Visualizzazione post con etichetta Kuncizzjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Kuncizzjoni. Mostra tutti i post

venerdì 24 febbraio 2023

Lodovico Mifsud Tommasi

 

Kanonku u poeta minn Bormla

Matul l-istaġun tal-festi li jsiru f’pajjiżna spiss nisimgħu il-kurunella tal-qaddis jew qaddisa. Bosta kurunelli qodma kienu miktuba minn Ludovico Mifsud Tommasi. Ejjew l-ewwel naraw xi ħaġa fuq fuq dwar xi tkun kurunella. Biss Mifsud Tommasi ma jistax ikun marbit biss mal-kurunelli imma hemm ħafna aktar għal xiex dan is-saċerdot għandu jibqa’ msemmi u mfakkar.

Kurunella

Hemm għadd ta’ talbiet li l-forma tagħhom hija differenti. Kurunella hija forma ta’ talba magħquda ma’ għadd ta’ tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilu jew lilha tkun iddedikata dik il-kurunella. Wara kull żewġ strofi tingħad Missierna, Sliema u Glorja. Din tingħad fin-novena ta’ qabel il-festa jew fil-jiem tat-tridu qabel il-barka Sagramentali. Sfortunatament illum din id-drawwa hemm fejn spiċċat. Ħasra għax minbarra s-sens liturġiku hemm ukoll il-paterimonju artistiku u poetiku li qed jintilef.

Min kien l-awtur

Ludovico twieled nhar it-18 ta’ Novembru, 1796 ġewwa Bormla. Missieru Francesco Mifsud kien neguzjant u kien miżżewweġ lil Angelica Tommasi.  Huwa kien mgħammed fi l-knisja parrokkjali ta’ Bormla u mogħti l-ismijiet ta’ Ludovico, Giuseppe u Fabrizio. Il-ġenituri ta’ Ludovico kellhom 11-il wild, sitt ibiet u ħames subien. Fl-1806, meta Ludovico kellu 10 snin, daħal is-seminarju fejn studja għal 10 snin u wara daħal l-università. Huwa gradwa fit-teoloġija mill-Università ta’ Malta u fl-1821 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Malta Ferdinando Mattei. Wara huwa kompla l-istudji tiegħu fid-dritt kanoniku u fid-dritt ċivili ġewwa Ruma. Huwa kien professur tal-Istorja tal-Knisja u tal-Iskrittura. Fl-1858 ħa l-pussess ta’ Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla u fis-sena 1868 inħatar Monsinjur tal-Katidral tal-Imdina.

Pittura

Fl-1828 Dun Ludovik kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadna nsibu llum. Fl-1835 fir-rokna ta’ isfel, fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru tpittret l-arma tal-familja Mifsud Tommasi. Din il-pittura kienetasdet xi ftit lill-Bormliżi għaliex sa dak iż-żmien ix-xbieħa tal-madonna kienet tkun rappreżentata bi lbies rikk u mhux kif pittirha Caruana, b’libsa bajda u faxxa kaħla ma qaddha. Interessanti ħafna l-fatt li meta seħħew id-dehriet ta’ Lourdes fl-1858 – tletin sena wara li saret il-pittura, il-Madonna dehret liebsa sewwasew kif kienet tidher fil-kwadru kkommissjonat minn Mifsud Tommasi.

Potenzjalment Arċipriet

Il-kappillan Tumas Scicluna tal-parroċċa ta’ San Filep ta’ Ħaż Żebbug kien għażel lil Mifsud Tommasi bħala vigarju tiegħu. Dun Lodovik ħadem biex ġab mingħand il-Papa Piju VIII t-titlu ta' arcipriet lill-parroċċa Żebbuġija u fl-1829 kellu jnħatar l-ewwel arċipriet tal-Belt Rohan iżda l-pussess tiegħu qatt ma sar.  Skont Ġużè Cassar Pullicino, Mifsud Tommasi kien offrut il-grad ta’ isqof koadjutur tal-Isqof Mattei, bid-dritt tas-suċċessjoni mill-Gvernatur ta’ Malta Sir Frederick Cavendish Ponsonby għall-ħabta tas-sena 1830, kariga li Mifsud Tommasi ma aċċettax.  Fl-1831 Malta kellha isqof ġdid; iż-Żebbuġi Francesco Saverio Caruana. Jingħad li għal xi raġuni dan l-Isqof ma kienx jaqbel wisq ma’ Mifsud Tommasi u ħajru jirrinunzja għall-arċipretura u wiegħdu li ’l quddiem jinnomimah monsinjur tal-katidral. Dun Ludovik kien aċċetta din il-proposta imma l-Isqof  Caruana miet fl-1847 u Mifsud Tommasi kien għadu  ma sarx monsinjur.  Bħalma għidna, fl-1857 kien nominat  bħala kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Il-vestizzjoni tiegħu bħala kanonku saret fit-2 ta’ Jannar tal-1858. In-nomina ta’ monsinjur tal-katidral waslet fl-1868 mill-Isqof  Gaetano Pace Forno

Saċerdot u kittieb

Monsinjur Mifsud Tommasi kien predikatur imfaħħar ħafna u dar tista’ tgħid il-knejjes ta’ Malta kollha jipprietka. Kien ukoll kittieb u poeta ta’ kalibru għoli. Interessanti ħafna l-fatt li dan is-saċerdot kiteb bil-Malti meta ilsienna lanqas biss kein jitqies bħala lingwa. Fl-1835 Ludovik Mifsud Tommasi ippubblika l-ewwel ġabra ta’ kurunelli fl-Istamperija tal-Gvern. Dik is-sena wkoll huwa  ħareġ  l-Inni Mqaddsa, traduzzjoni bil-Malti tal-innijiet tal-brevjar. Dan juri kemm dan is-saċerdot ħaseb kmieni għall-użu tal-Malti fil-knisja. Bejn l-1835 u l-1837 hu ppubblika xejn anqas min 21 ktejjeb. Xogħolijiet importanti oħra tiegħu huma: Stabat Mater Dolorosa, Christe Sanctorum decus Angelorum u Magnae Deus Potentiae.

Il-Kanonku Ludovico Mifsud Tommasi miet nhar it-23 ta’ Ottubru, 1879, ftit jiem qabel ma għalaq it-83 sena. Huwa jinsab midfun fil-katidral tal-Imdina.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Frar 2023



mercoledì 19 giugno 2019

Mixja Marjana f’tarf Ħaż-Żebbuġ


Ħaġa li dejjem laqtitni ġewwa Ħaż-Żebbuġ hija d-devozzjoni qawwija li hemm lejn Marija Santissima. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li kważi fl-artali laterali kollha tal-knisja parrokkjali b’xi mod jew ieħor insibu x-xbieha tal-Madonna. Mhux biss, imma madwar ir-raħal, minn tarf sa tarf, insibu bosta kappelli li għandhom lill-Marija Santissima taħt xi titlu jew ieħor bħala patruna tagħhom. Kull meta nimxi fit-toroq tar-raħal dejjem dan il-ħsieb jiġi f’moħħi u llum nixtieq naqsmu magħkom billi nduru fil-qosor xi wħud minn dawn il-kappelli Marjani. Ser nagħmlu passiġġata f’xaqliba waħda tar-raħal, minn Ħal Qormi lejn is-Siġġiewi.

Tal-Ħlas
Jekk wieħed jibda riesaq lejn Ħaż-Żebbuġ min-naħa ta’ Ħal Qormi minn qalb l-għelieqi, isib il-kappella tal-Madonna tal-Ħlas bħala l-ewwel bini. Interessanti l-fatt li minkejja li din il-kappella tinsab fil-konfini tar-raħal, tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Hemm storja interessanti dwarha u dwar kif din spiċċat tifforma parti minn parroċċa ġara, li fi żmien antik kienet ikkonsidrata bħala waħda kompetitriċi u kienet teżisti xi ftit (jew ħafna)pika magħha!  L-ewwel kappella fil-post inbiddlet ma’ oħra fl-1560. Din illum hija s-saġristija tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas. Fl-1690 it-teżorier tal-Ordni ta’ San Ġwann bena l-knisja li naraw illum. Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu nxterdet u baqgħet tikber. Bdew isiru għadd ta’ pellegrinaġġi għal dan il-post u għalhekk inbnew loġoġ quddiem il-kappella għall-pellegrini biex dawn ikollhom fejn jistekennu mix-xemx jew mix-xita. Quddiem il-kappella nsibu statwa kbira tal-ġebel fuq pedestall. Din turi lill-Madonna tielgħa s-sema. Din il-kappella hija miżmuma tassew tajjeb u fiha ssir quddiesa kull xahar. Fiha jista’ wkoll isiru żwiġijiet. F’din il-kappella ssir ukoll il-festa ta’ Santa Marija fix-xahar ta’ Awwissu.

Il-Kunċizzjoni
Hekk kif inħallu din il-kappella u nibqgħu telgħin il fuq, kif naslu fit-triq ewlenija, qabel induru lejn il-bieb ta’ De Rohan, naraw il-kappella ddedikata lill-Kunċiżżjoni. Din hija kappella ċkejkna li nbniet fl-1677 b’wegħda wara l-pesta li ħakmet lill-pajjiżna bejn tmiem l-1675 u Settembru tas-sena ta’ wara. Din il-marda kienet temmet il-ħajja ta’ 8,732 persuna fosthom 169 Żebbuġi u Żebbuġija, 74 raġel u 95 mara. Din il-kappella fiha bieb wieħed fil-faċċata u fil-fontispizju fiha niċċa vojta. Fil-ġnub tal-bieb prinċipali nsibu żewġ twieqi minn fejn dak li jkun kien jista’ jħares il ġewwa u jgħid xi talba. Mal-faċċata għadna nistgħu naraw il-plakka li tgħid li dik il-knisja ma tgawdix l-immunità tal-Knisja: Non Gode l'Immunità Ecclesiastica . Hemm ħafna x’wieħed jikteb dwar dan is-suġġett. Fuq wara tal-kappella hemm kampnar ċkejken li huwa nieqes mill-qniepen. Quddiemha nsibu wkoll zuntier. Illum din il-kappella ma għadiex tintuża għal servizzi liturġiċi. Jekk qabel din il-kappella kienet tinsab imwarrba mill-qalba tar-raħal illum ma nistgħux ngħidu l-istess. Il-bini wasal sa ħdejha anzi sar imiss magħha tant li wieħed għandu mnejn jgħaddi minn quddiemha bla ma jagħti każ li hemm kappella, jekk ikun moħħu f’xi ħaġa oħra.

Wied Qirda 

Għalissa nħallu l-ħsieb li nidħlu Ħaż-Żebbuġ mit-triq li aħna mdorrijin ngħaddu minnha u niġbdu lejn is-Siġġiewi. Hawn ma ndumux ma naslu ħdejn id-daħla ta’ Wied Qirda. Hekk kif nibdew nieżlin f’dan il-wied insibu daqsxejn ta’ kappella li hija ddedikata lill-Viżitazzjon i ta’ Marija Santissima lill-qaribitha Santa Eliżabetta. Bħal ħafna knejjes oħra, din ma hijiex l-ewwe binja li saret fil-post. Aktarx li l-knisja li naraw illum kien bnieha Bartilmew Magro fl-1675. Dan il-benefattur jinsab midfun f’din il-kappella stess. Din il-kappella fiha żewġ bibien, wieħed fil-faċċata u ieħor fil-ġenb. Fil-faċċata naraw il-bieb prinċipali u fil-ġnub żewġ twieqi fil-baxx, sewwasew bħal taż-żewġ kappelli li semmejna qabel. Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa oħra. Fuq wara tal-kappella naraw bħal kampnar magħmul minn żewġ arkati, li huwa wkoll nieqes mill-qniepen. Għal xi żmien din il-kappella kienet intelqet għal kollox u kienet kważi waslet biex tiġġarraf iżda llum ġiet irrestawrata u wieħed jista’ jgawdiha. Minkejja li din il-kappella ma tintużax regolarment, xorta ġieli ssir xi quddiesa fiha għal xi okkażjoni speċjali.

Illum imxejna mixja ma wieħed mit-truf ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul din il-mixja sibna tliet kappelli li huma Marjani. Jekk Alla jrid sena oħra nkomplu nimxu u narax xi kappelli Marjani oħrajn li għandna f’Ħaż-Żebbuġ.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Filep 2019 maħruġ mill-Banda 12th May.