Il-Maltin
saru jsiefru ħafna aktar minn qabel. Dari s-safar kien xi ħaġa rari imma llum
sirna nsiefru għal bosta raġunijiet fosthom il-mistrieħ. Post li ftit li xejn
konna nafu dwaru aħna l-Maltin minkejja li mhux wisq bogħod minn gżiritna huwa
l-ġżira Taljana ta’ Sardegna.
Cagliari |
Ftit tagħrif
Sardegna
hija t-tieni l-akbar gżira fil-Mediterran, wara dik ta’ Sqallija. Hija gżira
kbira li fiha ftit aktar minn 24,000 kilometru kwadru u ilha abitata
mill-bniedem sa miż-żmien prestoriku. Il-Feniċi kienu jaħkmu l-gżira għal xi
żmien u warajhom ħadu t-tmexxija ta’ din l-art ir-Rumani. Wara l-waqa’
tal-Imperu Ruman kemm il-Vandali, kemm
il-Goti kif ukoll il-Biżantini tefgħu saqajhom fuq Saredgna. Billi goegrafikament
din il-gżira hija qrib l-Afrika, ma jistax jonqos li kien hemm ukoll ħakma
tal-Għarab sakemm twaqqaf ir-Renju ta’ Saredgna taħt ir-Renju ta’ Aragona fi
Spanja. Dan ir-renju għadda taħt idejn il-familja Savoia sakemm ingħaqdet
l-Italja u saret tagħmel parti mir-Renju tal-Italja u aktar tard mat-tmiem tal-monarkija,
parti mir-Repubblika Taljana. Storja twila u mħawra tabilħaqq u meta jkollok
storja bħal din ma jistax jonqos li jkun hemm bosta x’wieħed jara meta jżur dan
il-post.
L-eqreb
art lejn din il-gżira hija gżira oħra, dik ta’ Korsika, li llum tagħmel parti
mir-Repubblika Franċiża. Il-kanal li jifred dawn iż-żewġ gżejjer u biex ngħidu
hekk, żewġ nazzjonijiet ukoll, huwa twil ħdax il-kilometru u jissejjaħ
l-istrett jew kanal ta’ Bonifaċju. Biex nifthemu, dawn iż-żewġ gżejjer huma
mbegħda ftit aktar milli huma mbegħda Malta u Għawdex. Il-kapitali ta’
Saredegna tissejjaħ Cagliari u tinsab fil-parti ta’ isfel tal-gżira. Sardegna
minkejja li hija parti mir-Repubblika Taljana u għalhekk l-ilsien uffiċjali
huwa t-Taljan, għandha djalett jew aħjar lingwa tagħha li huwa s-Sard, li mhux
faċli tifhmu.
Meta
żort din il-gżira stħajjiltni mort Għawdex fuq skala wisq akbar. Bħal Għawdex,
hawnhekk l-ibliet u l-irħula huma maqtugħin għalihom u ma jmissux ma’ xulxin
bħall-irħula ta’ Malta. F’Sardegna jgħixu ftit aktar minn miljun u nofs
persuna, numru relattiviment żgħir meta tqis il-kobor tal-gżira.
Bandiera
Il-gżira
ta’ Sardegna għandha wkoll il-bandiera tagħha. Din turi salib aħmar fuq sfond
abjad u f’kull parti tal-bandiera tidher ras ta’ bniedem ta’ lewn iswed
b’għajnejh mgħammdin. Hemm leġġenda li tgħid li waqt ħbit mill-Għarab fl-1096 deher
San Ġorġ fis-sema u dehru wkoll erba’ rjus ta’ Torok. Għalhekk is-salib aħmar
fuq sfond abjad hija l-banidera ta’ San Ġorġ u l-erba’ rjus huma tat-Torok,
imma hawn min ma jaqbilx ma’ din il-leġġenda. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu
din il-bandiera kellha lit-Torok iħarsu lejn in-naħa tal-arblu imma llum it-Torok
qed jidhru jħarsu lejn in-naħa l-oħra, dettall li ftit jafu bih. Kien hemm
varjazzjonin oħra f’din il-bandiera, ġieli t-Torok ma dehrux bil-faxxa madwar
rashom u quddiem għajnejhom.
Cagliari
Il-belt
kapitali hija Cagliari. Hija belt mal-baħar u fiha jgħixu aktar minn 400 elf
ruħ, ftit inqas minn terz tal-popolazzjoni kollha tal-gżira. Hawn wieħed isib
ħajja differenti mill-kumplament tal-gżira, għax jekk lil hinn minn din il-belt
hemm l-agrikoltura, ir-raba’ u l-kumplament, hawnhekk isib dak kollu li wieħed
isisb fi bliet kbar Ewropej oħra. Hemm x’wieħed jara, hemm fejn wieħed
jiddeverti u hemm x’wieħed iżur.
F’parti
mix-xatt ta’ Cagliari darba niżlu żewġ fjammingi. Is-Sardi minflok sparawlhom
ħallewhom hemm u minn tnejn illum hemm kolonja ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’
fjammingi li saru wkoll attrazzjoni turistika. Hija tabilħaqq xena mill-isbaħ
tara dak il-lewn rioża mal-ikħal tal-baħar u xena spettakolari meta dawn itiru.
Cagliari
hija belt li fiha ħafna knejjes. Billi Cagliari hiija arċidjoċesi fiha wkoll
il-katidral iddedikat lill-Madonna u lil Santa Ċeċilja. F’Cagliari hemm knisja
devota ħafna ddedikata lill-Madonna tal-arja t-tajba, bis-Sard Madonna di
Bonaria. Meta xi baħrin Sardi qasmu lejn l-Arġentina taw isem din id-devozzjoni
lill-belt li llum hija l-kapitali tal-Argentina. Buenos Aires ħadet isimha minn
din id-devozzjoni Marjana f’Sardegna.
Fejn il-baħar
Kosta Żmeralda |
Billi sardegna
hija gżira, ma jistax jonqos li jkollha attrazzjonijiet speċjali fejn jidħol
il-baħar u f’Sardegna din l-attrazzjoni ma tonqosx anzi nistgħu ngħidu għandha
waħda mill-postijiet l-aktar magħrufin fid-dinja fejn jidhol ġmiel naturali
fejn il-baħar: il-Kosta Żmeralda. Kif jindika isimha stess, din mhux biss bajja
imma hija kosta sħiħa ta’ ġmiel li ma jistax jiġi spejgat fi ftit kliem. Baħar
ċar kristal u ambjent mill-aqwa. Mhux ta’ b’xejn li jingħad li hawnhekk hawn
l-aktar bini li jiswa flus fid-dinja kollha! Din il-kosta, li fiha bosta
bajjiet tinstab fil-parti ta’ fuq tal-gżira. F’ din il-parti tal-gżira nsibu
wkoll l-arċipielgu ta’ seba’ gżejjer żgħar magħruf bħala tal-Madalena.
Mhux
faċli tgħid kollox fi ftit spażju dwar din il-gżira sabiħa. Illum għidna farka
waħda mill-ħafna li hemm xi tgħid.
Fr Reno
Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2019
Nessun commento:
Posta un commento