sabato 16 novembre 2019

Il-Kuskus


Illum il-ġurnata fuq l-ixkafef tal-ħwienet tagħna sirna nsibu bosta prodotti li dari lanqas biss konna noħolmu bihom u lanqas biss konna nafu x’inhuma. Dan it-tibdil kellu jseħħ minħabba l-għadd kbir ta’ barranin li jżuru pajjiżna ta’ kull sena kif ukoll minħabba li għadd ta’ barranin tħalltu mal-Maltin u bdew jgħixu f’pajjiżna. Dan il-fenomenu ma seħħx biss f’pajjiżna imma narawh fid-dinja kollha, anzi naħseb li pajjiżna dam ma beda jgħix dan il-fenomenu.

Wieħed mill-prodotti li llum daħal sewwa f’pajjiżna huwa il-kuskus, donnu smid oħxon li jintuża fi platti tradizzjonalment ġejjin mill-Afrika ta’ fuq, għalkemm illum sar ingredjent li tħallat mal-ingredjenti li ilna nsibu f’pajjiżna mijiet ta’ snin.

Ma kontx naf x’inhu
Mela meta kelli xi seba’ snin, il-familja tiegħek kienet għamlet safra. Konna morna Marsilja għand xi qraba li kienu twieldu Tuneż imma mal-indipendenza ta’ dan il-post, billi ma kinux Tuneżin imma ta’ dixxendenza Maltija, għażlu li jmorru jgħixu fi Franza. Il-kuntatti bejnietna kienu nqatgħu minħabba li bosta mix-xjuħ mietu, sakemm kienu ġew Malta xi kuġini ta’ missieri u erġajna sibna lil xulxin u bqajna f’kuntatt sal-lum il-ġurnata.

Intant, meta morna Marsilja konna noqgħodu għand familja minn dawn il-qraba tagħna. Konna nieklu għandhom ukoll. Mela darba minnhom staqsewna jekk konniex inħobbu l-kuskus. Aħna ma konniex nafu x’inhu u mmaġinajna li riedu jgħidulna kusksu, dak il-platt Malti li jkun fih dak it-tip ta’ għaġin donnu żibeġ irqieq ħafna. Qalulna li kien ikel Tuneżin u aħna għidnielhom li ma konniex nafu x’inhu u għalhekk dakinahr kien l-ewwel darba li rajna b’għajnejna dak l-ingredjent li għalina kien ġdid għal kollox. Ma kienx il-kusksu li ħsibna aħna, kien xi ħaġa differenti għal kollox.

Biex ngħid id-dritt din il-ħaġa ġrati wkoll f’okkażjoni simili. Mela konna għadna naslu Marsilja f’din l-istess vaganza, u waħda mit-tfal tal-kuġina ta’ missieri staqsietna: “Tridu Pastis?” Jien ħsibtha sejra toffrilna l-pastizzi imma ġabet flixkun xorb li meta titfa’ grokk minnu f’tazza u żżidu l-ilma, minn likwidu ftit safrani  jiġi ajbad silġ bit-togħma tal-ħelu tas-sugu li tant kont inħobb meta kont għadni tfal. Ilum din ix-xarba għadha waħda mill-favoriti tiegħi.

Platt kuskus imħawwar
Intant il-kuskus erġajt sirt midħla tiegħu meta kbirt u bdejt naħdem ma’ kumpanija Libjana. Il-kollegi tiegħi spiss kienu jistidnuni għal xi ikla f’xi ħanut Għarbi u allura f’dawn il-postijiet ma jistax jonqos li ssib dan il-prodott popolari ħafna mill-Marokk sal-Eġittu, ix-xatt tal-Mediterran tal-Afrika ta’fuq.

Platti bil-kuskus
Il-kuskus jista’ jintuża f’bosta platti differenti. L-aktar wieħed popolari huwa dak bil-ħaruf imma nsibu wkoll platti tal-kuskus bit-tiġieġ u anke biċ-ċanga u llum qed isir aktar popolari l-platt tal-kuskus bla laħam xejn imma mimli ħaxix. Dan sar popolari grazzi għal bosta veġitarjani. Ikolli nistqarr li personalment jiġini itjeb minn kuskus bil-laħam. Għalkemm mhux daqstant komuni, ġieli sibt kuskus servut mal-ħut jew frott tal-baħar. Ma’ dawn il-platti jidħlu sewwa bosta ingredjenti li normalment inqisuhom bħala frott, bħalma huma l-lewż, iż-żbib u l-ġewż tal-indi. Jekk hawn min ma jafx x’inhu ġewż tal-indi ngħidlu li dan ma huwa xejn għajr dak li llum kulħadd isejjaħ coconut. Il-kċina li għaliha jappartjeni dan l-ingredjent hija vasta mmens u fiha tidħol anke xi ftit fantasija u esperimenti. Wieħed Libjan ħabib tiegħi, miżżewweġ Maltija, qalli li spiss isajjar il-kuskus id-dar. Il-mara tiegħu qaltli li hi wkoll ġieli ssajjru imma qatt ma jirnexxielha ġġibu bħal ta’ żewġha minkejja li tagħmel l-istess ingredjenti u metodi li jagħmel hu. Min jaf, tgħid hemm xi sigriet fejn jidħol is-sajran tal-kuskus?
L'immagine può contenere: 1 persona
Mitħna tradizzjonali tal-kuskus

F’xi pajjiżi Għarab insibu l-kuskus servut bħala deżerta. Dan jitħallat ma’ għasel, lewż, kannella u passolina u fil-wiċċ titpoġġa l-krema. Tiskanta kemm hu versatili dan il-prodott.

Minn fejn ġej
Il-kelma kuskus aktarx ġejja mill-kelma Għarbija kaskasa li tfisser titħan f’biċċiet irqaq. Fil-fatt il-kuskus ma huwa xejn għajr qamħ mitħun jew imfarrak. Il-qamħ ma jintaħanx bħad-dqiq imma jitħalla eħxen. Darba kelli x-xorti nżur post fejn jintaħan dan l-ingredejnt b’mod antik. Il-mitħna ddur pemezz tal-qawwa tal-ilma tax-xmara li tgħaddi minn wara d-dar li fiha din il-mitħna, ġebla tal-qawwi, bis-saħħa tal-ilma, ddur fuq mejda tal-ġebel ukoll u l-qamħ jgħaddi bejn wiċċ il-mejda u l-ġebla ta’ fuq. Bejniethom, mal-fus li fuqu ddur il-ġebla ta’ fuq, jitpoġġa ċirku biex il-qamħ jintaħan u jsir kuskus. Jekk iċ-ċirku ta’ bejn il-ġebel u l-wiċċ jitneħħa, il-prodott ma jibqax kuskus imma jsir dqiq. Prodott vera sempliċi u mija fil mija naturali.

Jekk qatt ma pruvajt idduq il-kuskus, nispera li wara li qrat dan li ktibt illum, tippruvah, u nispera li jogħġbok!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Novembru 2019


Nessun commento:

Posta un commento