Visualizzazione post con etichetta marci. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta marci. Mostra tutti i post

venerdì 20 settembre 2019

Issa li l-festi ntemmu!


Ix-xhur li fihom aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna wasal fi tmiemhom ukoll. Tabilħaqq li issa jibdew isiru għadd ta’ festi oħrajn f’kappelli rurari jew festi sekondarji fil-parroċċi tagħna, imma l-kbir għadda. Issa d-daħna tal-murtali ma għadiex tidher u lanqas għadna nisimgħu it-tfaqqiegħ u t-tkarwid tan-nar. Issa l-armar tat-toroq reġa’ sab ruħu fil-maħżen biex issirlu xi tiswija u jintrefa’ għal sena oħra. Id-damask inqala’ minn postu, tfarfar, intewa u reġa’ tpoġġa fil-kxaxen tas-sagristija. L-apparat tal-fidda li nużaw fil-festa kollu tpoġġa f’postu fit-teżor tal-knisja. Issa s-sakra li skirna fil-marċ tal-festa għadditilna u erġajna nħossuna f’sensina u nistgħu nirraġunaw. Kollox juri li l-festi għaddew u ladarba għaddew nistgħu nagħtu ħarsa lura lejhom u naraw x’għamilna tajjeb u x’għamilna ħażin. 

Kemm smajna kummenti
Storja li tirrepeti ruħha kull sajf hi dik li bosta jgorru dwar xi aspett tal-festi Maltin. Fuq nett tal-lista tal-ilmenti nsibu n-nar. Biex ngħidu d-dritt tassew li għad għandna min jeseġera xi ftit, imma jkollna ngħidu wkoll li fejn għexieren ta’ snin ilu, in-nar naqqas mill-istorbju tiegħu. Illum sirna naraw spettakli piromużikali ta’ livell tassew għoli. Rajt spettakli bħal dawn barra minn Malta, imma nistqarr li dawk ta’ pajjiżna jissuperaw lil dawk li rajt jien lil hinn minn xtutna. Jekk inhu hekk, min jaf jekk tkunx idea tajba li ninvestu aktar f’piroteknika mal-mużika u nnaqqsu l-murtali tal-bomba? B’hekk nemmen li jonqsu l-kummenti negattivi kontra l-festi.

Ding dong
Garr ieħor isir kontra d-daqq tal-qniepen. Filwaqt li nifhem li min joqgħod qrib ta’ xi knisja għandu dritt għall-mistrieħ, ngħid ukoll illi dan id-daqq ma jsirx is-sena kollha. Ġimgħa f’sena għandna mhux nissaportuhom imma nieħdu gost bihom. Jekk taħseb dejjem fin-negattiv żgur li l-ħoss tal-qniepen idejqek imma jekk tipprova tifhem li d-daqq tagħhom qed iwassal messaġġ, il-ħoss tibda tieħu gost bih.

Sweet Caroline
Il-marċi tal-festa wkoll huma punt fejn nisimgħu bosta kritika negattiva dwarhom. Nistqarr li bosta drabi min jikkritika lil dawn il-marċi jkollu raġun. Qed nesegeraw; fil-ħin, fix-xorb, fil-kummiedji żejda. Wara l-marċ bosta każini u ħwienet qed ikomplu jiċċelebraw billi jibqgħu miftuħin b’żgħażagħ jixorbu. Rajt b’għajnejja stess żgħażagħ għadhom jixorbu waqt li mill-knisja tkun ħierġa l-purċissjoni. It-tul ta’ ħin għax-xorb ma jsirx biss f’jum il-festa imma wkoll wara l-marċi ta’ fost il-ġimgħa. Kont f’lokalità għall-festa dan is-sajf. Iddeċidejt li nieħu l-vakanzi tas-sajf tiegħi f’dan il-post fil-ġimgħa tal-festa. Wara l-marċ iż-żgħażagħ jinġabru fil-każin għall-party, biex issa mhux ikantaw mal-marċi tradizzjonali imma jgħajtu mad-diska  Sweet Caroline! Il-marċ jispiċċa fil-ħdax ta’ billejl, imma l-party tal-kazin beda jdum sat-tlieta ta’ filgħodu, bi storbju eseġerat li ma jħalli lil ħadd jorqod. Ma ssaportejtx u tlaqt lejn id-dar għall-kwiet! Possibbli li wara marċ ta’ tlett sigħat irridu nagħmlu party ta’ erbgħa sigħat? Il-liġi li fil-ħdax ta’ filgħaxija jrid jieqaf l-istorbju għadha teżisti. Jekk iva żgur mhux qed tiġi mħarsa.

Pedestalli u antarjoli
Issa la qed insemmi t-tgergir insemmi wkoll l-armar ta’ barra li jsir fil-festi. Bosta jgorru li minħabba fih in-nies ma tkunx tista’ tgħaddi minn fuq il-bankina. Hemm fejn għandhom raġun imma hemm fejn le. Fuq il-bankini ma narawx biss l-armar tal-festa imma naraw karozzi pparkjati, street furniture u anke xi arblu tad-dawl. Allura l-pedestall jagħtikom fastidju? Rajt pedestalli ġodda tassew oriġinali. Dawn jeħlu mal-ħajt u jħallu aċċess għall-pubbliku biex jgħaddi minn fuq il-banikina. La qed ngħid xi ħaġa pożittiva tajjeb insemmi fejn rajtha. Prosit lill-grupp tal-armar ta’ San Pawl il-Baħar ta’ din l-idea tajba. Kieku kienet xi ħaġa ħażina ma kontx ser insemmi l-post! U la qed insemmi l-pożittiv ma nistax ma nsemmix lid-Dumnikani tal-Birgu li mxew fuq il-passi tal-Ġorġjaniżi Qriema u qatgħu il-bżieżaq mill-festa tagħhom. Smajt li hemm festi oħrajn li jew qatgħu jew ser jaqtgħu il-bżieżaq biex jitħares l-ambjent.

Dawn huma xi punti li jsir wisq tgergir dwarhom. Tajjeb li naħdmu fuqhom u ,mhux jekk naraw xi kitba dwarhom ngħidu “Ħalluna ngawdu” jew “Go back ta’ your country”. Ejjew intejbu u nirrangaw. Il-kritika mhux dejjem tkun distruttiva, minnha nistgħu nitgħallmu u nitjiebu.

Xi qrajt
Qrajt li bħalissa l-Għaqda Każini tal-Banda għaddejja bi proċess biex il-festa Maltija tiġi tagħmel parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli. Jekk din it-talba tiġi milqugħa allura il-pass li jmiss  ikun li ssir applikazzjoni mal-UNESCO biex il-festa Maltija ssir wirt intanġibbli dinji. Tajjeb naraw naqra l-kelma INTANĠIBBLI xi tfisser qabel xejn. Din tfisser li ma tkunx tista tintmiss, issir wirt mhux biss ta’ pajjiżna imma anke tad-dinja kollha. Imma kemm verament il-festa Maltija baqgħet ma ntmissitx? Inkunu sinċiera magħna nfusna. Il-festa Maltija evolviet imma fl-evoluzzjoni tagħha daħlu xi elementi li xejn ma għandhom x’jaqsmu magħha anzi qed jagħmlulha ħafna ħsara.
Tajjeb li issa li għaddew il-festi npoġġu ftit fil-kwiet u nagħmlu evalwazzjoni tagħhom, evalwazzjoni serja u imparzjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Settembru 2019


venerdì 29 settembre 2017

Spiċċa s-sajf

Uffiċċjalment is-sajf jispiċċa fl-20 ta’ Settembru, iżda aħna ma tantx nintrabtu ma’ din id-data. Għalina s-sajf inħossuh jispiċċa meta bejn wieħed u ieħor ikunu għaddew il-festi parrokkjali, għadda żmien is-safar u t-tfal reġgħu bdew ir-rutina ta’ sena skolastika ġdida. Issa li wasalna f’dan il-punt nistgħu nagħtu ħarsa lura lejn dan l-istaġun li għadu kemm ġie fi tmiemu.

Festi
Il-festi parrokkjali tagħna huma sinonimi mas-sajf, għad li xi wħud isiru wkoll fix-xitwa, imma billi dawn tal-aħħar huma fil-minoranza, nistgħu ngħidu li issa l-festi għaddew, jew aħjar, il-festi tas-sajf spiċċaw. Tajjeb li nagħmlu ftit evalwazzjoni dwarhom. Naf li il-Knisja ta’ Malta qed taħdem biex dawn il-festi ma jispiċċawx okkażjoni li tmur kontra l-prinċipi li għalihom oriġinarjament kienu nħolqu. Diġà tlifna ħafna minn dak li għalih bdew isiru l-festi, jekk nibqgħu sejrin b’dan il-pass ma ndumux ma nispiċċaw b’festi vojta u bla sinifikat ta’ xejn.

Dan is-sajf l-Isqof ta’ Għawdex faqa’ bużżieqa li kienet ilha tintefaħ u li donnu kulħadd beda jibża’ jifqagħha. Qal li fil-marċi tal-festa qed ikun hemm ammont kbir ta’ teħid ta’ droga. Ilna nafu bil-problema, ma skoprejniex l-Amerika, imma kellu jkun l-Isqof li jitkellem pubblikament dwarha? Dan mhux xogħol il-pulizija? Hawnhekk ma rridx nitfa’ t-tort fuq il-pulizija. Tajjeb inżommu f’ moħħna li taħt l-uniformi tal-pulizija hemm bniedem uman bħali u bħalek. Aħna l-bnedmin jekk naraw li xogħolna ma jkunx aprezzat għandna t-tendenza li nagħtuha b’telfa. Nemmen li bosta membri tal-korp tal-pulizija jixtiequ jagħmlu xogħolhom sewwa, imma meta jaraw li ta’ xogħolhom ftit li xejn huma apprezzati, allura jaqtgħu qalbhom u jħallu kollox għaddej, għall-ewwel jibdew jagħlqu għajn waħda u maż-żmien jagħlquhom it-tnejn. Kemm se jdumu jtellgħu l-qorti nies li nqabdu jiksru l-liġi u minħabba ma nafx xiex joħorġu liberati? Fl-aħħar il-pulizija jaqta’ qalbu u jibda jħoss ġewwa fih xi ħaġa li tgħidlu li aħjar jiġi jaqa’ u jqum.

Imma l-festi mhux problemi biss. Il-festi għaddew u fihom stajna napprezzaw bosta opri artistiċi ġodda li saru minn artisti magħrufin fix-xena lokali flimkien ma’ ħafna u ħafna xogħol ieħor ta’ ħidma volontarja. Issa li għadda s-sajf dawn l-individwi jibdew, jew diġà bdew, iħejju għall-festa tas-sena d-dieħla.

Safar
L-istaġun tas-safar għadda wkoll u issa kull ma baqa’ huma biss it-tifkiriet ta’ dak li rajna, ta’ ħbiberiji ġodda li għamilna, ta’ postijiet ġodda li żorna, ta’ ikel li qatt ma konna doqna qabel u li forsi qatt ma nerġgħu nduquh. Fadal ir-ritratti li ġbidna bil-mowbajl jew bit-tablet.

Illum is-safar sar komuni. Mhux bħal fi tfuliti, biex tmur jumejn sa Sqallija kont trid taħseb xhur qabel. Illum tisma’ lil min tisma’ kulħadd jitkellem fuq xi vaganza barra minn xtutna li jkun għamel. Tassew li meta nieħdu vaganza din tkun għall-mistrieħ, imma mistrieħ ma jfissirx għass. Kemm hawn minna li jinteressaw ruħhom u jfittxu ftit dwar il-postijiet ġodda li jkunu ser iżuru? Kont naħseb li ftit imma kelli żball. Dan is-sajf indunajt kemm bosta Maltin ifittxu tagħrif dwar il-postijiet li jkunu ser iżuru u għalhekk jagħmlu mistoqsijiet serji lill-gwidi li jkunu qed imexxuhom. Illum permezz tal-internet malajr issib dak li tun trid, anzi tara t-toroq tal-post qisek qiegħed miexi fihom. X’differenza  minn għoxrin jew tletin sena ilu! Issa li għadda s-sajf miegħu telqu wkoll il-vaganzi imma baqa’ t-tagħrif li ksibna. Issa li għadda s-sajf nibdew naħsbu fejn ser immorru s-sajf li ġej!

U l-iskola
Issa li għadda s-sajf l-iskejjel reġgħu fetħu bwiebhom għall-istudenti. Meta tkun għadek żgħir l-iskola ma jkunx il-post favorit tiegħek. Tal-inqas il-maġġoranza tal-istudenti jippreferu l-vaganzi tas-sajf milli x-xhur tas-sena akkademika. Inħoss li s-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn tkun aġġornata. Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiżi barranin li għandhom sistema għal kollox differenti minn tagħna u r-riżultat aħħari huwa aħjar minn dak tagħha. Illum l-istudent Malti jaħdem għal biċċa karta, liema biċċa karta tiftaħlek il-bieb għad-dinja u mingħajrha ma tasal imkien. Imma l-ħajja mhux magħmula miċ-ċertifikati. Huma importanti, imma mhumiex kollox. Illum ġibna lill-istudenti tagħna b’bagalja ċertifikati imma bla ebda esperjenza jew prattika tal-ħajja. Jgħaddi l-eżami, tinkiseb il-marka u l-għada jintesa kollox. Għadda s-sajf u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-istess sistema li f’Ġunju kienu għalqu biha. Tgħid sa sajf ieħor isir xi ħaġa biex din is-sistema tinbidel? Ma nafx, u ngħid id-dritt għandi d-dubji tiegħi.

Illum missejt tliet punti li nistgħu nirriflettu fuqhom issa li l-istaġun tagħhom għadda bħall-festi u s-safar jew ser jibdew bħall-iskejjel. Issa li għadda s-sajf ħarsitna trid tkun ’il quddiem, min jaf, forsi lejn sajf ieħor?


 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2017


sabato 30 agosto 2014

Pillola maġika

Immaġinaw li kieku jkollu jkun hemm xjenzjat li jivvinta pillola li tkun tista’ tikkura kull tip ta’ marda. Jekk ikollok uġiegħ ta’ ras tieħu waħda minn dawn il-pilloli u tgħaddilek, jekk tkun tbati bil-pressjoni għolja din il-pillola tbaxxihielek u jekk ikollok il-pressjoni baxxa din l-istess pillola tgħollihielek. Tista’ tkun tajba wkoll għad-diabete u anke għall-mard tal-qalb jew mard ieħor. Insomma naħseb li indunajtu li pillola bħal din ma teżistix u nistgħu biss nimmaġinawha fil-fantasija tagħna u xejn aktar.

Liġi li ma tolqotnix
Kultant aħna naħsbu li ordni jew liġi tkun tapplika għal kulħadd. Huwa veru li l-liġi hija importanti u għandha tkun, imma ma jfissirx li dik il-liġi tkun tapplika għal kulħadd. Xi rrid infisser sewwa b’ dan il-kliem? Biex nagħti eżempju nista’ ngħid li nafu li teżisti liġi li f’ postijiet pubbliċi, bħal swali taċ-ċinema, ristoranti, karozzi tal-linja u postijiet oħra ma jistax isir tipjip. Jiena personali naf li teżisti dik il-liġi u hemm multi għal min jiksirha, imma lili bl-ebda mod ma tolqotni għax jiena ma npejjipx. L-ordni li karozza ma tistax tipparkja f’ post fejn ikun hemm miżbugħ sinjal isfar fl-art naħseb jafha kulħadd. Lili tolqotni meta nkun bil-karozza imma lil min ma jafx isuq ftit li xejn tagħmillu differnza jekk fl-art ikunx hemm sinjali sofor jew bojod jew inkella ma jkun hemm xejn.

Ftehim dwar il-festi
Ninsabu fl-eqqel tas-sajf. F’ pajjiżna l-aktar ħaġa li jikkaratterizza dan l-istaġun, minbarra x-xtajtiet, huma l-festi tagħna. Ilna snin nisimgħu li dawn il-festi jridu jkunu ikkontrollati għax qegħdin jitilfu kull sens li għalih inħolqu. Imma wisq nibża’ li l-Knisja ppruvat toħloq pillola bħal dik li semmejt bil-bidu. Riedet li kollox ikun standard, kollox  sterjotipat, kulħadd l-istess, kollox ikontrollat minn ftehim wieħed li jkun jgħodd għal kulħadd. Ir-riżultat ma hemmx għalfejn ngħidu x’ kien! Għadna kif konna qabel beda d-diskors dwar il-ftehim.

Sitwazzjonijiet differenti
Meta bniedem jaħseb li minn fuq skrivanija jista’ jkun jaf x’ inhu jiġri barra t-triq jiżbalja. Dak li jkun irid iqum minn bilqegħda, joħroġ barra t-triq, jitħallat man-nies li jkun hemm fit-triq u hemmhekk isir jaf sewwa x’ ikun qiegħed jiġri. Jekk dan jibqa’ f’ kamartu joħloq illużjoni ta’ x’jista’ jkun qiegħed jiġri barra, biss ma jkunx qiegħed jara l-verità imma sempliċiment jara dak li jaħseb li hemm. Fil-kwistjoni tal-festi Maltin wieħed ma jistax jippretendi li jkun jaf x’ qed jiġri jekk joqgħod biss fuq dak li jisma’. Irid iqum u jmur jara b’ għajnejh hu stess.

Fil-festi ta’ pajjiżna jeżistu sitwazzjonijiet differenti. Hawn parroċċi li fihom hemm festa waħda, banda waħda, ma hemmx wisq problemi. Hemm realtà oħra fejn il-parroċċa għandha festa titulari u oħra sekondarja fejn allura hemm żewġ għaqdiet filarmoniċi, żewġ gruppi tal-armar u żewġ kumitati tal-festa. Realtà oħra hija dik il-parroċċa fejn minkejja li tiċċelebra festa waħda, iżda hemm żewġ baned jew żewġ kmamar tan-nar. Imbagħad hemm parroċċi fejn fl-istess territorju tagħha ssir festa reliġjuża oħra li ma hijiex tal-parroċċa imma ta’ xi ordni reliġjuż.  U nsomma hemm każi oħrajn ukoll!

Kif jista’ jkun li ftehim wieħed dwar il-festi Maltin jikkontrolla dawn is-sitwazzjonijiet kollha. Jekk verament irridu li nsalvaw il-festi tagħna irridu nistudjaw kull festa, waħda waħda u jsir ftehim għal kull festa. Jekk hawn mitt festa hemm bżonn isir mitt studju u jekk ikun hemm bżonn isir ukoll mitt ftehim. Jekk le, wisq nibża’ li kollox kif inhu ser jibqa’, anżi l-affarijiet għandhom mnejn jiħżienu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 30 ta' Awwissu, 2014