venerdì 24 febbraio 2023

Lodovico Mifsud Tommasi

 

Kanonku u poeta minn Bormla

Matul l-istaġun tal-festi li jsiru f’pajjiżna spiss nisimgħu il-kurunella tal-qaddis jew qaddisa. Bosta kurunelli qodma kienu miktuba minn Ludovico Mifsud Tommasi. Ejjew l-ewwel naraw xi ħaġa fuq fuq dwar xi tkun kurunella. Biss Mifsud Tommasi ma jistax ikun marbit biss mal-kurunelli imma hemm ħafna aktar għal xiex dan is-saċerdot għandu jibqa’ msemmi u mfakkar.

Kurunella

Hemm għadd ta’ talbiet li l-forma tagħhom hija differenti. Kurunella hija forma ta’ talba magħquda ma’ għadd ta’ tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilu jew lilha tkun iddedikata dik il-kurunella. Wara kull żewġ strofi tingħad Missierna, Sliema u Glorja. Din tingħad fin-novena ta’ qabel il-festa jew fil-jiem tat-tridu qabel il-barka Sagramentali. Sfortunatament illum din id-drawwa hemm fejn spiċċat. Ħasra għax minbarra s-sens liturġiku hemm ukoll il-paterimonju artistiku u poetiku li qed jintilef.

Min kien l-awtur

Ludovico twieled nhar it-18 ta’ Novembru, 1796 ġewwa Bormla. Missieru Francesco Mifsud kien neguzjant u kien miżżewweġ lil Angelica Tommasi.  Huwa kien mgħammed fi l-knisja parrokkjali ta’ Bormla u mogħti l-ismijiet ta’ Ludovico, Giuseppe u Fabrizio. Il-ġenituri ta’ Ludovico kellhom 11-il wild, sitt ibiet u ħames subien. Fl-1806, meta Ludovico kellu 10 snin, daħal is-seminarju fejn studja għal 10 snin u wara daħal l-università. Huwa gradwa fit-teoloġija mill-Università ta’ Malta u fl-1821 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Malta Ferdinando Mattei. Wara huwa kompla l-istudji tiegħu fid-dritt kanoniku u fid-dritt ċivili ġewwa Ruma. Huwa kien professur tal-Istorja tal-Knisja u tal-Iskrittura. Fl-1858 ħa l-pussess ta’ Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla u fis-sena 1868 inħatar Monsinjur tal-Katidral tal-Imdina.

Pittura

Fl-1828 Dun Ludovik kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadna nsibu llum. Fl-1835 fir-rokna ta’ isfel, fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru tpittret l-arma tal-familja Mifsud Tommasi. Din il-pittura kienetasdet xi ftit lill-Bormliżi għaliex sa dak iż-żmien ix-xbieħa tal-madonna kienet tkun rappreżentata bi lbies rikk u mhux kif pittirha Caruana, b’libsa bajda u faxxa kaħla ma qaddha. Interessanti ħafna l-fatt li meta seħħew id-dehriet ta’ Lourdes fl-1858 – tletin sena wara li saret il-pittura, il-Madonna dehret liebsa sewwasew kif kienet tidher fil-kwadru kkommissjonat minn Mifsud Tommasi.

Potenzjalment Arċipriet

Il-kappillan Tumas Scicluna tal-parroċċa ta’ San Filep ta’ Ħaż Żebbug kien għażel lil Mifsud Tommasi bħala vigarju tiegħu. Dun Lodovik ħadem biex ġab mingħand il-Papa Piju VIII t-titlu ta' arcipriet lill-parroċċa Żebbuġija u fl-1829 kellu jnħatar l-ewwel arċipriet tal-Belt Rohan iżda l-pussess tiegħu qatt ma sar.  Skont Ġużè Cassar Pullicino, Mifsud Tommasi kien offrut il-grad ta’ isqof koadjutur tal-Isqof Mattei, bid-dritt tas-suċċessjoni mill-Gvernatur ta’ Malta Sir Frederick Cavendish Ponsonby għall-ħabta tas-sena 1830, kariga li Mifsud Tommasi ma aċċettax.  Fl-1831 Malta kellha isqof ġdid; iż-Żebbuġi Francesco Saverio Caruana. Jingħad li għal xi raġuni dan l-Isqof ma kienx jaqbel wisq ma’ Mifsud Tommasi u ħajru jirrinunzja għall-arċipretura u wiegħdu li ’l quddiem jinnomimah monsinjur tal-katidral. Dun Ludovik kien aċċetta din il-proposta imma l-Isqof  Caruana miet fl-1847 u Mifsud Tommasi kien għadu  ma sarx monsinjur.  Bħalma għidna, fl-1857 kien nominat  bħala kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Il-vestizzjoni tiegħu bħala kanonku saret fit-2 ta’ Jannar tal-1858. In-nomina ta’ monsinjur tal-katidral waslet fl-1868 mill-Isqof  Gaetano Pace Forno

Saċerdot u kittieb

Monsinjur Mifsud Tommasi kien predikatur imfaħħar ħafna u dar tista’ tgħid il-knejjes ta’ Malta kollha jipprietka. Kien ukoll kittieb u poeta ta’ kalibru għoli. Interessanti ħafna l-fatt li dan is-saċerdot kiteb bil-Malti meta ilsienna lanqas biss kein jitqies bħala lingwa. Fl-1835 Ludovik Mifsud Tommasi ippubblika l-ewwel ġabra ta’ kurunelli fl-Istamperija tal-Gvern. Dik is-sena wkoll huwa  ħareġ  l-Inni Mqaddsa, traduzzjoni bil-Malti tal-innijiet tal-brevjar. Dan juri kemm dan is-saċerdot ħaseb kmieni għall-użu tal-Malti fil-knisja. Bejn l-1835 u l-1837 hu ppubblika xejn anqas min 21 ktejjeb. Xogħolijiet importanti oħra tiegħu huma: Stabat Mater Dolorosa, Christe Sanctorum decus Angelorum u Magnae Deus Potentiae.

Il-Kanonku Ludovico Mifsud Tommasi miet nhar it-23 ta’ Ottubru, 1879, ftit jiem qabel ma għalaq it-83 sena. Huwa jinsab midfun fil-katidral tal-Imdina.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Frar 2023



Nessun commento:

Posta un commento