Visualizzazione post con etichetta turkija. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta turkija. Mostra tutti i post

sabato 15 luglio 2023

ĊIRASA

 

Aħna l-Maltin għandna l-qawl li jgħid li l-kliem huwa bħaċ-ċirasa. Kulħadd jaf x’inhi ċ-ċirasa imma nemmen li mhux kulħadd jaf għalfejn inħoloq dan il-qawl. Ħafna drabi l-frotta taċ-ċirasa tkun f’pari, tnejn tnejn, iz-zokk ta’ waħda jkun magħqud ma’ zokk ta’ ċirasa oħra jew ta’ oħrajn għax ġieli jkun hemm aktar minn żewġ ċirasiet flimkien. Għalhekk missirijeitna ħolqu dan il-qawl għax il-kliem bħaċ-ċirasa, meta tiġbed waħda tiġi t-tieni waħda magħha, sewwasew bħall-kliem, tibda titkellem u bla ma tkun taf kif, tispiċċa b’taħdita twila li fl-aħħar tibda tgħid: “imma kif wasalt f’dan l-argument meta bdejt nitkellem fuq xi ħaġa li ma għandha xejn x’taqsam?” Hekk, għax il-kliem bħaċ-ċirasa, tibda b’waħda u tiġi l-oħra magħha. Jien ngħid ukoll li billi din hija frotta tajba ħafna, meta tibda tnaqqar ma tkunx tista’ tieqaf! Intant illum ma rridx nintilef nikteb dwar il-kliem jew il-qwiel imma nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar din il-frotta bnina li nsibu fix-xhur tal-bidu tas-sajf.

Isem

L-isem ta’ din il-frotta ġej direttament mil-Latin Vulgari ceresia. Min-naħa tiegħu, it-terminu Latin ġej mill-Grieg κέρασος ( kérasos ), li ġej mill-belt ta’ Cerasunte f’Pontus, belt li llum tinsab fit-Turkija li minnha, skont Plinju x-Xiħ, kittieb Ruman tal-ewwel seklu,  ġew importati lejn Ruma, fis-sena 72 qabel Kristu, l-ewwel siġar taċ-ċirasa. Mill-kelma Latina cerasia tnissel isem din il-frotta f’diversi ilsna fosthom il-Portugiż li jsejħulha cereja, il-Franċiż li jgħidilha cerise, fl-Ispanjol il-kelma ssir cereza filwaqt li fir-Rumen din hija cireașă. It-Taljani jsejħulha ciliega imma f’xi reġjuni għandha isem ieħor, bħal f’Napli fejn isejħulha cerasa u fi Sqallija li isem dil-frotta hija cirasa li minnha ħadna l-isem aħna l-Maltin u bħall-ġirien tagħna nsejħulha ċirasa. Fl-Ingliż għad li baqgħu l-għeruq Latini varja ftit l-isem, imma cherry ġejja wkoll minn ceresia.

Ġbir il-frott

Il-ħsad, jew aħjar il-ġbir taċ-ċirasa f'ħafna każijiet isir lejn tmiem ix-xahar ta’ Ġunju. Fl-24 ta' Ġunju, il-festa ta' San Ġwann Battista huwa meqjuż ma’ ħafna bdiewa bħala l-jum li fih għandu jibda l-ġbir taċ-ċirasa, biss din bħal kollox, mhux f’kull post il-frotta tilħaq timmatura fl-istess żmien. Anke f’pajjiżna, ċerti prodotti tar-raba’ li jitkabbru lejn il-Lvant ta’ Malta jilħqu qabel l-istess prodott miżugħ fil-punent ta’ din il-gżira ċkejkna tagħna aħseb u ara f’pajjiżi kbar fejn is-siġar taċ-ċirasa huma abbundanti. Hemm ukoll varjetajiet ta’ ċirasa li jimmaturaw aktar tard, bħal ngħidu aħna ċ-ċirasa ta’ San Ġakbu li, kif juri l-isem, timmatura bejn wieħed u ieħor fil-25 ta’ Lulju, preċiżament nhar San Ġakbu l-Kbir.

Din il-frotta tikber abbundanti fit-Turkija, li wara kollox hija l-art minn fejn  inġiebu l-ewwel siġar taċ-ċirasa fl-Oċċident. Hawn ikunu prodotti madwar 640,000 tunellata ta’ ċirasa fis-sena. Din il-frotta u s-siġar tagħha kienu ntrodotti fil-kontinent Amerikan mill-Ewropej u llum l-Istati Uniti hija t-tieni l-akbar produttur taċ-ċirasa fid-dinja. Pajjiżi tal-baħar Mediterran bħal Spanja, il-Greċja u l-Italja wkoll għandhom abundanza ta’ din il-frotta. F’pajjiżna mhux daqstant komuni.

Is-Siġra

Is-siġra taċ-ċirasa hija relattivament siġra kbira u l-frott tagħha huwa ċkejken meta mqabbel mad-daqs tas-siġra. Pereżempju siġra tal-larinġ hija ħafna iżgaħr minn waħda taċ-ċirasa imma mbagħad larinġa hija ħafna akbar minn ċirasa. Il-frott ħafna drabi jkun abbundanti. Niftakar darba kont f’raħal fuq il-muntanji qrib Avellino l-Italja. Kont mistieden għand familja biex nagħmlu barbeque. Din il-familja kellha siġra taċ-ċirasa fl-art tagħha. Qaluli biex naqta’ u niekol. Obdejt. Taqta’ kemm taqta’ qisu ma jispiċċa qatt il-frott. Konna xi sitta minn nies naqtgħu nimsħu b’idejna l-frott u nieklu. U tabilħaqq li ċ-ċirasa bħall-kliem, waħda tieħdok għal oħra!

Minbarra l-frott bnin tagħha, is-siġra toffri wkoll injam sabiħ għall-għamara. Ħaġa oħra li tajjeb wieħed ikun jaf hu li din il-frotta ma fihiex xaħam u ftit li xejn fiha zokkor filwaqt li hija sors ta’ vitamini A u C, potassju u fosfru. Madwar 80% tal-frotta hija ilma.

Iċ-ċirasa tajba ħafna tittiekel bħala deżerta imma l-istaġun li nsibuha huwa qasir għalhekk insibu bosta prodotti tagħha bħal ġammijiet u kremi. Il-frott frisk huwa dejjem l-aħjar imma meta ma ssibx tinqeda b’dak li ssib. Iċ-ċirasa tkun ukoll proċessata u karamellizzata biex tintuża ma’ frott niexef ieħor f’kejkijiet jew ħelu ieħor. Pereżempju Sqallija, fejn il-frotta taċ-ċirasa ssibha f’ammonti kbar, fit-truf tal-kannoli, ħelu marbut ma’ Sqallija wkoll, spiss titpoġġa ċirasa karamellizzata jew xi biċċa konfettura.

Iċ-ċirasa jgħidu li aktar ma tkun skura aktar tkun tajba, fil-fatt il-bejjiegħa Maltin taċ-ċirasa tal-imgħoddi kienu jgħajtu din l-għajta: “Kemm hi sewda ta’ Catania!”

Illum iddeċidejt li ndewqek ftit mit-tjubija ta’ din il-frotta ċkejkna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Lulju 2023



sabato 20 novembre 2021

Istanbul - Belt f’dinja differenti

 

Wara bosta xhur imsakkrin fi gżiritna minħabba l-pandemija li ħakmet lid-dinja aktar minn għoxrin xahar ilu, issa bdejna nippruvaw nerġgħu lura għan-normal – insomma il-kelma ġġib hekk “normal” għax għadna ’l bogħod ħafna biex inkunu nistgħu ngħidu li għadda kollox u l-imxija tal-Covid 19 tkun ħaġa tal-imgħoddi. Biex nippruvaw naqbdu r-rutina ta’ qabel erġajna bdejna nippjanaw xi safra.

Destinazzjoni li kull ma jmur qed issir aktar popolari magħna l-Maltin hija t-Turkija. Sagħtejn u nofs titjira u minn din il-gżira ċkejkna ssib ruħek f’pajjiż enormi, pajjiż li fih jgħixu aktar minn 85 miljun ruħ, art li fiha aktar minn seba’ mija u tmenin elf kilometru kwadru. It-Turkija tinfirex bejn żewġ kontinenti, il-parti l-kbira fl-Asja u biċċa żgħira fl-Ewropa. Minkejja li ma hijiex il-Belt Kapitali, Istanbul hija l-aktar belt popolata f’dan in-nazzjon enormi. Huwa propju Istanbul li jifred l-Ewropa mill-Asja. Fil-fatt din il-belt għandha parti f’kontinent u parti oħra f’kontinent ieħor, belt li jifridha xiber baħar li jgħaqqad il-Baħar l-Iswed mal-Baħar Marmara.

Farka storja

L-ewwel abitanti ta’ Istanbul imorru lura għat-tieni millenju qabel Kristu. Dawn kienu joqgħodu fuq in-naħa Asjatika tal-belt. L-ewwel isem tagħha ġej mir-Re Byzas li għall-ħabta ts-seklu sebgħa qabel Kristu kien waqqaf hemmhekk kolonja bl-isem ta’ Biżanzju (Byzantium). Fis-sitt seklu qabel Kristu l-Persjani ħakmu l-belt u wara Alessandru l-Kbir ħadha f’idejh fis-seklu erbgħa qabel Kristu. Għal żewġ sekli sħaħ f’Biżanzju rrennja s-sliem. Fis-sena 193 wara Kristu l-Imperatur Ruman Septimus Severu rebaħ il-belt u baqgħet taħt il-ħakma Rumana sas-seklu erbgħa meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir għamel Biżanzju l-kapitali tal-Imperu Ruman kollu u taha ismu: Kostantinopli. Wara l-ħames seklu l-Imperu Ruman tal-Lvant kien beda jissejjaħ Biżantin. Il-belt inbniet fuq seba’ għoljiet, sewwasew bħal Ruma. L-Imperaturi Biżantini sebbħu u għanew lil din il-belt b’kull xorta ta’ teżori. Kien hemm żmien ta’ sliem u żmien ta’ nkwiet. Fil-fatt fis-sena 532 din il-belt ġiet meqruda imma nbniet mill-ġdid.

L-istorja ta’ din il-belt minn dak iż-żmien kienet waħda mqallba sewwa. Bejn assedji mill-Għarab, ġlied u kruċjati tellfu bosta minn dak li darba kienet tippossedi Kostantinopli. It-Torok Ottomani mmexxija mis-Sultan Mehmet II rebħu Kostantinopli fl-1453. Il-belt ġiet imsemmija mill-ġdid, din id-darba Islambol u saret il-belt kapitali tal-Imperu Ottoman. Bejn is-sekli 15 u s-16, is-Slaten Ottomani bnew ħafna moskeji u bini pubbliku, u għal darb oħra l-popolazzjoni tal-belt laħqet madwar nofs miljun ruħ.  Sa nofs l-1500, Istanbul kienet ċentru kulturali, politiku u kummerċjali ewlieni tal-Imperu kollu. Il-ħakma Ottomana damet sal-Ewwel Gwerra Dinjija meta Istanbul kienet okkupata mit-truppi tal-alleati. Wara snin ta' taqbid, twieldet ir-Repubblika tat-Turkija fl-1923 u l-kapitali ma baqgħetx Istanbul imma Ankara.

Santa Sofija

Ma tistax titkellem dwar Istanbul u ma ssemmix l-aktar bini famuż li nsibu f’din il-belt. Bosta minna nsejħulha Santa Sofija imma aktar magħrufha bħala Hagia Sophia li wara kollox għandha l-istess tifsira – L-Għerf Qaddis. L-ewwel knisja mibnija fil-post kienet magħrufa bħala Magna Eclesia – il-knisja l-kbira u kienet mibnija mill-Imperatur Kostantinu. Mibnija mill-ġdid bejn is-snin 532 u 537 bħala l-katidral patrijarkali tal-kapitali imperjali ta’ Kostantinopli. Din kienet l-akbar knisja Kristjana tal-Imperu Ruman tal-Lvant jew aħjar l-Imperu Biżantin kif ukoll tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Fl-1453, wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn l-Imperu Ottoman, din il-knisja nbidlet f’moskea. Fl-1935, taħt id-direzzjoni ta’ Mustafa Kemal Atatürk, ir-Repubblika sekulari tat-Turkija bdiet tużaha bħala mużew. Fl-2020, taħt id-direzzjoni ta’ Recep Tayyip Erdoğan, reġgħet infetħet bħala moskea.

X’tara

Ma jistax jonqos li f’belt bħal din hemm bosta u bosta x’wieħed jara. Billi din il-belt tgħaqqad il-Lvant mal-Punent għandna mnejn naħsbu li hija belt orjentali. Tassew li hija hekk biss hija wkoll belt moderna li fiha ssib kollox, dak kollu li ssib fi bliet Ewropej kbar imħalltin ma’ dak li ssib fi bliet Orjentali. Għalhekk din hija belt unika, belt f’dinja oħra!

Wieħed jista’ jmur dawra b’lanċa max-xatt ta’ din il-belt. Filgħaxija dan il-vjaġġ ikun isbaħ għax tidher il-belt mixgħulha. Wieħed jista’ jieħu dawra fuq lanċa li fuqha jkollha l-ikel u l-ispettaklu. Hawn wieħed ikun jista’ jara żfin Tork fosthom minn xi belly dancer. Wieħed jista’ jżur il-Grand Bazaar fejn isib jixtri minn kollox. Attenti għax ladarba tidħol f’dan is-suq faċli ħafna tintilef fih, mhux biss tintilef tixtri imma ma ssibx minn fejn tkun dħalt. Wieħed jista’ wkoll iżur suq ieħor, is-suq tal-ħwawar. Hemm ukoll bosta moskeji li wieħed jista’ jżur kif ukoll knejjes sbieħ li mhux ta’ min ma jittawwalx naqra fihom.

Ma dan kollu hemm il-kċina Torka li hija tajba ħafna. Illum f’Istanbul issib tiekol minn kollox imma dnub tkun hemmhekk u ma tiekolx ikel Tork. Il-kebab huwa l-aktar ikel Tork magħruf magħna imma dan mhux biss. Hemm ikel ieħor li tabilħaqq jinżillek għasel.

Naħseb issa ndunajtu għalfejn dan l-artiklu semmejtu Istanbul- belt f’dinja differenti għax tabilħaqq hija hekk.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Novembru 2021