi wkoll għandha tfakkar lil dan il-kappillan tagħha b’ mod xieraq u dejjiemi. Il-Kunsill Lokali Qormi ma jistax iħalli bniedem ta’ livell bħal dan jibqa’ jkun minsi. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu obbligu morali jfakkar lil dan l-eroj li miet fil-konfini tiegħu. U l-kumitat Valletta 18 ma jista’ jagħmel xejn? Bi sforz kollettiv nistgħu naslu u nirranġaw din il-qagħda anomala.

Ejjew inneħħu din l-ingustizzja li ilha aktar minn 450 sena, iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil dan il-kappillan martri.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Jannar 2017




sabato 21 febbraio 2015

Lejn Valletta 2018

Ħarsa lejn Papa Piju V, benefattur tal-Belt Valletta

Għadu ftit iż-żmien biex għal sena l-Belt Valletta ssir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Madanakollu it-tħejjijiet ilhom li bdew għax avveniment bħal dan mhux xi okkażjoni li ssir kuljum. Fadal inqas minn tliet snin u diġà rajna xi attivitajiet biex iħejju għal din is-sena tant importanti mhux biss għall-kapitali tagħna, imma għal Malta kollha.

Il-kwistjoni tat-tined tal-bejjiegħa tal-Monti u l-post imwiegħed lil dawn it-talin kif ukoll il-każ tal-gabbani fil-pjazza De Valette, fakkarni li xi xhur ilu kont qrajt suġġeriment f’ ġurnal lokali biex għal dik is-sena jinġieb Malta l-fdal tal-Papa Piju V. Dlonk ftakart li l-Belt Valletta għandha rabta speċjali ma’ dan il-Papa. Issa jiġux il-fdalijiet tal-Papa jew le inħalluha f’ idejn l-awtorità, aħna ngħidu biss xi ħaġa dwar dan il-benefattur tal-Kapitali ta’ artna, belt mibnija minn ġentlomi għal ġentlomi.

Min kien Papa Piju V
Antonio Ghislieri twieled f’Bosco ħdejn Alessandria fl-Italja fis-17 ta’ Jannar,  1504.   Ta’ 14-il sena daħal fl-Ordni tal-Predikaturi, il-patrijiet Dumnikani,  u ngħata l-isem ta’ Mikiel.   Wara li ordna saċerdot, fl-1528, kompla l-istudji tiegħu u beda jgħallem it-teologija.  Kien magħruf għal tjubitu u għal kemm kien aħrax miegħu nnifsu.  Sar kummissarju ġenerali tal-Inkwiżizzjoni Rumana fl-1551, wara l-Papa Pawlu IV, fl-1556, ħatru isqof ta’ Nepi u Sutri u fl-1557 sar kardinal. Fl-1560 ingħata d-djoċesi ta’ Mondovi fil-Piemonte.

Fid-9 ta’ Diċembru, 1565, is-sena tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta, miet il-Papa Piju IV. Fis-7 ta’ Jannar,  1566, it-52 kardinal miġbura fil-konklavi, għażlu lil Ghislieri bħala Papa. Ħa l-isem ta’ Piju V.  Bil-għajnuna tan-neputi tiegħu, San Karlu Borromeo ħadem kemm felaħ għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għat-tiġdid fil-ħajja tal-Knisja.  Huwa ħadha kontra l-eretiċi ta’ żmienu u ħabbrek ħafna biex jiddefendi u jxerred it-tagħlim tan-Nazzarenu.  Huwa attwa d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trento. Organizza l-Kurja Rumana. Promulga l-katekiżmu tal-Knisja u billi ra li t-tagħlim fost is-saċerdoti ma kienx wisq għoli, ordna li ġewwa s-seminarji tibda tiġi studjata s-Summa Teologica ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Fl-1567 huwa ddikjara lil Tumas ta’ Akwinu bħala Duttur tal-Knisja u sejjaħlu bħala l-Qaddis Anġeliku. Organizza l-liturġija tal-Knisja skont kif talab il-Konċilju ta’ Trento u fl-1568 intoduċa l-użu tal-Brevjar uniku fil-Knisja kollha. Sentejn wara ħareġ il-Missal Ruman.

Rabta ma’ Malta
Mappa tal-Belt Valletta fil-Mużew tal-Vatikan
Kellu rabta mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco Laparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta. Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament il-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt. Illum dan il-bust jinsab fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti.  Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku  fil- belt Valletta.  Bust ieħor tiegħu jidher fil-faċċata ta’ din il-Bażilika. Fil-fatt kien hu li b’motu proprio tat-2 ta’ Lulju 1571, għolla l-knisja msemmija għad-dinjità ta’ parroċċa tal-belt il-ġdida. Sa dak iż-żmien l-għolja Xiberras kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Insibu li l-Kappillan ta’ din il-parroċċa Qormija ġie maqtul fil-forti Sant Iermu, mit-Torok, waqt li kien qiegħed jassisti lis-suldati u lill-kavallieri waqt l-Assedju l-Kbir. Kien dmir tiegħu għax Sant Iermu kien għadu jagħmel mat-territorju tal-parroċċa tiegħu. Bit-twaqqif ta’ din il-parroċċa Beltija, il-parroċċa Qormija saret ukoll matriċi.

Bħala Papa
Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-Istati Pontifiċji. Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi, li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-territorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.

Il-qabar ta' Papa Piju V
Huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieledet fl-1571. It-Torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’ Malta, xorta ma qatgħux qalbhom li jakkwistaw artijiet Insara. F’ dik is-sena t-Torok attakkaw Lepanto, fil-Greċja. Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu t-talba tar-rużarju għas-suldati Nsara.  Ir-rebħa seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara, dan il-jum kien iddikkjarat bħala l-festa tal-Madonna tal-Vittorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.
It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-valenu fuq il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-valenu. Għalhekk bosta xbiehat iġibu lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.

Huwa miet f’ Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma.
Ikun xieraq li fis-sena 2018, meta l-Belt Valletta tkun il-kapitali Ewropeja tal-Kultura tfakkar b’ xi mod dan il-Papa li minkejja li dan ftit snin biss bħala Papa, imma għandu rabta kbira u importanti mal-Belt kapitali tagħna.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Frar 2015