sabato 4 febbraio 2023

LARINĠ

 

Fost l-aktar frott popolari u li nistgħu ngħidu mmorru fejn immorru fid-dinja nsibuh, huwa l-larinġ minħabba li hija frotta li tista’ tinżamm għal bosta xhur, kemm-il darba tkun miżmuma f’ambjent u post sewwa. Hemm diversi tipi ta’ larinġ, fosthom il-larinġ magħruf bħala “ta’ Malta” fost bosta oħrajn. Huwa frott li fih ħafna vitamini u baxx fil-kalariji. Larinġa waħda fiha 92% tal-vitamina Ċ li bniedem għandu bżonn kuljum. Ejjew naraw xi ħaġa żgħira fuq din il-frotta bnina.


Storja

Il-larinġ ħelu mhuwiex frott selvaġġ  imma ġie biex ngħidu hekk iddomestikat b’taħlit minn siġar taċ-ċitru ieħor. Il-larinġ ħelu għandu oriġini distinta mill-larinġ morr, li nħoloq bi tlaqqim ta’ siġar taċ-ċitru differenti. L-aktar referenza bikrija tal-larinġ ħelu nsibuha fil-letteratura Ċiniża u tmur sas-sena 314 qabel Kristu. Fl-Ewropa, il-Mori ntroduċew il-larinġ fil-Peniżola Iberika , bil-kultivazzjoni fuq skala kbira li bdiet fis-seklu għaxra, meta sar il-bini ta’ tekniki kumplessi għat-tisqija għall-ġonna tal-larinġ. Il-frott taċ-ċitru, fosthom il-larinġ morr, ġie ntrodott fi Sqallija fis-seklu disgħa matul il-perjodu tal-Emirat ta’ Sqallija, iżda l-larinġ ħelu ma wasalx f’din il-gżira qabel is-seklu ħmistax  jew il-bidu tas-seklu sittax meta n-negozjanti Portugiżi ġabu siġar tal-larinġ fiż-żona tal-Mediterran. Ftit wara, il-larinġ ħelu malajr ġie adottat bħala frott li jittiekel. Kien meqjus bħala ikel lussus imkabbar minn nies għonja f’ġonna privati. Sal-1646, il-larinġ ħelu kien magħruf sew madwar l-Ewropa. Ir-Re Luwiġi XIV ta’ Franza kellu mħabba kbira għas-siġar tal-larinġ tant li bena ġnien tal-larinġ kbir fil-Palazz ta’ Versailles. F'Versailles, siġar tal-larinġ mħawla f'banjijiet tal-fidda solida, tqiegħdu fil-kmamar tal-palazz, filwaqt li l-ġnien tal-larinġ kien jiggarantixxi li r-re u familtu jsibu dan il-frott matul is-sena kollha.

Vjaġġaturi Spanjoli ntroduċew il-larinġ ħelu fil-kontinent Amerikan. Fit-tieni vjaġġ tiegħu, fl-1493, Kristofru Kolombu aktarx li ħawwel siġar tal-larinġ fil-kontinent il-ġdid. Spedizzjonijiet li saru wara ħadu l-larinġ ħelu lejn l-Amerika ta’ Isfel u l-Messiku, u lejn Florida fl-1565 – is-sena tal-Assedju l-kbir ta’ Malta. Missjunarji Spanjoli ġabu siġar tal-larinġ f'Arizona bejn l-1707 u l-1710 filwaqt li l-Franġiskani għamlu l-istess f'San Diego, Kalifornja, fl-1769. F’Louisiana, il-larinġ probabilment ġie introdott minn esploraturi Franċiżi.

F’pajjiżna

Is-siġar taċ-ċitru, li minnhom tagħmel parti s-siġra tal-larinġ, bħalma huma wkoll dawk tal-lumi, mandolin, tronġ u xi frott ieħor inqas popolari, bdew jiġu mkabbra f’Malta għall-ħabta tas-sena 870 wara Kristu meta pajjiżna kien maħkum mill-Għarab. Il-Kavallieri ta’ San Ġwann komplew ikabbru u jżidu s-siġar taċ-ċitru f’pajjiżna u aktarx li kien f’dawn iż-żminijiet li l-larinġa ta’ Malta saret popolari anke bogħod minn xtutna. Il-klima ta’ pajjiżna u x-xtiewi bi ftit li xejn ksieħ huma ideali għal dawn is-siġar. Għal mijiet ta’ snin il-larinġ ta’ Malta kien ikun rigal subblimi għal bsota monarkiji Ewropej. Jingħad li r-Reġina Eliżabetta I kienet tħobb ħafna dan il-larinġ u kienet tinsisti li fl-ikliet kbar li kienet tagħti jkun hemm il-larinġ ta’ Malta fuq il-mejda. Dan l-aħħar qrajt li sal-lum il-familja rjali tal-Gran Brittanja għadha ta’ kull sena tirċievi larinġ minn pajjiżna bħala rigal tal-poplu Malti lil din il-familja. Jekk din il-ħaġa hijiex minnha jew le ma nafx! Li nista’ ngħid fiċ-ċert hu li meta r-Reġina Eliżabetta II kienet għadha prinċipessa u għal xi snin kienet tgħix Malta, kellha siġar tal-larinġ fid-dar fejn kienet toqgħod fi Gwardamanġa. Ma jistax jonqos li l-larinġ tal-ġnien tagħha kien jasal sa fuq il-mejda tal-ikel.

Produzzjoni

Inħallu pajjiżna u naraw li fl-2020, il-produzzjoni dinjija tal-larinġ kienet ta’ 75 miljun tunnellata , bl-akbar produttur ikun il-Brażil b’aktar minn sittax-il miljun tunellata li jammontaw għal 22% tat-total, segwit mill-Indja bi kważi għaxar miljun tunellata, iċ-Ċina b’seba’ miljun tunellata u nofs, l-Istati Uniti bi ftit anqas minn ħames miljun tunellata, u l-Messiku bi ftit aktar minn erba’ miljun tunellata u nofs.

Qegħdin insemmu pajjiżi enormi u kif wieħed jinduna, sa issa ma semejt l-ebda pajjiż Ewropew jew tal-anqas Mediterranju. Biss wara l-Messiku fil-klassifika tal-produzzjoni nsibu lil Spanja u l-Eġittu bi tliet miljun tunellata u kwart larinġ kull sena. Dan kollu jammonta għal żewġ terzi tal-produzzjoni dinjija kollha.

Kummerċjalment, il-larinġ jista’ jinħażen fi kmamar b’atmosfera mkessħa u kkontrollata sa tnax-il ġimgħa wara l-qtugħ. It-tul tal-ħażna fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kultivar, il-maturità, il-kundizzjonijiet ta’ qabel il-qtugħ u l-immaniġġjar tal-frotta. Fil-ħwienet u s-swieq, madankollu, il-larinġ għandu jintwera fuq xkafef mhux imkessħa. Fid-dar il-larinġ għandu ħajja ta’ madwar xahar.

Rajna xi ħaġa żgħira, anzi żgħira ħafna dwar din il-frotta popolari li minnha jsiru wkoll prodotti oħra bħal ġammijiet, xarbiet kemm alkoħoliċi kif ukoll mhux alkoħoliċi kif ukoll żejt. Lanqas temmen daqsxejn ta’ frott xi jkun hemm warajha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Frar 2023



Nessun commento:

Posta un commento