venerdì 6 settembre 2013

It-toroq kollha jwasslu fl-istess post

Fost il-kliem u termini Taljani li kelli nitgħallem u nifhem it-tifsira tagħhom, dan l-aħħar bdejt nisma’ l-kelma IMU. Staqsejt xi tfisser u qaluli li hija forma ta’ taxxa li jimponi il-Comune ta’ belt partikolari. Din it-taxxa ma tkunx tgħodd għal bliet oħra imma titħallas biss f’ dak il-Comune. Fil-fatt l-isem IMU ġej mill-kliem Imposta municipale propria. Hija taxxa li titħallas fuq il-propjetà immobili: djar, postijiet jew art. Ġewwa l-Belt ta’ Ruma sa issa kien hemm xi entitajiet li kienu eżentati milli jħallu din it-taxxa. Fost dawn l-entitajiet kien hemm il-Knisja li ma kienitx tħallas IMU fuq il-knejjes, oratorji, kunventi u skejjel. Il-Knisja kienet tħallas IMU fuq dawk id-djar ta’ akkoljenza, djar li fihom jilqgħu persuni bi ħlas, persuni li jmorru f’ postijiet tal-Knisja biex iqattgħu xi jiem bħala irtir jew għal-laqgħat. Dawn il-postijiet ħallsu l-IMU sa mil-bidu ta’ din it-taxxa.

Ħallas b’ħajtu
Ħabib tiegħi qalli li mhux sewwa ngħidu li l-Knisja ma għandiex tħallas IMU għax Kristu ħallas b’ ħajtu għalina lkoll. Ma nafx min ħareġ b’ din it-teorija, ngħid għalija kienet l-ewwel darba li smajtha, u fuq kollox ma għandiex x’ taqsam mal-argument. Każ fejn qed jiġu mħawdin ħlas ta’ flus ma’ ħlas spiritwali.

Issa l-Comune ta’ Ruma iddeċieda li anke l-Knisja tibda tħallas l-IMU fuq l-iskejjel tagħha. Qawl popolari jgħid li “t-toroq kollha jwasslu għal Ruma” u naħseb li dan huwa l-aktar qawl addattat għal din is-sitwazzjoni.

Soluzzjonijiet
Erġajt iltqajt ma’ dan il-ħabib u erġajna tkellimna dwar dan is-suġġett. Huwa jsostni li huwa sewwa li l-Knisja tħallas l-IMU u jien għidltu li għandu raġun, imma issa biex l-iskejjel tal-Knisja jħallsu l-IMU jkollhom jgħollu l-miżata. Dat-tali qarras wiċċu għax hu jmur f’università tal-Knisja.  Għidltu li jista jkun hemm soluzzjoni oħra; il-Knisja tagħlaq l-iskejjel tagħha u hekk ma tiżdiedx il-miżata. Malli għidtlu b’ din l-idea wiċċ dal-ħabib tqarras iktar minn qatt qabel. Huwa jaf tajjeb li jekk tagħlaq l-università li qiegħed fiha jkollu jmur f’ dik statali u jaf li hemmhekk mhux se jsib dak li jsib fejn qiegħed issa. Jaf li l-universitajiet tal-istat fl-Italja għandhom studenti aktar milli jifilħu u għalhekk il-livell huwa wieħed baxx ħdejn dak tal-universita li qiegħed fiha bħalissa. F’ universita statali ma jistax ikun hemm attenzjoni personali. Il-problema hija akbar milli wieħed jaħseb.

Problema
Nassuma li jingħalqu l-iskejjel tal-Knisja, skejjel tat-tfal żgħar, skejjel sekondarji u universitajiet, ħaġa li żgur mhux se ssir u żgur li ħadd minn ġewwa l-Knisja ma tgħaddilu minn rasu; jew dawk l-eluf ta’ studenti li jattendu dawn l-iskekejjel ma jkollhomx fejn jistudjaw jew inkella jkollhom jiddeffsu mal-istudenti tal-iskejjel l-oħra li diġa huma ffullatti. U jekk jagħlqu l-iskejjel tal-Knisja l-IMU ma titħallasx imma jkollha tinħoloq taxxa oħra biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ dawn l-istudenti li se jibdew imorru fl-iskejjel statali. Pruvajt infissirlu lil dan il-ħabib li tagħmel fik tagħmel il-piż xorta fuqu se jaqa’. Baqa’ jsostni li xorta mhux sewwa li l-Knisja ma tħallasx IMU. Fil-fatt din it-taxxa titħallas qiegħda.

Argument simili
Dan il-fatt fakkarni f’ fatt ieħor. Wieħed ħaddiem mar igorr mal-imgħallem tiegħu għax lil sieħbu kien tah iż-żieda u lilu le. L-imgħallem qallu li ma setax jagħti ż-żieda lilu wkoll, allura dal-ħaddiem talab lill-imgħallem inaqqas il-paga tal-ħaddiem l-ieħor.
Il-kwistjoni tal-IMU fuq l-iskejjel tal-Knisja ta’ Ruma tapplika sewwa l-qawl li semmejna fil-bidu. Jekk l-iskejjel tal-Knsija, li qegħdin jaqdu u jedukaw lill-ulied il-poplu, jibqgħu ma jħallsux IMU ikun hemm min igorr u jgħid li mhux sewwa, jekk jogħlew il-miżati ikun hemm oħrajn li jgħidu li ħaġa bħal din tkompli tigrava s-sitwazzjoni ekonomika preżenti, qagħda xejn pjaċevoli, fil-familji Taljani u jekk Imposta municipale propria  l-istudenti jew imorru fi skejjel statali jew jekk għandhom iktar minn 18-il sena jħallu l-istudju u jfittxu xogħol. U x-xogħol mhux faċli ssibu lanqas!

Toroq iwasslu fl-istess post
It-toroq kollha jwasslu għall-istess post, tagħmel kif tagħmel ċerta realtà ma tistax taħrabha. Dan huwa eżempju wieħed, imma fil-ħajja tagħna niltaqgħu ma’ din is-sitwazzjoni bosta drabi u rridu jew ma rridux ikollna naffaċċjaw din is-sitwazzjoni. Qawl Malti jgħid li kultant ikollok tbus l-id li tixtieq maqtugħha.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-5 ta' Settembru 2013

Nessun commento:

Posta un commento