giovedì 12 settembre 2013

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed, dinja fejn ma jeżistux ilwien. Immaġinaw x’ montonija jkollna f’ ħajjitna. La jkun jeżisti tlugħ ix-xemx imlewwen, lanqas inżulha bis-seher kollu u l-ispettaklu li kultant joffri. Lanqas inkunu nistgħu ngawdu l-ikħal tas-sema, l-ilwien tal-fjuri, il-lewn fiddien tal-ilma – xejn. Kemm jagħmlulna ħajjitna aktar interessanti u isbaħ il-kuluri. Dawn l-ilwien daħlu wkoll fil-ħajja tagħna u kultant tant inkunu drajniehom li lanqas nintebħu x’ rwol għandhom fil-ħajja.


Il-kulur politiku
Dan huwa lewn li jintgħażel biex jirrapreżenta partit politiku jew ideoloġija. L-aħmar huwa assoċjat ma’ partiti b’ tendenzi xellugin filwaqt li l-blu huwa marbut ma’ partiti konservattivi. Ma’ dawn insibu wkoll l-aħdar li jirrapreżenta lill-partiti ambjentalisti. Dawn ħadu anke l-isem ta’ “l-ħodor”. Din ma hijiex xi regola internazzjonali li ma tistax tinbidel u fis-sewwa insibu postijiet fejn ma jimxux magħha. Per eżempju fl-Amerika il-blu skur kien assoċjat mal-partit konservattiv Repubblikan imma mis-sena 2000 bdejna narawh marbut mal-partit Demokratiku. L-iswed huwa marbut mal-kleru minħabba l-kulur tas-suttana tal-qassisin. Dan il-kulur huwa wkoll marbut mal-faxxisti. Fl-Italja ta’ Mussolini it-tfal u ż-żgħazagħ tal-Balila (organizazzjoni jew moviment tip ta’ Scouts) kienu jilbsu qmis sewda. In-Nażisti kellhom il-lewn kannella marbut mal-klassi tal-ħaddiema tagħhom. Il-partiti liberali aktarx jagħżlu il-kulur isfar jew iċ-ċelest. L-aranġo huwa marbut mal-partiti Umanisti u kultant insibuh ukoll fil-partiti Demokristjani. L-isfar huwa wkoll assoċjat mal-Lhud. Dan it-timbru ingħata lil-Lhud wara l-olokawst, fejn huma kienu jridu jġorru mustaxija b’trijanglu isfar. Il-kulur abjad huwa marbut mal-paċifisti.

Timijiet tal-futbol
Bla dubju l-futbol huwa l-katar sport popolari magħna l-Maltin u ma’ bosta popli oħra madwar id-dinja. Anke f’ dan il-qasam l-ilwien jilgħabu parti importanti. Bosta drabi il-kummentaturi jindirizzaw lit-timijiet bl-ilwien tagħom meta jkun qegħdin jikkumentaw xi partita. Innutaw il-kummentaturi Taljani, lill-Juventus spiss isejħulhom bianconeri jew lill-Milan rossoneri. L-istess jagħmlu s-supporters. Kemm-il darba nisimgħu għajat bħal “Come on Whites”, Reds jew Yellows. Illum il-flokkijiet bil-kuluri tat-tim favorit tagħna sar ukoll parti mill-gwardarobba tagħna u spiss nilbsuhom mhux biex immorru l-ground biss.

Bnadar nazzjonali
Madwar id-dinja hawn 196 stat rikonoxxut mill-komunità internazzjonali[1]. Kull stat għandu l-bandiera tiegħu bl-ilwien propji tiegħu. Jeżistu bnadar li jixxiebħu bħal ngħidu aħna tal-Prinċipat ta’ Monaco, tal-Indoneżja u dik tal-Polonja. L-ewwel tnejn huma identiċi, faxxa ħamra fuq u faxxa bajda isfel filwaqt li dik Polakka l-abjad huwa fuq u l-aħmar isfel. L-aktar kuluri li nsibu fil-bnadar tal-istati tad-dinja huwa l-abjad l-aħmar u l-blu. Insibu 30 bandiera li fihom dawn il-kuluri. Wara hemm 16-il bandiera li fihom l-ilwien abjad u aħmar, fosthom dik ta’ pajjiżna. Jekk nieħdu l-kuluri wieħed wieħed insibu l-aħmar f’ 148 bandiera, l-abjad jinstab f’ 140 bandiera filwaqt li l-ikħal insibuh f’ 102 bnadar. Kważi 40% tal-bnadar fihom tliet kuluri filwaqt li 23% fihom erba’ lwien u 22% fihom żewġ kuluri. Hemm imbagħad bnadar b’ aktar ilwien. Sas-sena 2011 konna nsibu bandiera b’ kulur wieħed. Il-Libja kellha bandiera kollha kemm hi ħadra. Din kienet l-unika bandiera b’ lewn wieħed[2].

Fidi u festi
Meta it-trade unions ma kienux jeżistu, ħaddiema tal-istess mestier kienu jingħaqdu biex ikunu ta’ għajnuna lill-xulxin f’ każ ta’ ħtieġa. Dawn kienu jiffurmaw fratellanza fil-parroċċa tagħhom taħt il-patroċinju ta’ xi qaddis jew ieħor. Hekk ngħidu li l-mastrudaxxi kienu jidħlu fil-fratellanza ta’ San Ġużepp u kulħadd skont is-sengħa tiegħu. Dawn kienu jieħdu sehem ukoll f’ xi funzjonijiet reliġjużi billi jilbsu l-konfratija u l-muzzetta. Il-muzzetta tkun ta’ xi lewn skont il-fratellanza. La semmejna lil San Ġużepp tajjeb ngħidu li ġeneralment il-fratelli tiegħu ikollhom muzetta blu, dawk fil-fratellanza tas-sagrament ikollhom muzzetta ħamra u dawk fil-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju muzetta bajda. Hemm fratellanzi oħra b’ muzzetti jew kulur ieħor, bħall-aħdar, il-vjola jew l-iswed jew b’ dawn il-kuluri imma li jappartjenu għal xi qaddis ieħor.

La qegħdin insemmu l-qaddisin u l-Knisja tajjeb niftakru li kull każin tal-banda għandu lewn marbut miegħu. L-aktar kuluri popolari huma l-aħmar u l-blu imma nsibu wkoll l-aħdar, l-isfar, l-abjad kif ukoll l-iswed. Kull wieħed minn dawn il-kuluri jagħti identità lil dak il-każin jew lil dik il-festa. U nibqgħu fuq il-Knisja, din ukoll għandha l-lwien liturġiċi tagħha li tużahom skont iż-żmien liturġiku tas--sena, abjad, vjola, aħmar u aħdar. Hemm ukoll ir-roża li jintuża biss darbtejn fis-sena u jista’ wkoll jintuża l-vjola minfloku.

Kemm ilwien hemm fil-ħajja tagħna, kemm ifissru ħwejjeġ dawn l-ilwien. Kemm kienet tkun differenti, kemm keinet tkun monotona l-ħajja kieku ma kienux jeżistu l-kuluri fid-dinja.

Fr Reno Muscat OP


[1] Atlante Geografico De Agostini", De Agostini, Novara; "Dizionario enciclopedico geografico", Dorling Kindersley, Londra
[2] http://www.crwflags.com/fotw/flags/xf-csts.html


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-12 ta' Settembru 2013













Nessun commento:

Posta un commento