Aħna l-Maltin
għandna qawl li spiss ngħiduh imma għandna mnejn ftit li xejn nifhmuh. Tassew
li kull bidu għandu t-tmiem tiegħu imma t-tmiem irid ifisser ukoll bidla.
It-tmiem ma jistax ikun bħall-bidu, kollox jinbidel, kollox jintemm.
Bħal film
Mistoqsija li
spiss jagħmel il-bniedem hija għalfejn teżisti l-mewt. Għalfejn il-bniedem ma
jibqax jgħix? Il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut. Hija mistoqsija li
bosta ħassieba ppruvaw jagħtu tweġiba għaliha. Frażi li nħobb nuża waqt l-omelija
tal-funerali hija din: Il-ħajja hija vjaġġ mhux destinazzjoni, għalija il-ħajja
hija bħal film: jibda, jirrakkonta storja imma f’ħin jew ieħor irid jintemm.
Tassew li t-tmiem ta’ ħajja ta’ bniedem tnikkitna bil-bosta iktar minn tmiem
ta’ film anke jekk il-film ibikki lil xi wħud minħabba l-istorja li jkun
irrakkonta. Darba wieħed professor
qalli li tarbija tat-twelid hija potenzjalment katavru. Tabilħaqq għax kull
katavru kien xi darba tarbija u kull tarbija trid tintemm f’ katavru xi darba.
Bdejt b’ argument naqra iebes, il-mewt, imma hija ħaġa li trid tmissna lkoll
kemm aħna llum jew għada.
Spiċċa s-sajf
Malli tgħaddi Santa Marija bosta jibdew jgħidu li s-sajf ikun wasal fi
tmiemu, li s-sajf ikun spiċċa. Tassew li tmiem dan l-istaġun ikun jonqsu aktar
minn xahar, imma billi issa anke t-temp jibda kultant jagħtina xi sorpriża,
allura moħħna jibda jitħejja għall-istaġun li jkun imiss. U din is-sena
sorpriża tajba tana t-temp fil-ġimgħa ta’ wara Santa Marija.
Bosta ħaddiema jkollhom il-vaganzi f’ nofs ix-xahar ta’ Awwissu. Ladarba
jispiċċaw dawn il-jiem u l-ħaddiema jerġgħu lura lejn il-postijiet tax-xogħol,
għalihom ikun spiċċa s-sajf. It-tfal tal-iskola wkoll wara l-jiem ta’ ġiri u
tgawdija iridu jibdew jaħsbu għal sena skolastika oħra. L-istudenti universitarji
wkoll jibdew iħejju rwieħhom sabiex ikomplu l-istudji tagħhom, dawk li jkunu
bdew xi xogħol fis-sajf, issa jkollhom iħalluh biex isibu posthom fl-awli
tal-università.
Kull mibdi mitmun, anke s-sajf jispiċċa u jgħaddu tliet staġuni oħra u jerġa
jiġi sajf ieħor, imma mhux l-istess wieħed, għax dan beda u ntemm.
Ma’ tmiem is-sajf jiġu wkoll fi tmiemhom il-ġranet f’ xatt il-baħar,
l-iljieli taħt il-kwiekeb tas-sena, jintemmu l-barbeques u jispiċċaw il-festi
tal-qaddisin li tant huma popolari ġewwa pajjiżna. Kien waqt il-festa ta’ San
Duminku tal-Birgu li nżilt fil-pjazza ta’ din il-belt. Iltqajt ma’ xi ħbieb
tiegħi li stednuni nidħol magħhom fil-Każin ta’ San Lawrenz biex nixorbu xi ħaġa. Barra
l-każin il-kliem waqa’ fuq kif kienet il-pjazza qabel il-gwerra. Isemma’
t-torri tal-arloġġ, intqal li triq il-Mina l-Kbira kienet idjaq milli hija
llum, li quddiem il-Każin ta’ fuq it-triq kienet ogħla milli hi llum, li l-bini
fil-ġenb tal-pjazza ma kienx jeżisti u li triq il-Kardinal kienet biss bini.
Stajt nilmaħ fuq wiċċ dawk li kienu jitkellmu bħal nostalġija, bħal dispjaċir
għal dak li spiċċa, għal dak li issa ntemm u jiġri x’ jiġri ma jerġax lura.
San Gejtanu
La l-kliem ġie fuq il-festi nixtieq insemmi fatt li ħasad lil bosta Maltin,
kemm dilettanti tal-festi kif ukoll dawk li ma humiex. Nafu x’ digrazzja kienet
sejra sseħħ fil-Ħamrun fil-festa ta’ San Gejtanu ta’ din is-sena. Kieku l-vara
tal-qaddis ma sabitx idejn pronti li jżommuha kienet tispiċċa frak. Tassew li
kull mibdi mitmum, imma ejjew nevitaw li oġġett jintemm qabel il-waqt! Jien
minix mill-Ħamrun u għalhekk ma għandu l-ebda dritt nissuġġerixxi, immaqdar jew
infaħħar. Imma kieku seħħet disgrazzja kien jiddispjaċini għall-mewt minkejja
li minix Ħamruniż għax opra ta’ Karlu Darmanin illum ma tistax terġa’ issir. Attenti
ħbieb!
Waħda mill-poeżija li konna nistudjaw fl-ewwel klassi tas-sekondarja kienet
dik ta’ Dun Karm Psaila bl-isem “Int Alla Ħanin”. L-ewwel vers ta’ din
il-poeżija jgħid “Bla bidu, Bla tmiem”. Ta’ tfal żgħar konna
nitgħallmul-poeżija bl-amment sabiex jekk toħroġ fl-eżami nkunu nafuha.
Minkejja li l-għalliem kien jipprova jfisser il-ħsieb tal-poeżija, il-moħħ kien
ikun għadu tari wisq biex jifhem il-bidu u t-tmiem. Kellhom jgħaddu bosta snin
biex fhimt li kull mibdi mitmum, kull ħaġa li tkun maħluqa trid tasal f’ punt
li tisipċċa. Imma Alla le. Alla la għandu bidu u lanqas għandu tmiem. Moħħ
l-ebda bniedem ma jista’ jifhem dil-ħaġa. Kieku Alla kellu bidu kien ikun
magħmul minn xi ħadd ieħor u għalhekk ma kien ikun Alla xejn. Kieku Alla
jispiċċa ma kien ikun Alla xejn. F’ dan il-każ il-qawl Malti ma jgħoddx għax ma
hemmx bidu u għalhekk ma jistax ikun hemm tmiem. Imma
ejjew inħallu dawn it-temi f’ idejn it-teoloġi.
Kull mibdi
mitmum, kull jum jisbaħ biex wara li jgħaddi jħalli post għal-lejl, il-lejl
jintemm u jagħmel wisa’ għall-jum tal-għada, mhux l-istess jum tal-bieraħ imma
jum ġdid għal kollox. Hekk kollox fid-dinja, u aħna kuljum nintemmu u ninbidlu.
L-importanti li ninbidlu għall-aħjar.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-19 ta' Settembru 2013
Nessun commento:
Posta un commento