Visualizzazione post con etichetta papa benedettu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta papa benedettu. Mostra tutti i post

giovedì 23 ottobre 2014

MIN GĦANDU DRITT JILĦAQ ISQOF?

Isqof awżiljarju u isqof koadjitur
Iż-żmien li bħalissa għaddejja minnu l-Knisja ta’ Malta, personalment narah żmien opportun biex il-poplu Nisrani jsir aktar midħla tal-Knisja Kattolika. Dan jista’ jsir kemm-il darba aħna s-saċerdoti nkunu disposti li nfissru mill-aħjar li nistgħu, dak li jistaqsuna n-nies.

Mistoqsija li għamluli xi wħud dan l-aħħar jieM kienet jekk l-Isqof Awżiljarju Mons. Charles J. Scicluna, għandux id-dritt tas-suċċessjoni għall-epikopat tal-Arċidjoċesi Maltija. Biex titwieġeb din il-mistoqsija wieħed irid jara ftit x’ jgħid il-kodiċi tad-Dritt Kanoniku.

X’inhu id-Dritt kanoniku?

Id-dritt kanoniku huwa għadd ta’ liġijiet, jew normi ġuridiċi li l-Knisja Kattolika għamlet biex timxi fuqhom. Dawn il-liġijiet jirregolaw l-istrutturi ekkeżjastiċi kollha, mill-Papa sal-iżgħar Nisrani, minn lajk jew lajka sa kjeriku, saċerdot, patri jew soru. Nistgħu ngħidu li dan huwa l-kostituzzjoni tal-Knisja Kattolika. Sal-1917 ma kienx jeżisti kodiċi tad-Dritt Kanoniku, imma minn dejjem kien hemm għadd ta’ normi u liġijiet fil-Knisja. Il Papa Benedettu XV għaqqad dawn il-konswetudinijiet u b’ hekk il-knsija kellha l-ewwel kodiċi tad-Dritt Kanoniku. Fl-1983 il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħareġ it-tieni kodiċi tad-Dritt Kanoniku, iffurmat aħjar u kif tassew għandu jkun kodiċi. F’ dan il-kodiċi insibu t-tweġiba għall-mistoqsija li ħafna staqsewni.

Awżiljarju u koadjutur

Fil-kanoni 403 sa 411 insibu n-normi li jitrattaw l-isqfijiet awżiljari u koadjuturi.  Sa mill-bidu nett (Can. 403 - §1.) naqraw li fejn ikun hemm ħtieġa jinħatar isqof awżiljarju jew aktar minn wieħed u dawn ma jkollhomx id-dritt għas-suċċessjoni. Fit-tielet komma tal-istess kanone insibu hekk: Is-Santa Sede jekk tara li jkun jaqbel, tista’ toħloq uffiċju ta’ Isqof koadjutur, li jingħata fakultajiet speċjali; l-Isqof koadjutur għandu d-dritt tas-suċċessjoni. (Can. 403 - §3.)

F’ dawn il-ftit versi jitwieġbu l-mistoqsijiet ta’ bosta Nsara Maltin li bħalissa jkunu jixtiequ jafu aktar minn qatt qabel x’ jista’ jseħħ. Mela dan il-kanone juri biċ-ċar li Monsinjur Isqof Chalres J. Scicluna ma huwiex awtomatikament is-suċċessur ta’ Monsinjur Pawlu Cremona.

Inwarrbu l-legalità

Dak li għidna sa issa huwa dak li tgħid il-liġi. Imma l-liġi qegħda għall-bniedem u mhux il-bniedem għal-lliġi. Il-bniedem għandu wkoll l-umanità tiegħu u għalhekk jaħseb u jitkellem skont dak li jħoss, tgħid x tgħid il-liġi.

U hawn nerġa' insemmi lil Monsinjur Isqof Scicluna imma issa nħallu barra l-lat legali u d-Dritt Kanoniku. Dan is-sacerdot fl-1995 beda jaħdem Ruma bħala Promotur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Suprem tas-Sinjatura Appostolika. Wara, Monsinjur Scicluna nħatar Promotur tal-Gustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Dan ix-xogħol wasslu biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-Kardinal Josef Ratzinger, u iktar tard mal-Papa Benedettu XVI. Sabatax-il sena ta’ xogħol fil-qalba tal-Knisja Kattolika. Ġie Malta biex inħatar Isqof Awżiljarju ...  . . .  u issa?

Jien ma rrid ngħid xejn, qiegħed infisser biss iż-żewġ naħat tal-munita, naħa li tgħidlek li ma hemmx dritt ta’ suċċessjoni u ma għandux jistenna dak li l-liġi ma tiggarantielux u n-naħa l-oħra tgħid li dan is-saċerdot ħalla kollox warajh, karriera ta’ 17-il sena Ruma, u ġie Malta biex ikun ta’ spalla għall-Arċisqof. 

Jien personalment bħala saċerdot, għamilt wegħda ta’ ubbidjenza mhux lill-persuna imma lill-uffiċju li kienet qegħda taqdi u għalhekk l-ubbidjenza tiegħu tkun lejn l-uffiċju, ikun immexxi minn min ikun, Nemmen li bħali huma l-kumplament tas-saċerdoti. . . . . . u qiegħed ngħid dan biex ħadd ma jaħseb li għandi xi xamma ta' xiħaġa. . . .  xejn minn dan, jien daqskom naf!


Fr Reno Muscat

giovedì 5 settembre 2013

IL-KAŻ TA’ ASIA BIBI

Il-Pakistan huwa pajjiż imbiegħed minn artna, bħalna kien kolonja tal-Imperu Ngliż, anzi biex inkunu eżatti, il-Pakistan ma kienx jeżisti imma kien parti mill-Indja. Inħoloq il-Pakistan biex ikun art għall-Musulmani li kienu batuti taħt l-Indjani. Imma minkejja li kienu jafu xi tfisser tkun f’minoranza, xi wħud mill-Pakistani donnhom insew għax il-minoranzi f’pajjiżhom batew u għadhom ibatu taħthom. Fost ħafna stejjer li ta’ spiss nisimgħu bihom,u ħafna u ħafna iktar li ma nisimgħux bihom, il-każ ta’ Asia Bibi fetaħ għajnejn id-dinja. 

Id-dagħa
F’dan il-pajjiż hemm liġi imsejħa bħala l-Liġi kontra d-dagħa. Fi ftit kliem din il-liġi tgħid li kull min bi kliem, aġir, ħsejjes jew ġesti joffendi s-sentimenti reliġjużi ta’ ħaddieħor ikun meqjus bħala midgħi. Dawn il-każi għandhom piena – minn multa sal-mewt. Din il-liġi tinstab fil-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan:   § 295, § 295-A, B u C, § 298, § 298-A, B u C.
 Wieħed jista’ jara dan il-Kodiċi fuq: http://www.pakistani.org/pakistan/legislation/1860/actXLVof1860.html 

It-tazza ilma u l-istqarrija tal-fidi
Aasiya  Noreen Bibi hija raħħala. Ma tafx tikteb u taqra, l-istess bħal żewġha Ashiq. Miegħu tgħix ħajja sempliċi fir-raħal ta’ Ittan Wali fil-provinċja tal-Punjab. Minbarra dik ta’ Asia hemm familja oħra Nisranija fir-raħal, dik ta’ ħabibitha Josephine. Ma għandhomx kurċifiss mal-ħajt ta’ darhom għax perikoluż wisq. Imma għandhom il-Bibbja li jżommu taħt is-saqqu anke jekk ma jafux jaqraw.

Asia għandha ħamest itfal, erbat ibniet u tifel. Tridhom jitgħallmu l-iskola u flimkien ma’ żewġha taħdem iebes biex uliedha jkunu jistgħu jistudjaw. Asia u Ashiq jagħmlu minn kollox biex bl-ebda mod ma jwaqqfu l-istudu ta’ xi ħadd minn uliedhom, għax jafu li bl-iskola biss jistgħu jgħixu ta’ nies fil-Pakistan. F’Ġunju tal-2009, Farah, l-ispiżjara tar-raħal, qalet lil Asia li fl-għelieqi mhux wisq imbegħda kienu qegħdin jaqtgħu t-tut. Jum xogħol kien jitħallas b’ 250 rupie. Kien l-4 ta’ Ġunju tal-2009, il-Ħadd. Asia qamet mas-sebħ: riedet timxi għadd ta’ kilometri biex tasal fl-għelieqi. Żewġha u wliedha kienu għadhom reqdin, ġibdet il-bieb warajha u telqet. X’ħin waslet fl-għelieqi kien hemm diġa madwar ħmistax-il mara jiġbru t-tut. Waħda resqet lejha, newlitilha qoffa u qaltilha li jekk timliha tingħata 250 rupie. Mal-ewwel daqqa t’għajn intebħet li l-qoffa tagħha kienet ikbar minn dawk tal-oħrajn. Kienet in-Nisranija waħdanija hemmhekk, qalb bosta Musulmani. Hija mdorrija ġġorr il-piż minħabba d-differenza fit-twemmin.

F’nofsinhar waqfet ftit. Mifnija u għarqana xraba. Poġġiet il-qoffa tat-tut fl-art, tellgħet barmil ilma, ħadet it-tazza li kien hemm fuq il-ħerża tal-bir u mlietha. Xorbot. Qatgħet l-għatx. Reġgħet xorbot, u wara tat it-tazza mimlija ilma lil waħda mara oħra li kienet ġiet biex tixrob ukoll. Kollox seħħ fi ftit ħin. X’ħin it-tieni mara ressqet it-tazza lejn ħalqha, mara oħra bdiet tgħajjat li dak l-ilma kien mniġġes. Asia ġiet akkużata li niġġset l-ilma tal-bir. Kemm-il darba kienet irċeviet akkużi u diskriminazzjoni. Kemm-il darba baxxiet għajnejha. Imma llum le. Anzi twieġeb għal dik l-akkuża bi kliem iebes: “Jien naħseb li fuq dil-ħaġa Ġesù jaħsibha mod ieħor minn Mawmettu”. Għan-nisa Musulmani din hija dagħwa. Bdew jagħtuha bil-ħarta u għajruha.
Waqa li qalgħet daqqiet u tgħajjir, Asia ġriet lejn darha, beżgħana u mingħajr il-250 rupie li għalihom kienet aċċettat li taħdem fil-jum tal-Ħadd.

Mewt lin-Nisanija!
L-għada Asia marret  għand il-ħabiba tagħha, Josephine. Qaltilha li fi ftit jiem oħra kien sejjer ikun hemm ġabra oħra ta’ tut. Kellha bżonn dawk il-250 rupie, imma kienet qegħda tibża terġa tmur f’ dawk l-għelieqi waħedha. Ħabibitha qaltilha li kienet sejra tmur magħha. Fl-għodwa li kellu jsir il-ġbir, iż-żewġ nisa iltaqgħu kmieni. Biex ma jaqilgħux inkwiet ħadu magħhom żewġ buqari bl-ilma mid-dar. Ix-xogħol beda fost l-indifferenza tan-nisa Musulmani. X’ħin il-qoffa ta’ Asia kienet kważi ntliet instama’ għajjat kbir.Ħarset il fuq u lemħet għadd ta’ rġiel u nisa riesqa lejha. Asia ma fhemitx x’ kien qiegħed jiġri. L-ilħna tal-folla bdew jgħidu: “Mewt lin-Nisranija!” Lil Asia dawruha u bdew jagħtuha bl-addoċċ, kaxkruha sar-raħal, sad-dar  tal-Imam tar-raħal. Akkużawha inġustament u wara offrew lil Asia żewġ possibiltajiet: jew tmut jew tikkonverti. Hija ma rieditx titlaq il-fidi tagħha u ma ammettietx li b’ xi mod offendiet il-fidi Musulmana jew lill-Profeta Mawmettu.

Ħabs u sentenza
Asia intefgħet il-ħabs u ingħatat is-sentenza tal-mewt bit-tgħallieq. Il-Papa Benedettu XVI kien appella għall-ħelsien ta’ Asia. “Illum – qal il-Papa fi Pjazza San Pietru – nuri l-viċinanza spiritwali tiegħi mas-Sinjura Asia Bibi u l-qraba tagħha, waqt li nitlob biex kemm jista’ jkun malajr tinħeles. F’dawn il-jiem id-dinja qegħda ssegwi, bi preokkupazzjoni kbira, il-qagħda mwegħra tal-Insara fil-Pakistan, li spiss qegħdin ikunu vittmi ta’ vjolenza u diskriminazzjoni”. (17 ta’ Novembru 2010)

Il-każ ta’ Asia ġera madwar id-dinja kollha u saru anke petizzjonijiet biex din tinħeles mill-piena tal-mewt. Is-sentenza ingħatat imma għadha ma ġietx eswegwita. Int tista’ titlob lill-awtoritajiet Pakistani jeħilsu lil Asia Bibi billi tiffirma l-petizzjoni fuq: 



Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-28 ta' Awwissu 2013


giovedì 28 febbraio 2013

SEDE VACANTE


Illejla l-Knisja Kattolika tkun bla mexxej


Kienet il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, kien il-jum dinji tal-morda, kien l-84 anniversarju mit-trattat tal-Lateran li bih twaqqaf uffiċjalment l-Istat Belt tal-Vatikan, kien il-11 ta’ Frar, 2013. Fil-11 ta’ filgħodu ġewwa s-Sala tal-Konċistorju fil-palazz appostoliku inġabru l-Kardinali flimkien mal-Papa Benedettu XVI sabiex japprovaw il-kanonizzazzjoni tal-Beati Antonio Primaldo u sħabu martri, Laura ta’ Santa Katarina ta’ Siena Montoya y Upegui u Maria Guadalupe García Zavala. Fid-diskors tiegħu il-Papa ħabbar li kien sejjaħ dan il-konċistorju mhux biss minħabba l-kanonizzazzjoni imma għax kellu xi ħaġa ta’ importanza kbira xi jwassal. Din il-ħaġa mportanti kienet li minħabba raġunijiet ta’ saħħa u minħabba l-età tiegħu kien sejjer iwarrab minn fuq it-tron ta’ Pietru. Id-diskors sar bil-latin u minkejja li dawk miġbura lkoll kemm huma studjaw il-Latin, ma fehmux sewwa, jew ma riedux jemmnu dak li semgħu. Dimissjoni ta’ Papa kienet ilha ma sseħħ mill-1417. Kien il-Papa Girgor XII l-aħħar Papa li warrab. Ma kienx l-uniku. Minkejja li x-xniegħa li l-Papa se jirreżenja kienet ilha tiġri fil-ġerarkija ekkleżjastika, ħadd ma basar li din ix-xniegħa kellha ssir realtà, l-aktar wara l-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li fuqu wkoll kienu spiss jgħidu li se jħalli postu, imma baqa’ jmexxi kif jista’ l-Knisja ta’ Kristu sal-aħħar nifs. Josef Ratzinger imma ma huwiex Carol Wojtyla. Dak li ma għamilx wieħed għamlu l-ieħor u llejla il-Knisja Kattolika sejra jkollha l-hekk imsejjaħ Sede Vacante. Għada aħna s-saċerdoti fil-quddiesa ma nsemmux lill-Papa, insemmu biss lill-Isqof.

L-arma tal-Vatikan waqt is-Sede Vacante
Il-mewt tal-Papa Wojtyla sabet lill-Kardinal Ratzinger bħala d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali. Din il-pożizzjoni kienet titlob li huwa jmexxi l-funeral tal-Papa. Dan sar nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ April, 2005. Il-konklavi bdew għaxart ijiem wara. Fil-għodwa ta’ dak il-jum saret il-quddiesa msejħa Pro Eligendo Romano Pontifice u waranofsinhar saret l-ewwel votazzjoni mill-115-il kardinal preżenti – daħna sewda. L-għada filgħodu il-kardinali kienu mill-ġdid fil-Kappella Sisitna għal vot ieħor. Fid-19 ta’ April filgħodu dehru żewġ daħniet suwed miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina, imma dakinahr waranofsinhar, sewwa sew fil-5.56, deher ħiereġ duħħan abjad, ftit minuti wara il-qniepen tal-bażilika ta’ San Pietru semmgħu leħinhom u magħhom ingħaqdu l-ilħna tal-qniepen tal-knejjes l-oħra kollha tad-dinja. Habemus Papam! Ftit wara deher il-Protodjaknu, il-Kardinal Jorge Arturo Medina Estévez fil-loġġa ta’ fuq il-bieb ċentrali tal-Vatikan u ħabbar dak li d-dinja kienet fuq ix-xwiek biex tisma’ : Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam! Dawk il-ftit sekondi sakemm tħabbar l-isem dehru donnhom sigħat. Eminentissimum ac reverendissimum Dominum Dominum Josephum,Sanctæ Romanæ Ecclesiæ Cardinalem Ratzinger. L-għażla ta’ Ratzinger ġabet reazjonijiet diversi.

Ħafna għamlu l-iżball li ħasbu li l-Papa l-ġdid kellu jkun il-kontinwazzjoni tal-Papa preċedenti. Huwa żball li indunajna bih matul dawn il-kważi tminn snin ta’ potifikat. Jekk qatt kien hemm xi dubju dwar dan issa żgur li spiċċa għal kollox. Il-Papa huwa r-rappreżentant ta’ Kristu fl-art, is-suċċessur ta’ Pietru u huwa wkoll mexxej ta’ stat li minkejja ċ-ċokon tiegħu u n-numru żgħir ta’ ċittadini, jisboq lil kull nazzjon ieħor fil-għadd tas-segwaċi. Jekk il-Papa Wojtyla kien il-Papa tal-midja, il-Papa li rajna fih il-valur tas-sofferenza, il-Papa li kien sar il-kappillan tad-dinja, il-Papa Ratzinger wera ruħu aktar bħala l-mexxej temporali tal-Knisja. Mill-att spiritwali nistgħu ngħidu li Papa Benedettu spikka f’ dik li hija kitba u pubblikazzjoni ta’ kotba. L-akbar opra tiegħu bla dubju hija it-tliet volumi dwar Ġesù ta’ Nazzaret. Kiteb tliet enċikliċi[1], erba’ Esortazzjonijiet Appostoliċi[2] u għadd kbir ta’ Muti Propri u Kostituzzjonijiet Appostoliċi. Għamel 24 vjaġġ appostoliku barra mill-Italja fosthom f’ pajjiżna bejn is-17 u t-18 ta’ April, 2010. Fl-Italja għamel 33 vjaġġ appostoliku u għal din is-sena kellu ppjanat li jżur il-Prinċipat ta’ Monaco, il-Brażil għall-Jun dinji taż-żgħażagħ, l-Irlanda u Brussell. Ġewwa l-Italja kellu mħejji li jżur Bergamo u Sotto il Monte, il-post fejn twieled u trabba Angelo Giuseppe Roncalli li fl-1958 sar Papa Ġwanni XXIII. Imma jkollna nammettu li ż-żmien jagħmel tiegħu fuq kulħadd, Papa u mhux. Ratzinger kien qrib ħafna tal-preċedessur tiegħu fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Kien jaf kemm il-Knisja batiet għax ċerti deċiżjonijiet ma setgħux jittieħdu minħabba l-qagħda fiżika tal-mexxej tagħha. Nemmen li l-Papa Benedettu XVI ma riedx li jerġa’ jgħaddi lill-Knisja minn dak li għaddiet inqas minn għaxar snin ilu. Żgur li ma kienitx deċiżjoni faċli dik li ħa, imma nemmen li kienet l-aħjar waħda fl-interess tal-Knisja Kattolika. Illum bil-mod kif miexja d-dinja kull istituzzjoni għandha bżonn mexxej b’moħħ tajjeb u qawwi fiżikament. F’ Josef Ratzinger l-ewwel ħtieġa ma naqsitx imma t-tieni waħda stqarr hu stess li ma għandux aktar.
U issa l-Knisja tistenna li l-Prinċpijiet tagħha jingħalqu fil-kappella storika li għal dawn l-aħħar mijiet ta’ snin serviet bħala post għall-għażla tat-Tmunier tal-Knisja. Jekk ġewwa l-ħitan tal-Belt Qaddisa kollox huwa sigriet u kwiet, il barra mill-ħitan tal-belt hemm attività sħiħa għaddejja lejl u nhar biex tlesti għal avveniment straordinarju: il-konklavi u l-għażla ta’ Papa ġdid. Barra l-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru hemm għadd ta’ trakkijiet bl-apparat tal-Outside Broadcasting Units tal-aktar stazzjonijiet televizivi importanti fid-dinja. Fil-pjazza ta’ quddiem il-kolonnat ġie armat palk fil-għoli għall-ġurnalisti u l-kameras tat-televiżjoni. Palk ieħor bħal dan twaqqaf quddiem il-kastell Sant’ Anġlu. Hemmhekk ukoll insibu għadd ta’ trakkijiet bl-apparat għax-xandir. F’ nofs Via della Conciliazione ittellgħu żewġ antenni kbar b’ panelli fuqhom biex isaħħu l-qawwa tal-frekwenzi tat-telefonija ċellulari filwaqt li s-Sala Stampa tal-Vatikan ħatret żewġ assistenti diretturi temporanji, wieħed għall-ilsien Ingliż u l-ieħor għall-Ispanjol. Il-ħwienet tal-qrib qegħdin jaħżnu kull xorta ta’ merkanzija u l-ħwienet tal-ikel ukoll qegħdin jitgħabbew bil-proviżjon għall-eluf ta’ nies li ftit jiem oħra metaforikament sejrin jinvadu l-Belt Eterna. Għexieren kbar ta’ mobile toilets diġa jinsabu mifruxin fit-toroq qrib Via della Conciliazione u Pjazza San Pietru. U fil-kappella sistina il-ħaddiema tal-Belt tal-Vatikan jibdew jarmaw biex issir l-aktar elezzjoni sigrieta fid-dinja, l-aktar elezzjoni spettakolari minkejja li moħbija minn għajnejn id-dinja.

Il-lejla l-Knisja se tkun bla ragħaj uman. Mil-lejla il-Knisja se tkun f’ idejn ir-Ragħaj Etern sakemm ftit jiem oħra naraw daħna bajda tielgħa miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina u nistennew bil-ħerqa il Protodjaknu  jħabbrilna “Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam!”

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 28 ta' Frar 2013




[1] Deus Caritas est, 25 ta’ Diċembru 2005, Spe salvi 30 ta’ Novembru 2007 u Caritas in veritate, 29 ta’ Ġunju 2009.
[2] Sacramentum caritatis 22 ta’ Frar 2007, Verbum Domini  30 ta’ Settembru 2010, Africae munus  20 ta’Novembru 2011 u Ecclesia in Medio Oriente  14 ta’Settembre 2012.