Il-Pakistan huwa
pajjiż imbiegħed minn artna, bħalna kien kolonja tal-Imperu Ngliż, anzi biex
inkunu eżatti, il-Pakistan ma kienx jeżisti imma kien parti mill-Indja. Inħoloq
il-Pakistan biex ikun art għall-Musulmani li kienu batuti taħt l-Indjani. Imma
minkejja li kienu jafu xi tfisser tkun f’minoranza, xi wħud mill-Pakistani
donnhom insew għax il-minoranzi f’pajjiżhom batew u għadhom ibatu taħthom. Fost
ħafna stejjer li ta’ spiss nisimgħu bihom,u ħafna u ħafna iktar li ma nisimgħux
bihom, il-każ ta’ Asia Bibi fetaħ għajnejn id-dinja.
Id-dagħa
F’dan il-pajjiż
hemm liġi imsejħa bħala l-Liġi kontra d-dagħa. Fi ftit kliem din il-liġi tgħid
li kull min bi kliem, aġir, ħsejjes jew ġesti joffendi s-sentimenti reliġjużi
ta’ ħaddieħor ikun meqjus bħala midgħi. Dawn il-każi għandhom piena – minn
multa sal-mewt. Din il-liġi tinstab fil-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan: § 295, § 295-A, B u C,
§ 298, § 298-A, B u C.
Wieħed jista’ jara dan il-Kodiċi fuq:
http://www.pakistani.org/pakistan/legislation/1860/actXLVof1860.html
It-tazza ilma u l-istqarrija tal-fidi
Aasiya Noreen Bibi hija raħħala. Ma tafx tikteb u
taqra, l-istess bħal żewġha Ashiq. Miegħu tgħix ħajja sempliċi fir-raħal ta’
Ittan Wali fil-provinċja tal-Punjab. Minbarra dik ta’ Asia hemm familja oħra
Nisranija fir-raħal, dik ta’ ħabibitha Josephine. Ma għandhomx kurċifiss
mal-ħajt ta’ darhom għax perikoluż wisq. Imma għandhom il-Bibbja li jżommu taħt
is-saqqu anke jekk ma jafux jaqraw.
Asia għandha
ħamest itfal, erbat ibniet u tifel. Tridhom jitgħallmu l-iskola u flimkien ma’
żewġha taħdem iebes biex uliedha jkunu jistgħu jistudjaw. Asia u Ashiq jagħmlu
minn kollox biex bl-ebda mod ma jwaqqfu l-istudu ta’ xi ħadd minn uliedhom,
għax jafu li bl-iskola biss jistgħu jgħixu ta’ nies fil-Pakistan. F’Ġunju
tal-2009, Farah, l-ispiżjara tar-raħal, qalet lil Asia li fl-għelieqi mhux wisq
imbegħda kienu qegħdin jaqtgħu t-tut. Jum xogħol kien jitħallas b’ 250 rupie.
Kien l-4 ta’ Ġunju tal-2009, il-Ħadd. Asia qamet mas-sebħ: riedet timxi għadd
ta’ kilometri biex tasal fl-għelieqi. Żewġha u wliedha kienu għadhom reqdin,
ġibdet il-bieb warajha u telqet. X’ħin waslet fl-għelieqi kien hemm diġa madwar
ħmistax-il mara jiġbru t-tut. Waħda resqet lejha, newlitilha qoffa u qaltilha
li jekk timliha tingħata 250 rupie. Mal-ewwel daqqa t’għajn intebħet li l-qoffa
tagħha kienet ikbar minn dawk tal-oħrajn. Kienet in-Nisranija waħdanija
hemmhekk, qalb bosta Musulmani. Hija mdorrija ġġorr il-piż minħabba d-differenza
fit-twemmin.
F’nofsinhar
waqfet ftit. Mifnija u għarqana xraba. Poġġiet il-qoffa tat-tut fl-art,
tellgħet barmil ilma, ħadet it-tazza li kien hemm fuq il-ħerża tal-bir u
mlietha. Xorbot. Qatgħet l-għatx. Reġgħet xorbot, u wara tat it-tazza mimlija
ilma lil waħda mara oħra li kienet ġiet biex tixrob ukoll. Kollox seħħ fi ftit
ħin. X’ħin it-tieni mara ressqet it-tazza lejn ħalqha, mara oħra bdiet tgħajjat
li dak l-ilma kien mniġġes. Asia ġiet akkużata li niġġset l-ilma tal-bir.
Kemm-il darba kienet irċeviet akkużi u diskriminazzjoni. Kemm-il darba baxxiet
għajnejha. Imma llum le. Anzi twieġeb għal dik l-akkuża bi kliem iebes: “Jien
naħseb li fuq dil-ħaġa Ġesù jaħsibha mod ieħor minn Mawmettu”. Għan-nisa
Musulmani din hija dagħwa. Bdew jagħtuha bil-ħarta u għajruha.
Waqa li qalgħet
daqqiet u tgħajjir, Asia ġriet lejn darha, beżgħana u mingħajr il-250 rupie li
għalihom kienet aċċettat li taħdem fil-jum tal-Ħadd.
Mewt lin-Nisanija!
L-għada Asia marret
għand il-ħabiba tagħha, Josephine.
Qaltilha li fi ftit jiem oħra kien sejjer ikun hemm ġabra oħra ta’ tut. Kellha
bżonn dawk il-250 rupie, imma kienet qegħda tibża terġa tmur f’ dawk l-għelieqi
waħedha. Ħabibitha qaltilha li kienet sejra tmur magħha. Fl-għodwa li kellu
jsir il-ġbir, iż-żewġ nisa iltaqgħu kmieni. Biex ma jaqilgħux inkwiet ħadu
magħhom żewġ buqari bl-ilma mid-dar. Ix-xogħol beda fost l-indifferenza
tan-nisa Musulmani. X’ħin il-qoffa ta’ Asia kienet kważi ntliet instama’
għajjat kbir.Ħarset il fuq u lemħet għadd ta’ rġiel u nisa riesqa lejha. Asia
ma fhemitx x’ kien qiegħed jiġri. L-ilħna tal-folla bdew jgħidu: “Mewt
lin-Nisranija!” Lil Asia dawruha u bdew jagħtuha bl-addoċċ, kaxkruha sar-raħal,
sad-dar tal-Imam tar-raħal. Akkużawha inġustament u wara offrew lil Asia żewġ
possibiltajiet: jew tmut jew tikkonverti. Hija ma rieditx titlaq il-fidi tagħha
u ma ammettietx li b’ xi mod offendiet il-fidi Musulmana jew lill-Profeta
Mawmettu.
Ħabs u sentenza
Asia intefgħet il-ħabs u ingħatat is-sentenza tal-mewt
bit-tgħallieq. Il-Papa Benedettu XVI
kien appella għall-ħelsien ta’ Asia. “Illum – qal il-Papa fi Pjazza San Pietru
– nuri l-viċinanza spiritwali tiegħi mas-Sinjura Asia Bibi u l-qraba tagħha,
waqt li nitlob biex kemm jista’ jkun malajr tinħeles. F’dawn il-jiem id-dinja
qegħda ssegwi, bi preokkupazzjoni kbira, il-qagħda mwegħra tal-Insara
fil-Pakistan, li spiss qegħdin ikunu vittmi ta’ vjolenza u diskriminazzjoni”.
(17 ta’ Novembru 2010)
Il-każ ta’ Asia
ġera madwar id-dinja kollha u saru anke petizzjonijiet biex din tinħeles
mill-piena tal-mewt. Is-sentenza ingħatat imma għadha ma ġietx eswegwita. Int
tista’ titlob lill-awtoritajiet Pakistani jeħilsu lil Asia Bibi billi tiffirma
l-petizzjoni fuq:
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-28 ta' Awwissu 2013
Nessun commento:
Posta un commento