Ilkoll kemm aħna nafu xi tkun
parroċċa, imma forsi ftit huma dawk li jafu l-oriġini ta’ dawn l-entitajiet.
Il-parroċċa hija l-parti minn djoċesi f'komunità Nisranija li tkun immexxija
minn presbiteru msejjaħ kappillan jew arċipriet. Il-Knisja Kattolika, il-Knisja
Ortodossa, il-Knisja Anglikana, u xi denominazzjonijiet Protestanti oħra huma kollha
organizzati f'parroċċi.
Isem
Nibdew qabel xejn naraw il-kelma
“parroċċa” minn fejn hi ġejja. It-terminu "parroċċa" ġej mill-Grieg
παροικία (paroikìa), kelma derivata
minn παροικέω li tfisser "dak li jgħix fil-qrib" u bil-Latin saret paroecia li tfisser "qrib
id-dar" jew “min mhux tad-dar”: f’dan is-sens din il-kelma kienet
tirreferi għal dawk ir-resident barrani fost iċ-ċittadini tal-post. F’sens
etimoloġiku, għalhekk, il-parroċċa (paroikìa)
mhijiex komunità ta’ nies li jgħixu madwar post ta’ qima u lanqas ma għandha
x’taqsam ma’ territorju. Tfisser dawk in-nies li ma humiex qed jgħixu f’arthom.
Dan nifhmuh sewwa meta naqraw il-kliem meħud mill-Ittra lil-Lhud: Għax aħna
hawnhekk ma għandniex belt li tibqa' għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li
għad trid tiġi. [Lhud:13:14]
Oriġinarjament l-ewwel
komunitajiet Insara fdaw il-liturġija kollha f’idejn isqof li kien joqgħod
f’belt. Barra s-sedi episkopali ma kienx hemm knejjes, sakemm fir-raba’ seklu
l-komunitajiet Insara rurali tant saru numerużi li kienu jeħtieġu r-residenza
permanenti ta’ membru tal-kleru. Fil-bidu l-komunitajiet rurali kienu taħt
l-amministrazzjoni diretta tal-isqof, iżda fil-Lvant il-Konċilju ta’ Kalċedonja
li sar fis-sena 451 ordna
amministrazzjoni differenti. Fil-Punent, il-proċess tal-ħolqien tal-parroċċi kien itwal u aktar bil-mod.
Bejn ir-raba’ u l-ħames seklu inbnew bosta knejjes rurali kemm fi proprjetà
ekkleżjastika kif ukoll f’art privata. Qassis wieħed jew aktar kienu joqogħdu
fil-knisja. Fil-bidu, l-amministrazzjoni pastorali u patrimonjali tal-knejjes
rurali kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-isqof, il-parroċċi ma kellhomx
konfini definiti sew.
Fis-sekli sitta u sebgħa bdew
jissemmew l-ecclesia rusticana jew parochitana u finalment parochia. Bil-mod il-mod
l-amministrazzjoni ta’ dawn il-knejjes bdiet tiġi fdata f’idejn is-saċerdoti
residenti, li issa kienu jistgħu jirċievu direttament donazzjonijiet u legati
mingħand il-fidili. Minbarra l-knejjes parrokkjali, inbnew ukoll knejjes
sekondarji, kappelli u oratorji, li iżda baqgħu taħt id-dipendenza
tal-parroċċa. Din ir-rabta ta’ dipendenza hija enfasizzata mid-dritt
tal-knejjes parrokkjali li jamministraw il-magħmudija. Sa mis-seklu tmienja
il-kampanja ta' madwar il-parroċċi ġiet assenjata bħala t-territorju
tal-parroċċa stess u b'hekk assumiet ċerti konfini. Lejn is- seklu ħdax u tnax
il-parroċċa rurali saret iċ-ċentru tal-ħajja Nisranija tal-komunità u ta’ spiss
ħdejn il-knejjes fetħu skejjel u istituti ta’ karità.
Il-parroċċi urbani, min-naħa
l-oħra, żviluppaw aktar bil-mod għaliex il-knisja katidral baqgħet għal żmien
twil is-sede tal-isqof u l-unika parroċċa fil-belt. It-tixrid tal-parroċċi kien
madankollu differenti ħafna minn djoċesi għal djoċesi. Il-Konċilju ta’ Trento li
sar bejn l-1545 u l-1563 ordna t-twaqqif ta’ parroċċi fid-djoċesijiet li kienu għadhom
nieqsa minnhom.
Tajjeb ngħidu wkoll li jeżistu
wkoll parroċċi li ma fihomx konfini. Dawn ikunu parroċċi ta’ xi gruppi
partikolari ta’ nies u ma jkunux marbuta ma’ teritorji, bħal pereżempju
parroċċa ta’ grupp ta’ nies barranin li joqgħodu f’ċerta djoċesi.
F’Malta
Nistgħu ngħidu b'ċertezza li
l-Kattidral tal-Imdina kien l-ewwel parroċċa f'Malta. Il-Birgu hu meqjus bħala
l-eqdem parroċċa wara l-Katidral. It-tradizzjoni tgħid li kien il-Konti
Ruġġieru li waqqad din il-parroċċa fl-1091.
Fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello de Noto, kiteb li f'Malta kien hawn
għaxar parroċċi mwaqqfin. Kull parroċċa kellha tieħu ħsieb il-knejjes u l-kura
spiritwali ta' xi żona partikulari. Dawn kienu: In-Naxxar, Birkirkara, Ħal
Qormi, Bir Miftuħ (Illum Il-Gudja), Santa Katarina (illum iż-Żejtun),
Is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, Iż-Żurrieq, Santa Dminka (illum Ħad-Dingli) u
l-Mellieħa.
Ħidma
Iċ-ċentru tal-ħajja ta’ parroċċa hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fejn il-komunità Nisranija ta’ dik iż-żona tinġabar biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tfaħħar lil Alla u tirċievi l-Ewkaristija. Biss mhux din biss hija l-ħidma tal-parroċċa. Il-Konċilju ta’ Trento mhux biss ordna t-twaqqif ta’ parroċċi imma wkoll kien ordna li jibdew jinżammu r-reġistri tat-twelid u magħmudija, żwiġijiet u mwiet tal-parruċċani. Dak iż-żmien l-ebda pajjiż ma kien iżomm informazzjoni bħal din u għalhekk dawn ir-reġisteri huma ta’ importanza kbira għal min irid jagħmel xi riċerka. Il-parroċċa hija komunità tal-fidili fejn l-isqof jibgħat lil wieħed mill-presbiteri tiegħu biex jieħu ħsieb l-erwieħ li jinsabu f’dak it-territorju, bil-ħsieb ta’ evanġelizazzjoni u attività pastorali. F’każ ta’ parroċċi li huma ta’ xi ordni reliġjuż, il-kappillan jintgħażel mill-provinċjal u jressqu għall-approvazzjoni tal-isqof tad-djoċesi għaliex kull parroċċa, bħala kura tal-erwieħ taqa’ taħt l-isqof tal-post.
Mill-Konċilju Vatikan II, li sar
bejn l-1962 u l-1965, ħafna ħidma tal-parroċċi bdiet tiġi afdata f’idejn
il-lajċi. Il-Knisja għandha bżonn il-lajċi daqs kemm il-lajċi għandhom bżonn
il-Knisja. Illum anke f’pajjiżna qed inħossu n-nuqqas ta’ saċerdoti u għalhekk
xogħol li qabel kien afdat biss f’idejn qassis jew patri illum qed isir minn
nies lajċi, ovvjament mhux fejn jidħlu sagramenti.
Nagħlaq billi ngħid x’kien qal
il-Papa San Ġwanni Pawlu II: "Parroċċa tfisser: il-preżenza ta’ Kristu
fost il-bnedmin, parroċċa tfisser ġabra ta’ persuni, tfisser Komunità li fiha u
biha Ġesù Kristu jikkonferma mill-ġdid il-preżenza ta’ Alla. Il-parroċċa hi
parti ħajja tal-Poplu ta’ Alla."
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Frar 2023
Nessun commento:
Posta un commento