
Tajjeb nibdew billi naraw sewwa
ismu. Jekk irridu nippronunzjaw sewwa isem dan il-mafkar tal-għaġeb irridu
ngħidulu Tax Maħal. L-ewwel kelma trid tingħad bħall-ewwel biċċa ta’ meta
ngħidu “Ta’ Xbiex”. Mahal hija normali bil-ħ aspirata. Dan il-bini huwa
sewwasew mawsulew, qabar il fuq mill-art. Fid-dinja nsibu bosta oqbra ta’ dan
it-tip imma l-ebda wieħed ma jisboq il-kobor u forsi anke l-fama tat-Taj Mahal.
Huwa jinsab fil-belt ta’ Agra,
mhux bogħod wisq mill-belt kapitali Indjana New Delhi. Qiegħed ngħid mhux
bogħod wisq meta nikkalkulaw il-kobor tal-Indja. Hemm madwar mitejn kilometru
bejn New Delhi u Agra, imma mitejn kilometru x’inhuma f’pajjiż ta’ kobor enormi
bħalma hu l-Indja? Għalina mitejn kilometru jfissru li nkunu wasalna Sirakuża
minn Malta, imma għall-Indja ma huma xejn!
Xi tagħrif
Dan il-bini huwa mibni minn irħam
abjad maqtugħ mill-Indja stess. Jinsab fuq ix-xatt tax-xmara Yamuna li tgħaddi
sewwasew minn wara dal-mawsulew. Kien
l-Imperatur tal-Mugal, Shan Jahan li kien mexxej tal-inħawi bejn is-snin
1628 u 1658 li ordna l-bini tat-Taj Mahal bħala qabar għal Muntaz Mahal, waħda
mill-bosta nisa li kellu l-imperatur u l-aktar waħda favorita. Fil-fatt
il-kelma Taj Mahal tfisser il-kuruna ta’ Mahal u tabilħaqq li dan il-bini huwa
kuruna li tixhed l-imħabba li kellu dan l-imperatur lejn din martu. Din il-mara
mietet fl-1631 meta kien għad kellha biss 38 sena. Kienet biss sena iżgħar
mill-Imperatur. Hija mietet waqt li kienet qegħda twelled l-erbatax-il wild
tagħha u tal-imperatur. Fil-bini hemm ukoll midfun l-istess imperatur li miet
fis-sena 1666 fl-għomor ta’ 74 sena.
Il-bini kollu fih moskea u xi binjiet
oħra magħluqin fi ġnien mill-isbaħ. B’kollox dawn il-binjiet u l-ġonna jokkupaw
17-il ettaru ta’ art. Il-bini beda sena wara mewt Mahal u kien lest fl-1643
iżda x-xogħol ta’ tisbieħ fuqu baqa’ għaddej għal madwar għaxar snin oħra. Huwa
maħsub li dan il-bini sewa tnejn u tletin miljun Rupee, li bejn wieħed u ieħor
jiġu xi tminn mitt miljun Ewro. Tistagħġbux bis-somma, il-moskea l-ġdida ta’
Casablanca fil-Marokk daqshekk huwa stmat li ġiet tiswa fis-snin disgħin tas-seklu
li għadda! Intant fuq it-Taj Mahal ħadmu madwar għoxrin elf ħaddiem. Xi familji
f’Agra llum għadhom jiftaħru li l-antenati tagħhom ħadmu fuq dan il-bini u
għadhom huma stess jagħmlu xogħol ta’ artiġjanat fl-irħam.
Il-Unesco ddikjarat lil dan
il-bini bħala wirt tal-umanità fl-1983. Tassew li dan huwa l-ġawhra
tal-arkitettura Musulmana fl-Indja u wieħed mill-isbaħ kapolavuri tal-bniedem
fid-dinja.
Spettaklu

Periklu
Dan il-post għadda wkoll minn
żminijiet perikolużi. L-Indjani jafu x’jiswa dan il-mawsulew u għalhekk
jipproteġuh kemm jifilħu. Fl-1942 il-gvern kien kesa l-bini bi struttura
tal-ħadid biex jipproteġih minn xi attakk mill-ajru mill-Ġappuniżi. F-1965 u
fl-1971 meta kien hemm il-gwerer bejn l-Indja u l-Pakistan reġa’ intuża l-ħadid
biex iħares il-bini minn xi attakk. Illum il-periklu huwa aktar dak ambjentali
milli militari. L-Indja huwa wieħed mill-aktar pajjiżi b’arja maħmuġa fid-dinja
u minħabba raffinerija taż-żejt li kien hemm qrib dan il-bini, kienet qed
issirlu ħafna ħsara u l-irħam bajdani tiegħu kien beda jisfar. Illum madwar
għaxart elef kilometru kwadri madwar il-monument huma żona kkontrollata
mill-arja ħażina. Ix-xita aċiduża li tikkawża l-arja maħmuġa wkoll tagħmel
ħsara lit-Taj Mahal.
Huwa stmat li madwar tminn miljun
turist iżur dan il-post kull sena. Bil-fors, huwa meravilja, huwa ġawhra li
jekk tkun l-Indja jkun dnub mejjet jekk ma żżurux.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Novembru 2019

Nessun commento:
Posta un commento