Visualizzazione post con etichetta sardegna. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta sardegna. Mostra tutti i post

venerdì 22 novembre 2019

Sardegna


Il-Maltin saru jsiefru ħafna aktar minn qabel. Dari s-safar kien xi ħaġa rari imma llum sirna nsiefru għal bosta raġunijiet fosthom il-mistrieħ. Post li ftit li xejn konna nafu dwaru aħna l-Maltin minkejja li mhux wisq bogħod minn gżiritna huwa l-ġżira Taljana ta’ Sardegna.

Cagliari
Ftit tagħrif
Sardegna hija t-tieni l-akbar gżira fil-Mediterran, wara dik ta’ Sqallija. Hija gżira kbira li fiha ftit aktar minn 24,000 kilometru kwadru u ilha abitata mill-bniedem sa miż-żmien prestoriku. Il-Feniċi kienu jaħkmu l-gżira għal xi żmien u warajhom ħadu t-tmexxija ta’ din l-art ir-Rumani. Wara l-waqa’ tal-Imperu Ruman  kemm il-Vandali, kemm il-Goti kif ukoll il-Biżantini tefgħu saqajhom fuq Saredgna. Billi goegrafikament din il-gżira hija qrib l-Afrika, ma jistax jonqos li kien hemm ukoll ħakma tal-Għarab sakemm twaqqaf ir-Renju ta’ Saredgna taħt ir-Renju ta’ Aragona fi Spanja. Dan ir-renju għadda taħt idejn il-familja Savoia sakemm ingħaqdet l-Italja u saret tagħmel parti mir-Renju tal-Italja u aktar tard mat-tmiem tal-monarkija, parti mir-Repubblika Taljana. Storja twila u mħawra tabilħaqq u meta jkollok storja bħal din ma jistax jonqos li jkun hemm bosta x’wieħed jara meta jżur dan il-post.

L-eqreb art lejn din il-gżira hija gżira oħra, dik ta’ Korsika, li llum tagħmel parti mir-Repubblika Franċiża. Il-kanal li jifred dawn iż-żewġ gżejjer u biex ngħidu hekk, żewġ nazzjonijiet ukoll, huwa twil ħdax il-kilometru u jissejjaħ l-istrett jew kanal ta’ Bonifaċju. Biex nifthemu, dawn iż-żewġ gżejjer huma mbegħda ftit aktar milli huma mbegħda Malta u Għawdex. Il-kapitali ta’ Saredegna tissejjaħ Cagliari u tinsab fil-parti ta’ isfel tal-gżira. Sardegna minkejja li hija parti mir-Repubblika Taljana u għalhekk l-ilsien uffiċjali huwa t-Taljan, għandha djalett jew aħjar lingwa tagħha li huwa s-Sard, li mhux faċli tifhmu.

Meta żort din il-gżira stħajjiltni mort Għawdex fuq skala wisq akbar. Bħal Għawdex, hawnhekk l-ibliet u l-irħula huma maqtugħin għalihom u ma jmissux ma’ xulxin bħall-irħula ta’ Malta. F’Sardegna jgħixu ftit aktar minn miljun u nofs persuna, numru relattiviment żgħir meta tqis il-kobor tal-gżira.

Bandiera
Il-gżira ta’ Sardegna għandha wkoll il-bandiera tagħha. Din turi salib aħmar fuq sfond abjad u f’kull parti tal-bandiera tidher ras ta’ bniedem ta’ lewn iswed b’għajnejh mgħammdin. Hemm leġġenda li tgħid li waqt ħbit mill-Għarab fl-1096 deher San Ġorġ fis-sema u dehru wkoll erba’ rjus ta’ Torok. Għalhekk is-salib aħmar fuq sfond abjad hija l-banidera ta’ San Ġorġ u l-erba’ rjus huma tat-Torok, imma hawn min ma jaqbilx ma’ din il-leġġenda. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu din il-bandiera kellha lit-Torok iħarsu lejn in-naħa tal-arblu imma llum it-Torok qed jidhru jħarsu lejn in-naħa l-oħra, dettall li ftit jafu bih. Kien hemm varjazzjonin oħra f’din il-bandiera, ġieli t-Torok ma dehrux bil-faxxa madwar rashom u quddiem għajnejhom.

Cagliari
Il-belt kapitali hija Cagliari. Hija belt mal-baħar u fiha jgħixu aktar minn 400 elf ruħ, ftit inqas minn terz tal-popolazzjoni kollha tal-gżira. Hawn wieħed isib ħajja differenti mill-kumplament tal-gżira, għax jekk lil hinn minn din il-belt hemm l-agrikoltura, ir-raba’ u l-kumplament, hawnhekk isib dak kollu li wieħed isisb fi bliet kbar Ewropej oħra. Hemm x’wieħed jara, hemm fejn wieħed jiddeverti u hemm x’wieħed iżur.

F’parti mix-xatt ta’ Cagliari darba niżlu żewġ fjammingi. Is-Sardi minflok sparawlhom ħallewhom hemm u minn tnejn illum hemm kolonja ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ fjammingi li saru wkoll attrazzjoni turistika. Hija tabilħaqq xena mill-isbaħ tara dak il-lewn rioża mal-ikħal tal-baħar u xena spettakolari meta dawn itiru.

Cagliari hija belt li fiha ħafna knejjes. Billi Cagliari hiija arċidjoċesi fiha wkoll il-katidral iddedikat lill-Madonna u lil Santa Ċeċilja. F’Cagliari hemm knisja devota ħafna ddedikata lill-Madonna tal-arja t-tajba, bis-Sard Madonna di Bonaria. Meta xi baħrin Sardi qasmu lejn l-Arġentina taw isem din id-devozzjoni lill-belt li llum hija l-kapitali tal-Argentina. Buenos Aires ħadet isimha minn din id-devozzjoni Marjana f’Sardegna.

Fejn il-baħar
Kosta Żmeralda
Billi sardegna hija gżira, ma jistax jonqos li jkollha attrazzjonijiet speċjali fejn jidħol il-baħar u f’Sardegna din l-attrazzjoni ma tonqosx anzi nistgħu ngħidu għandha waħda mill-postijiet l-aktar magħrufin fid-dinja fejn jidhol ġmiel naturali fejn il-baħar: il-Kosta Żmeralda. Kif jindika isimha stess, din mhux biss bajja imma hija kosta sħiħa ta’ ġmiel li ma jistax jiġi spejgat fi ftit kliem. Baħar ċar kristal u ambjent mill-aqwa. Mhux ta’ b’xejn li jingħad li hawnhekk hawn l-aktar bini li jiswa flus fid-dinja kollha! Din il-kosta, li fiha bosta bajjiet tinstab fil-parti ta’ fuq tal-gżira. F’ din il-parti tal-gżira nsibu wkoll l-arċipielgu ta’ seba’ gżejjer żgħar magħruf bħala tal-Madalena.

Mhux faċli tgħid kollox fi ftit spażju dwar din il-gżira sabiħa. Illum għidna farka waħda mill-ħafna li hemm xi tgħid.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2019




martedì 20 giugno 2017

San Ġorġ f’ Sestu

Il-knisja ta' San Ġorġ f Sestu
Wieħed mill-komuni tal-belt ta’ Cagliari, fil-gżira ta’ Sardegna jġib l-isem ta’ Sestu. Sestu għandu lil San Ġorġ Martri bħala qaddis patrun tiegħu.

Sestu ilu abitat madwar 5,000 sena. L-isem ta’ dan il-lokal ittieħed mill-kolonna militari li hemm fir-raħal u li llum tinsab fil-knisja ta’ San Ġorġ. X’ inhi din il-kolonna militari? Minn Cagliari sa Porto Torres, ir-Rumani kienu bnew triq biex tgħaqqad il-belt mal-port. Kull tant kilometri kienu waqqfu kolonni biex jindikaw it-tul tat-triq. Dik li nsibu f’ Sestu kienet is-sitt waħda u fuqha kien hemm miktub Ad sextum lapidem, li tfisser “is-sitt ħaġra”. Mill-kelma Sextum ħareġ l-isem Sestu. Każ ieħor simili huwa l-isem ta’ komun ieħor bl-isem ta’ Quartu Sant’Elena, li  jinstab fejn hemm ir-raba’ kolonna militari.

Il-knisja ta’ San Ġorġ Martri ġewwa Sestu hija meqjusa bħala binja mill-aktar importanti fost dawk tardi-gotiċi fin-nofsinhar ta’ Sardegna għall-fatt li għadna naraw sewwa fiha strutturi primittivi. Il-parti ċentrali tal-knisja inbniet qabel is-seklu XVI filwaqt li l-kappelli tal-ġnub inbnew bejn is-seklu XVII u s-seklu XVIII. Fil-knisja nsibu għadd ta’ rħam ikkulurit li jmur lura sas-seklu XVIII.

Il-knisja minn ġewwa
Din il-knisja ma nistgħux ngħidu li rat tibdil fil-kostruzzjoni tagħha u għalhek l-istil tardi-gotiku għadu jidher sewwa. Il-kappelli tal-ġnub kif ukoll is-sagristija għandhom laqta kostruttiva gotika, iżda lanqas huwa l-gotiku li nafu bih f’ diversi pajjiżi oħra. Fuq barra tal-knisja hija aktarx ta’ stil lixx b’ elementi gotiċi. Fuq  il-bieb prinċipali nsibu basso riliev ta’ San Ġorġ jitqabad mad-dragun u aktar il fuq insibu t-tieqa tonda , sinonima mal-bini gotiku.  Il-kampnar jinstab fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata. Dan il-kampnar inbena fuq ordni tal-Arċisqof  Alonso Laso Cedeno bejn l-1597 u l-1601. Fis-sena 1613 żdiedet il-parti ta’ fuq ta’ dan il-kampnar.

Billi Sestu jinsab fit-triq bejn il-port u l-belt ta’ Cagliari, inħasset il-ħtieġa li jitwaħħal arloġġ fil-kampnar tal-knisja ta’ San Ġorġ biex jindika l-ħin lil dawk li jkunu fil-vjaġġ lejn il-belt jew lejn il-port. Dan l-arloġġ sar fis-sena 1709.

Il-kolonna li tat l-isem
 lir-raħal ta' Sestu
Fuq ġewwa tal-knisja nsibu l-apside li hija idjaq u aktar baxxa mill-kumplament tal-knisja, fuq il-lemin insibu ħames kappelli laterali filwaqt li fuq in-naħa tax-xellug insibu erbgħa biss. L-artal maġġur, il-pulptu u l-battisteru huma ta’ rħam kulurit. L-artal maġġur sar fis-sena 1707, il-pulptu sar fis-sena 1773. Il-battisteru sar fis-sena 1744 u ħa post ieħor li kien sar fl-1635. Il-kappelli laterali huma ddedikati hekk. Dawk tal-lemin, l-Assunta, imsejħa minn nies ta’ Sestu bħala Santa Marija ta’ nofs Awwissu, San Antijokju Martri, San Severu, il-Madonna ta’ Bonaria, devozzjoni Marjana popolari f’ Sardegna u l-kappella tal-Madonna tar-Rużarju. Dawk tax-xellug huma ddediakti lill-Kurċifiss, San Gejtanu, San Ġemiljanu u l-kappella tal-erwieħ.

L-artal maġġur huwa ddedikat lil San Ġorġ li lilu ssir festa kull 23 ta’ April.Fil-knisja għanda nsibu l-kolonna militari li tat l-isem lil dan ir-raħal. Din mhux minn dejjem kienet tinstab hawn ġew. Sal-1957 kienet tinsab barra iżda nħass li aktar ikun xieraq li tiddaħħal u tinżamm fil-knisja, kif fil-fatt sar. Fil-knsija hemm xi pitturi żgħar u statwa ta’ San Ġorġ li ftit li xejn huma ta’ preġju.

Illum Sestu huwa raħal ta’ madwar 20,00 ruħ u huwa maqsum f’ żewġ parroċċi, dik ta’ San Ġorġ u oħra tas-Salvatur.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Banda Anici Ħal Qormi



domenica 18 giugno 2017

Salib aħmar fuq sfond abjad

Matul il-jiem tal-festa tagħna, fuq bosta bjut tar-raħal naraw tperper il-bandiera bajda b’ salib aħmar, magħrufha bħala l-banidera ta’ San Ġorġ. Minkejja li din hija bandiera familjari ħafna magħna l-Qriema Ġorġjaniżi, jista’ jkun li ftit li xejn nafu dwarha u ftit nafu nistgħu niltaqgħu magħha.

L-Ingilterra
Related imageIl-bandiera bajda b’ salib aħmar fuqha hija rikonoxxuta madwar id-dinja kollha bħala l-bandiera tal-Ingilterra. Jingħad li kien ir-Re Rikkardu I, magħruf bħala Richard the Lionheart, li mexxa lill-Ingilterra mis-6 ta’ Lulju tas-sena 1189 sas-6 ta’ April ta’ għaxar snin wara, li għażel il-bandioera ta’ San Ġorġ bħala l-bandiera tiegħu għal waqt it-tielet kruċjata. Ta min jgħid li dan is-sultan kien fil-grad ta’ kmandant waqt din il-kruċjata li saret bejn l-1189 u l-1192, sewwasew fl-ewwel tliet snin tar-renju tiegħu. Is-suldati Ngliżi fil-Medjuevu kienu jħorru salib aħmar fuq sfond abjad fuq il-aorazzi taħghom. Fir-riforma li saret ġewwa l-Ingilteraa fis-sena 1552, fi żmien ir-Reġina Mary I, kull bandiera reliġjuża jew li kellha x’ taqsam ma’ xi qaddis kienet abolita, minbarra dik ta’ San Ġorġ. Aktarx li din il-bandiera ma ġietx abolita bħall-oħrajn għaliex mis-sena 1545 kienet bdiet tintuża bħala l-bandiera navali tal-Ingliterra u għalhekk ma kienx jaqbel li din titneħħa jew tinbidel.

Il-bandiera ta’ San Ġorġ tinstab ukoll inkorporata f’ dik magħrufa bħala l-Union Jack. Kien ir-Re James VI tal-Iskożja li fl-1606 sar l-eredi tat-tron u allura anke l-mexxej tar-Renju tal-Ingliterra kif ukoll ta’ dak Irlandiż. F’ dik is-sena il-bnadar tal-Iskożja, li hija kaħla b’ salib abjad diagonali fuqha,magħrufa bħala l-bandiera ta’ Sant’ Andrija, ingħaqded mal-bandiera Ingliża u ffurmaw l-ewwel Jack għal skopijiet marittimi. Bil-proklamazzjoni tal-Gran Brittajna fl-1801, din il-bandiera rat iż-żieda tal-bandiera Irlandiża, li hija salib diagonali aħmar fuq sfond abjad, jew aħjar il-bandiera ta’ San Patrizju. Minn dik is-sena bdejna naraw l-Union Jack kif għadna narawh illum, jiġifieri bil-bnadar ta’ San Ġorġ, Sant’ Andrija u San Patrizju flimkien.

Il-Georgia
Il-pajjiż li jġib l-isem tal-qaddis Ġorġi, iperper is-salib aħmar fuq l-abjad ukoll. Jingħad li fis-seklu V ir-Re Vakhtang I, li saltan fuq il-Georgia bejn is-snin  447 jew 49  u  502 jew 22,  kien juża l-bandiera ta’ San Ġorġ bħala l-bandiera tiegħu.

Bandiera ta' Georgia
Il-bandiera ta’ dan il-pajjiż illum, fiha s-salib ta’ San Ġorġ u erba’ slaleb oħra, wieħed fuq kull rokna bajda. Din il-bandiera kienet użata mill-moviment patrijottiku tal-pajjiż għall-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika. Mal-indipendenza tal-pajjiż, avveniment li seħħ fis-sena 1991, din ma saritx il-bandiera nazzjonali minkejja li l-maġġoranza taċ-ċittadini kellhom din ix-xewqa. Tal-istess xewqa keinu l-Knejjes, kemm dik Ortodossa kif ukoll dik Kattolika. Fl-1999 il-parlament tal-Georgia qabel li din il-bandiera għandha tkun il-bandiera nazzjonali, iżda l-president ta’ dak iż-żmien, Eduard Shevardnadze ma ffirmax din il-bidla u baqgħet ma twettqitx il-bidla tant mixtieqa. Fil-bidu tas-seklu tagħna qam moviment kontra l-President Shevardnadze. Dan il-moviment kien immexxi minn Mikheil Saakashvili,li laħaq president tal-pajjiż fis-sena 2004. Mal-bidla tal-president saret ukoll il-bidla tal-bandiera nazzjonali u għalhekk illum il-bandiera tal-georgia fiha wkoll is-salib ta’ San Ġorġ.
L-erba’ slalaeb l-oħra li nsibu fuq il-bandiera huma magħrufin bħala slaleb Bolnisi. Dan huwa salib lil-ponot tiegħu huma xi ftit usa min-nofs. Dan is-salib instab imnaqqax fi skrizzjoni antika ġewwa l-istess pajjiż u għalhekk jitqies ukoll bħala simbolu nazzjonali.

Sardegna
Il-bandiera tal-gżira taljana ta’ Sardegna hija l-istess bħal dik tal-georgia iżda minflok slaleb Bolnisi insibu erba’ mori b’ faxxa marbuta ma’ rashom.

Displaying bandiera ta Sardegna.png
Bandiera ta' Sardegna
Sal-1999 l-erba’ mori kienu jidhru fil-faxxa tgħattilhom għajnejhom u kienu jħarsu lejn in-naħa tal-arblu. F’ dik is-sena l-bandira nbidlet u l-mori ma baqgħux aktar mgħammdin u bdew iħarsu lejn in-naħa l-oħra tal-arblu iżda s-salib ta’ San Ġorġ baqa’ dejjem fin-nofs tal-bandiera.

Hemm żewġ ipoteżi dwar l-erba’ mori tal-bandiera Sarda. Jingħad li dawn huma simbolu tal-erba’ Ġudikati li kienet maqsuma fihom Sardegna bejn is-snin 851 u 864. F’ dawk is-snin kienet bdiet sistema polika ġdida f’ din il-gżira, sistema li kelha suċċess kbir u kienet ibbażata bħall-kunsilli lokali tal-lum. Ipoteżi oħra tħgid li dawk l-erba’ wċuħ suwed kienu jidhru fuq l-istandard li l-Papa Benedittu VIII, fis-sena 1015, kien ta lis-suldati ta’ Pisa biex flimkien mas-suldati ta’ Ġenova jmorru jiġġieldu kontra t-torok li riedu jaħkmu Sardegna.   Iż-żewġ ipoteżi ma għandhom l-ebda bażi storika u għalhekk ma nafux sewwasew xi jfissru dawk l-erba’ rjus tat-torok fuq il-bandiera Sarda.

Italja
Sa mis-sena 1218 il-poplu ta’ Ġenova kien juża l-bandiera ta’ San Ġorġ bħala l-bandiera tiegħu. l-istess bandiera tidher fuq l-arma ta’ dan il-lokal li fl-antik kien ukoll Repubblika għalih. Fis-sena 1811, din il-belt stat kieent taħt il-ħakma tal-Franċiżi. Napuljun biddel l-arma ta’ din il-belt. Is-salib ta’ San Ġorġ inżamm iħda fuqu ddaħħlet faxxa ħamra bi tleit naħliet tad-deheb fuqha. Sa mill-1099 San Ġorġ kien dikjart patrun ta’ Ġenova u għalhekk il-Ġenoviżi dejjem riedu li l-bandiera tal-qaddis tkun il-bandiera tagħhom.

Il-bandira tal-belt ta’ Milan hija wkoll il-bandiera ta’ San Ġorġ. Il-Milaniżi ikkupjaw lill-Ġenoviżi iżda jgħidu li l-bandiera taħghom hija dik ta’ Sant’ Ambroġ, il-qaddis patrun ta’ din il-belt. Ambroġ kien isqof ta’ Milan bejn is-sna 374 u s-sena 397. Il-bandiera bajda bis-salib aħmar ilha tintuża bħala banidra ta’ din il-belt mis-seklu X

L-arma tal-belt ta’ Bologna hioja maqsuma f’ erba partijiet. Tnejn minnhom juru l-bandiera ta’ san Ġorġ u t-tnejn l-oħra huma ta’ sfond ikħal bil-kelma LIBERTAS miktubha fuqhom. Oriġinarjament l-arma ta’ din il-belt kienet salib aħmar fuq sfond lewn il-fidda jew abjar. Din kienet l-arma tas-sena 1259. Il-Boloniżi jiftaħru li l-bandiera taħghom hija dik tal-kruċjati, iżda ma tantx nistħgu nibqgħu wisq fuq din it-tradizjoni għaleix sal-kruċjati Bologna kienet għadha ma hijiex stat awtonomu u għalhekk ma ħaditx sehem fihom bħala armata.
Il-belt tant famuża ma’ Sant Antnin għandha l-bandiera ta’ San Ġorġ bħala arma taħgha. Padova aktarx adottat din il-bandiera bħala rma taħgha fi żmien it-tmexxija ta’ Della Scale fis-seklu XIV. Tajjeb insemmu rabta oħra bejn Padova u San Ġorġ. Ħdejn il-bażilika ta’ Sant Antnin hemm l-oratorju ta’ San Ġorġ li fih freski li juru siltiet mill-ħajja u l-martirju ta’ dan il-qaddis.

Postijiet Taljani oħra li fl-arma taħghom naraw il-bandiera ta’ San Ġorġ huma Reggio Emilia, Mantova, Vercelli Alessandria, Alba, Lecco, Bobbio, Camposampiero, Chieri, Pontassieve, Varesi, Verċelli u bosta oħrajn.
Displaying alfa romeo.jpg
Arma tal-Alfa Romeo
Displaying FC barcelona.jpg
Arma tat-tim ta' Barċellona
Ejjew nieqfu hawn għax jekk nibdew insemmu ma nieqfu qatt, iżda tajjeb insemmu tal-aħħar. Fuq l-arma ta’ tliet timijiet tal-futbol insibu wkoll il-bandiera ta’ San Ġorġ, qed nirreferi għat-timijiet ta’ Barcellona fi Spanja u dawk tal-Milan u Ġenova fl-Italja. U forsi min qatt ma ta’ każ, anke l-arma tal-karozza Alfa Romeo fiha l-bandiera ta’ San Ġorġ fuqha.

Dawn huma ftit biss mill-postijiet li nsibu tperper fihom il-bandiera ta’ San Ġorġ, dik il-bandiera, bajda bis-salib aħmar li tidher tant sabiha mal-arbli tar-raħal tagnħa fil-jiem tal-festa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklui deher fuq il-programm tal-festa maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Ħal Qormi, Festa2017

venerdì 25 novembre 2016

Gżira

Ilkoll kemm aħna nafu x’ inhi gżira għaliex ngħixu fuq waħda. Gżira tista’ tinstab fil-baħar, fi xmara jew f’ xi għadira. Il-fatt li din il-biċċa art tissejjaħ ġżira hu li tkun imdawra kollha kemm hi mill-ilma. Ħafna mill-gżejjar li nsibu fid-dinja jagħmlu parti minn xi art oħra, mhux bħal pajjiżna, li huwa nazzjon awtonomu. Każi bħal tagħna huma fil-minoranza. Ejjew illum induru dawra ħafifa mal-gżejjer tad-dinja. Mhux possibbli nsemmuhom kollha għax hemm eluf, imma naraw xi tagħrif fuq xi wħud minnhom.

L-iżgħar kontinent u l-akbar gżira
L-iżgħar kontinet li nsibu fid-dinja huwa l-Oċeanja, jew kif nafuh aħjar l-Awstralja. Dan il-kontinent fih madwar 8,112,000 kilometru kwadru u huwa ffurmat minn għadd ta’ gżejjer fosthom l-Awstralja, li hija l-akbar gżira fid-dinja u ovvjament f’ dan il-kontinent, New Zealand, New Guinea, Ir-Repubblika ta’ Fiġi, L-Istati Federali tal-Mikroneżja, Ir-Repubblika ta’ Vanuatu u L-Istat Indipendenti ta’ Samoa. Bosta minn dawn il-pajjiżi għandhom magħhom mijiet ta’ gżejjer oħrajn bħalma huma il-Gżejjer Cocos, il-Gżejjer Cook, it-Territorju tal-Gżira Christmas, il-Gżira Norfolk, Il-Gżejjer Heard u l-Gżejjer McDonald. Imbagħad  L-Istati Federali tal-Mikroneżja għandu fih aktar minn 600 ġżira. Dawn il-mijiet ta’ gżejjer jiffurmaw l-iżgħar kontinent fid-dinja.
L-akbar ħames gżejjer
Greenland
L-akbar gżira fid-dinja, li ma hijiex kontinent hija Greenland. Fiha aktar minn żewġ miljun kilometru kwadru u minkejja dan il-kobor kollu fuqha joqgħodu biss madwar 56,000 ruħ. Id-densità tal-abitanti hija baxxa ħafna u kull persuna tista’ tgħid li għandha madwar 40 kilometru kwadru. Dan il-pajjiż mhuwiex stat indipendenti imma jagħmel parti mir-Renju tad-Danimarka. Wara Greenland insibu lin-New Guinea fil-kobor, gżira li fiha nsibu żewġ stati; l-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u parti mir-Repubblika tal-Indoneżja (Papua u West Papua). Il-ġżira fiha kwazi 800,000 kilometru kwadru u bħalma diġà għidna tagħmel parti mill-kontinent tal-Oceanja. It-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija hija l-gżira Borneo li hija l-akbar gżira fl-Asja. Hawnhekk insibu tliet stati: parti mill-Malasja (Sabah, Sarawak u Labuan), parti oħra mill-Indoneżja (Kalimantan ) u L-Brunei. Din il-gżira fiha ftit aktar minn 740,000 kilometru kwadru u fuqha joqgħodu madwar 20 miljun ruħ. Fir-raba’ post insibu lir-Repubblika ta’ Madagascar. Dan il-pajjiż fih 587,041 kilometru kwadru b’ popolazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ u nofs. Il-ħames ġżira f’din il-kategorija hija dik li ġġib l-isem ta’ Baffin u tagħmel parti mit-territorju tal-Kanada. Din fiha 507,451 kilometru kwadru iżda ftit li xejn joqgħodu nies fuqha. Fil-fatt insibu 11,000 resident biss fuqha. Dak il-kobor kollu u popolazzjoni bejn wieħed u ieħor daqs ir-Rabat ta’ Malta!
Fil-Mediterran
Ma nistgħux insemmu l-gżejjer u ma nsemmux il-baħar tagħna. Fil-Mediterran insibu madwar mitejn gżira prinċipali u mijiet oħra ta’ ftit importanza. L-akbar gżira f’ dan il-baħar hija dik ġara tagħna; Sqallija. Ftit ikbar minn 25,000 kilometru kwadru, Sqallija hija l-art ta’ aktar minn ħames miljun ruħ. Kienet tagħmel parti mir-renju tad-Due Sicilie, iżda llum tagħmel parti mir-Repubblika Taljana. Anke t-tieni l-akbar gżira f’ dan il-baħar tagħmel parti mill-Italja. Qed nirreferu għal Sardegna. Din il-gżira fiha ftit aktar minnn 24,00 kilometru kwadru u fiha jgħixu madwar miljun u nofs ruħ. Ċipru huwa t-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija. Il-kobor tal-art ta’ dan l-istat huwa ta’ madwar 9,000 kilometru kwadru u nsibu ftit aktar minn miljun Ċiprijott. Jekk nerġgħu lura lejn Sardegna, sewwasew fuqhainsibu r-raba’ l-akbar ġżira fil-Mediterran; Korsika. Din tagħmel parti mir-Repubblika Franċiża u fiha 8,680 kilometru kwadru. Hija d-dar ta’ madwar 330,000 ruħ. Nerġgħu lura lejn il-Lvant tal-Meditterran u hemm insibu l-ġżira ta’ Kreta li hija l-ħames l-akbar ġżira fil-baħar tagħna. Din fiha 8,000 kilometru kwadru u fuqha jgħixu madwar 600,00 persuna. Din il-gżira tagħmel parti mill-Greċja.
Gżejjer Maltin
Il-gżejjer ta' San Pawl
Jixraq li ngħidu f’ liema post tinsab Malta. Din hija l-34 l-akbar ġżira fil-Mediterran u lil Għawdex insibuh fis-67 post. L-Arċipiergu Malti fih għadd ta’ gżejjer ċkejnin oħra minbarra it-tlieta prinċipali: Kemunett, Filfla, Il-gżejjer ta’ San Pawl, il-Gżira ta’ Manoel u l-Ġebla tal-Ġeneral. Hemm imbagħad xi oħrajn li lanqas nafu x’ isem għandhom għalkemm xi isem għandhom. Dawn huma bħal dik il-ponta tal-Qawra, magħrufa bħala ta’ Fra Ben, il-blata tal-Għallis fil-kosta ta’ Baħar ic-Cagħaq u it-Taqtiegħa li nsibu fl-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin. Ma’ dawn insibu bosta skolli li niddubita kemm għandhom isem, iżda xi wħud għandhom laqam, bħall-Kukkudill barra d-Dwejra Għawdex.
Kurżità
Minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, Pantellerija u Lampedusa ġeografikamant ma jagħmlux parti mill-Ewropa iżda mill-Afrika. B’ hekk nistgħu ngħidu li Malta hija fil-periferija anzi sewwsew fix-xifer tal-kontinent Ewropew.
Kemm gżejjer hawn li forsi lanqas qatt smajna bihom, mijiet huma qrib tagħna, oħrajn jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-globu, imma huma gżejjer bħal pajjiżna, għax imdawrin bl-ilma.

 Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon -  26 ta' Novembru 2016