venerdì 17 febbraio 2023

Il-Vulkan Etna


Fil-gżira ġara tagħna, il-gżira ta’ Sqallija, insibu wieħed mill-aktar vulkani attivi fid-dinja. Qiegħed nirreferi għall-Vulkan Etna jew kif insejħulu spiss l-Etna. Meta l-viżibilità tkun tippermetti mhux l-ewwel darba li dan il-vulkan deher minn pajjiżna. Iva daqshekk hu qrib tagħna dan il-vulkan!

Isem


L-isem Etna hawn min jgħid li ġej mill-Grieg αἴθω (aithō), li jfisser “Jiena naħraq.” Imbagħad hemm min jemmen li l-isem huwa derivat mill-kelma tal-Feniċi attuna li tfisser “forn” jew “ċumnija.” Bil-Latin dan il-vulkan jissejjaħ Aetna. Bl -Għarbi huwa msejjaħ جبل النار (Jabal al-Nār) li dlonk nindunaw li tfisser il-muntanja tan-nar.

Tajjeb ngħidu li Vulkan, fil-mitoloġija Griega kif ukoll dik Rumana, kien l-alla tan-nar. Ħafna drabi dan l-alla kien jiġi mpinġi jew skolpit b’martell tal-ħaddieda f’idu. Il- Vulkanalja kienet il-festa annwali li kienet issir f’ġieħu kull 23 ta’ Awwissu. Bil-Grieg dan l-alla kien jissejjaħ Ħefestus. Il-mitoloġija tgħid li l-alla Vulkan kellu l-forġa tal-ħaddied tiegħu sewwasew taħt il-muntanja Etna.

Il-Vulkan Etna huwa magħruf ukoll bħala Muncibbeḍḍu bl-Isqalli u Mongibello jew Montebello bit-Taljan, li kif nafu jew nistgħu nobsru, dawn kollha jfissru muntanja sabiħa. Skont ipoteżi oħra, it-terminu Mongibello ġej mil-Latin Mulciber li ġejja mill-frażi qui ignem mulcet  li tfisser dak li jtaffi n-nar. Teorija oħra hija li Mongibello ġejja mill-kelma Taljana monte flimkien mal-kelma Għarbija jabal , li t-tnejn li huma jfissru muntanji.

Ftit tagħrif

Dan il-vulkan jinsab bejn l-ibliet Sqallin ta’ Catania u Messina iżda jagħmel parti minn Catania. L-Etna jinsab fuq il-kosta tal-lvant ta’ Sqallija, fil-Lbiċ tal -Muntanji Peloritani u fix-Xlokk tal -Muntanji Nebrodi imsejħin ukoll bħala l-Appennini Sqallin. Huwa għoli 3,357 metru u għalhekk huwa l-aktar vulkan għoli fl-Italja. Tajjeb ngħidu li b’xi eruzzjoni dan l-għoli jista’ jiżdied xi ftit ukoll.Pereżempju billi sentejn ilu kienu saru bosta eruzzjonijiet, dan il-vulkan għola bi tletin metru.  It-tieni l-ogħla vulkan fl-Italja huwa l-Vessuvju, biss l-Etna huwa għoli darbtejn u nofs daqs il-vulkan li nsibu Napli. Huwa it-tieni l-ogħla vulkan attiv fl-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq. Biex naqtgħu l-kurżità ngħidu li l-aktar vulkan għoli li nsibu f’din ix-xaqliba tad-dinja huwa dak li jġib l-isem ta’ Teide li hemm fil-gżejjer Canary li huwa għoli 3,715-il metru.

L-art li fuqha nsibu dan il-vulkan fiha elf, mija u disgħin kilometru kwadu u ċ-ċirkonfeneza tiegħu fiha mija u  erbgħin kilometru. Bħalma bosta jafu, il-qoxra tad-dinja hija maqsuma f’għadd ta’ pjattaformi tettoniċi. Il-Vulkan Etna jinsab fil-periferija tal-pjattafoma tettonika Afrikana.

Fix-xitwa fuq l-Etna jkun hemm silġ li fl-ogħla parti  jdum kważi sas-sajf. Iż-żoni turistiċi minn fejn tista’ titlaq għal eskursjonijiet sal-quċċata tal-vulkan jistgħu jintlaħqu faċilment mill-għoljiet tan-Nofsinhar u tal-Grigal fejn jinsabu wkoll iż-żewġ ski resorts tal-vulkan. Fl-ogħla partijiet tal-vulkan il-klima hija alpina. It-temperaturi medji annwali jvarjaw minn 13-14°C fil-bażi għal 2-3°C fil-quċċata biss fix-xhur xitwin it-temperatura tinżel taħt iz-zero spiss.

Storja

L-ewwel referenzi storiċi għall-attività eruttiva tal-Etna jinstabu fil-kitbiet ta’ Tuċidide u Dijodoru Siklu u tal-poeta Pindaru. Referenzi oħra huma l-aktar mitoloġiċi. Skont Dijodorus Siklu, madwar 3,000 sena ilu, wara fażi ta’ attività splussiva vjolenti fuq l-Etna, l-abitanti tal-inħawi ta’ dak iż-żmien, marru jgħixu fil-partijiet tal-punent tal-gżira ta’ Sqallija. Nistgħu ngħidu li l-eruzzjonijiet tal-Etna, għalkemm qerrieda mhumiex ta’ periklu għan-nies ħlief għal xi każi uniċi bħal dik li seħħet fil-25 ta’ Novembru, 1843 meta sitta u tletin persuna tilfu ħajjithom. L-itwal eruzzjoni magħrufa hija dik ta' Lulju tal-1614. Il-fenomenu dam għaxar snin u fihom ħareġ aktar minn biljun metru kubu ta' lava li kesa 21 kilometru kwadru ta' art fit-Tramuntana tal-vulkan. Fl-1669 seħħet l-aktar eruzzjoni magħrufa u qerrieda li laħqet u għaddiet il-belt ta’ Catania. Fl-1928 , seħħet l-aktar eruzzjoni distruttiva tas-seklu għoxrin filwaqt li bejn Diċembru tas-sena 1991 u Marzu tal-1993 seħħet l-itwal eruzzjoni tas-seklu li għadda, eruzzjoni li damet 473 jum. Mill-2000 'l hawn l-Etna kellha erba' eruzzjonijiet. Mhux dawn biss kienu l-eruzzjonijiet matul is-snin iżda hawn semmejt biss xi wħud fost l-akbar. Kien hemm xi drabi li l-irmied li jitfa’ dan il-vulkan tellef ukoll l-ajruplani anke fl-ajruport ta’ Malta.

Pożittività

Minkejja kollox, il-Vulkan Etna għandu wkoll it-tajjeb tiegħu. L-irmied li joħroġ minnu huwa ta’ ġid kbir għall-agrikoltura u għalhekk l-art tal-inħawi hija waħda fertili mmens. Minħabba l-għoli tal-vulkan tinżel ħafna borra u għalhekk inbnew żewġ risorsi għall-isports tal-isking. L-Etna hija destinazzjoni għal turisti interessati fil-vulkani peress li l-Etna huwa wieħed mill-ftit vulkani attivi fid-dinja li huwa aċċessibbli faċilment. Fil-fatt, hemm ukoll gwidi speċjalizzati u vetturi off-road li jieħdu l-viżitaturi b'mod sikur sal-craters tas-summit.

U fatt ieħor li jien narah pożittiv huwa li aħna l-Maltin nistgħu nżurh faċilment u llum huwa possibbli li tmur fuq l-Etna filgħodu u terġa’ lura Malta filgħaxija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Frar 2023

 

 



Nessun commento:

Posta un commento