Visualizzazione post con etichetta telefon. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta telefon. Mostra tutti i post

venerdì 8 novembre 2024

Spiċċaw għal kollox . . jew kważi

 M’ilux rajt ritratt antik ta’ post f’Malta fejn fuq il-bjut tad-djar kien mimli antenni tat-televixin. Dlonk ġie f’moħħi kemm hwejjeġ spiċċaw minn fostna f’nofs seklu. Għall-istorja ġamsin sena ma humux wisq imma fil-ħajja ta’ individwu huma ammont sostanzjali ta’ żmien li fih wieħed ikun jista’ jara bosta tibdiliet.

Minn fuq il-bejt għal isfel

Nerġa’ nsemmi l-antenni ta’ fuq il-bejt. Illum biex tara wieħed irid ikun fuq xi dar antika. Fis-snin sebgħin kienet ħaġa normali. Tassew li kienu jkerrħu l-ambjent tar-raħal Malti imma llum minflok arbli tat-televixin għandna wires ma’ kullimkien, ħafna drabi mgħoddijin bl-addoċċ li personalment narahom agħar mill-ariels ta’ fuq il-bjut. Intant, l-antenna tat-televizjoni kienet teżisti biex wieħed ikun jista’ jara l-istazzjonijiet televiżivi. Mela ninżlu minn fuq il-bejt u nidħlu ġewwa. Nofs seklu ilu ħafna kienu dawk li kellhom televiżjoni. Tabilħaqq mhux kulħadd, imma ejjew ngħidu li l-maġġoranza tal-Maltin kellhom wieħed. U meta ngħid wieħed tabilħaqq ifisser wieħed. Mhux bħal-lum, fejn f’dar aktarx issib aktar televiżjonijiet milli membri tal-familja. Id-daqs tat-televiżjoni kien differenti minn dak tal-lum. Kaxxa kbira, bla remote control u biex tqableb minn stazzjon għal ieħor trid tqum minn fejn tkun u tmur tagħfas buttuna. L-istampa ma kinitx bil-kulur bħal tal-lum imma abjad u iswed. U xi ngħidu għall-istazzjonijiet. Konna naraw tliet stazzjonijeit kollox, il-Malti, ir-Rai 1 u Rai 2 li kulħadd kien isejjaħ is-“Secondo”. U kien hemm settijiet tat-televiżjoni li ma kinux jaqbduh is-secondo. Programmi ma kienx ikun hemm il-ġurnata kollha. Television Malta kien jibda fis-6 ta’ filgħaxija u forsi jagħmel sal-11 jew l-aktar l-aktar nofsillejl. Jibda bl-aħbarijiet fil-qosor u wara jkun hemm il-programmi għat-tfal. Fit-8.00pm l-aħbarijiet u wara jkomplu l-programmi b’xi film jew serie. Ħaġa oħra li ntemmet minn fuq it-televiżjoni hija l-announcer. Ħamsin sena ilu kien ikun hem tfajliet li jħabbru xi jkun imiss jintwera.

Kien hawn xi aġenti tat-televiżjonijiet li meta wieħed kien jixtri televiżjoni kien jingħata xi rigal miegħu. Wieħed minn dawn l-aġenti kien jagħti gondola żgħira. Allura kull min kien ikollu televiżjoni ta’ din id-ditta kien ikollu waħda minn dawn il-gondoli.

It-telefon

Għalkemm it-telefon bil-wire ma spiċċax għal kollox minn djarna, nistgħu ngħidu li żmienu għadda u postu ħadu l-mobile. Fis-snin sebgħin ftit kienu dawk li kellhom telefon id-dar imma ftit ftit kienu bdew jiżdiedu. Biex wieħed jagħmel telfonata kien aktarx ikolu jmur f’ġabina tat-telefon pubbliku, li minnhom konna nsibu f’kull belt u raħal. Illum telefon pubbliku ma għadux jintuża u t-telefon fid-djar qiegħed agonija. Mat-telefon konna naraw id-direttorju, bin-numri tat-telefon ta’ min kellu dan is-servizz. Id-diretorju spiċċa għal kollox. Ħamsin sena ilu s-sistema telefonika kienet differenti għal kollox minn dik li għandna llum. Kien hemm każi fejn biex iċċempel lil xi ħadd l-ewwel kien iwieġbek l-operator u inti tgħidlu n-numru li tkun trid u jqabbdek hu. X’differenza mil-lum! Spiċċaw ukoll it-telefons li biex iċċempel minnhom kellhom rota li tiddawwar skont in-numru li trid. Dawn kienu ħadulhom posthom settijiet tat-telefon bil-buttuni tan-numri.

Ir-Rediffusion

Sas-snin li qed insemmu kien jeżisti r-Rediffusion minflok ir-radju. Dan kien ikun il-kumpanija għal bosta nisa tad-dar matul il-ġurnata. Darba fix-xahar kien jiġi impjegat tal-kumpanija jiġbor il-kera ta’ dan is-servizz. Kien hem żewġ stazzjonijiet fuq ir-Rediffusion, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż. Ir-radju ħa post dan is-servizz li llum spiċċa għal kollox.


Għall-mużika

Ftit ftit bdejna nsibu l-cassette player biex nisimgħu l-mużika. Kien hawn min isejjaħ dawn il-casettes bħala “żigarella” għax fil-verità il-cassette kien ikun fih żigarella li fuqha tkun irreġistrata l-mużika jew il-kliem. Il-gwaj kien mea din iż-żigarella kienet tinqata’ jew titgħaqqad. Konna ndaħħlu lapes fit-toqba tal-cassette u nippruvaw nerġgħu nkebbu ż-żigarella f’postha. Mhux dejjem kien jirnexxielna. Id-diski tal-plastik, li llum qed jerġgħu jsiru popolari, kienu jiswew ħafna aktar mill-casette u għalhekk iż-żigarella saret popolari ħafna sakemm il-compact disk ħa post il-casette player.

U la qed insemmu l-mużika, kif nistgħu ma nsemmux il-kanzunetti sbieħ li kienu joħroġu dak iż-żmien. Mhux qed nirreferi għal diski Amerikani, Ingliżi jew taljani biss, imma anke diski Maltin li ħarġu nofs seklu ilu u għadhom popolari sal-lum

Kemm inbidlet id*dinja f’nofs seklu! Ħafna mill-oġġetti li trabbejna bihom aħna, uliedna u wlied uliedna lanqas biss jafu bihom. Kienet ħajja differenti li llum bil-progress li sar meitu mewta naturali jew waslu iex imutu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2024






sabato 27 aprile 2024

It-telefon

Apparat li llum il-ġurnata kulħadd għandu huwa t-telefon. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu dan l-apparat, jew aħjar l-antenat tiegħu, kien meqjus bħala xi ħaġa ta’ lussu. Bil-mod il-mod beda jidħol aktar fi djarna sakemm illum kulħadd, jew nistgħu ngħidu l-maġġoranza kbira tal-poplu, għandu telefon personali, dak li nsejħulu l-mobile.

Alexander Graham Bell

Alexander Graham Bell
Qabel l-invenzjoni tat-telefon kien jeżisti apparat mekkaniku għat-trażmissjoni tad-diskors u l-mużika fuq distanza akbar minn dik tad-diskors dirett normali. Iżda nistgħu ngħidu li t-twelid tat-telefonija nafuha lil Alexander Graham Bell.

Bell twieled f'Edinburgh il-belt kapitali tal-Iskozja nhar it-3 ta' Marzu, 1847. Id-dar tal-familja Bell kienet f'South Charlotte Street, dar li sal-lum għandna naraw magħha skrizzjoni tal-ġebel li timmarkaha bħala l-post fejn twieldet missier it-telefon. Alexander kellu żewġ ħutu: Melville James Bell (1845–1870) u Edward Charles Bell (1848–1867). Missieru kien Alexander Melville Bell u ommu kienet Eliza Grace Bell née Symonds.  Missieru kien tabib li jispeċjalizza fis-smieħ. Isem l-iben kien biss "Alexander Bell" imma fl-età ta' 10 snin huwa għamel talba lil missieru biex ikollu isem tan-nofs bħaż-żewġ ħutu. Għal għeluq il-11-il sena tiegħu, missieru aċċetta u ħallieh jadotta l-isem "Graham", magħżul b'rispett lejn Alexander Graham, Kanadiż li kien pazjent ta’ missieru u li kien sar ħabib tal-familja. Madanakollu fost il-qraba u l-ħbieb tiegħu huwa baqa’ dejjem jissejjaħ "Aleck". Sa mill-ewwel snin tiegħu, Bell wera natura sensittiva u talent għall-arti, il-poeżija u l-mużika li kien imħeġġeġ fiha minn ommu. Bla ebda taħriġ formali, ħadem  pjanu u sar il-pjanista tal-familja. Bħala tifel żgħir, Bell, bħal ħutu, irċieva l-ewwel tagħlim tiegħu d-dar mingħand missieru. F’età żgħira, kien irreġistrat fir-Royal High School  ta’ Edinburgh, li ħalla fl-età ta’ 15-il sena. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem, fosthom li huwa kkoppja, jew seraq l-idea tat-telefon. L-ewwel konverżazzjoni telefonika bidirezzjonali, jiġifieri li żewġ bnedmin jitkellmu u jisimgħu fl-istess waqt, fuq linja seħħet bejn Cambridge u Boston, distanza ta’ ftit aktar minn 3 kilometri fid-9 ta’ Ottubru, 1876. Sal-1904, fl-Istati Uniti kienu jeżistu aktar minn tliet miljun telefon.

Il-gabbana tat-telefon

Illum lanqas timmaġinak li tmur tagħmel telefonata minn telefon pubbliku, biss dan kien il-mezz li bih konna nikkomunikaw fi tfulitna qabel ma kellna t-telefon id-dar. Il-kaxxi jew gabini tat-telefon pubbliku kienu introdotti fir-Renju Unit fl-1852. Ma kienx it-telefon li nafu bih illum. Billi Malta kienet kolonja tal-Ingliżi, dan l-apparat ma damx wisq ma wasal fostna. Fl-1862 kienu mwaħħlin gabbani tat-telefon f’xi għases tal-pulizija ta’ Malta. Maż-żmien dawn il-gabbani bdew jiżdiedu u saru komuni f’kull belt u raħal tagħna. Dawn il-gabbani kien ikollhom il-kuruna rjali fuq il-faċċata tagħhom u fl-1975 bil-għan li titnaqqas ir-rabta kolonjali minn Malta, xi wħud minn dawn il-kuruni ġew imneħħijin. X’ħasra! Ara l-isorja jistax iħassarha xi ħadd! Kien hemm żmien li l-gabini tat-telefon inżebgħu blu u kien hemm żmien ukoll li bdew jitneħħew u jsiru oħrajn minnflokhom tal-ġebel jew tal-aluminium. Kien hemm minn dawn il-gabbani li tneħħew għal kollox, u llum min jaf fejn sabu posthom. Imnalla li sar intervent f’waqtu u dawn il-gabbani ġew protetti għax kieku naħseb li lanqas waħda ma fadal. Illum madwar Malta u Għawdex fadal 68 gabbana tat-telefon tal-ħadid fondud, aħjar mix-xejn!

Aktar qrib tagħna

Biż-żmien bdejna nsibu t-telefon fid-dar. Niftakar li l-ewwel telefon fit-triq tagħna kienet daħħlitu n-nanna. Biex inċemplu liz-ziju li kien joqgħod Raħal Ġdid konna l-ewwel naqbdu mal-operator u mbagħad ngħidulu n-numru li rridu u hu jqabbadna. Biex inċemplu barra minn Malta konna nibbukjaw telefonata. Konna niftakru n-numri tat-telefon tagħna u tal-ħbieb u tal-qraba. Illum bil-mobile hawn min lanqas in-numru tiegħu stess ma jiftakar. Is-set tat-telefon kien ikollu rota bin-numri u ddawwar in-numru li trid. Aktar tard is-settijiet inbidlu u saru bil-buttuni tan-numri. X’differenza mil-lum!

Il-mobile

U llum għandna l-mobile li bażikament huwa telefon imma nużawh għal elf ħaġa oħra u aktarx li l-inqas li nużawh huwa biex nagħmlu xi telefonata. Nużawh għar-ritratti, nibgħatu l-messaġġi, niktbu l-appuntamenti fuqu, naraw l-emails li jaslulna u nirrisponduhom u nsomma elf ħaġa oħra bla ma forsi nintebħu li dak l-apparat prinċipalment huwa apparat biex titkellem u tisma’ lil min ikellmek minnu. Mur ġib lil Alexander Graham Bell jara l-apparat li tant ħadem fuqu kemm evolva u kemm inbidel!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2024




sabato 12 agosto 2023

Rajt id-dinja tinbidel

 

Il-kapolavur ta’ Herbert Ganado bla dubju huwa l-ktieb jew aħjar l-erba’ volumi tal-ktieb “Rajt Malta tinbidel”. Ganado jikteb dwar tfulitu, żgħożitu u l-ħajja tiegħu bħala adult u waqt li jirrakkonta, baxx baxx, juri l-elf bidla li seħħew matul il-mixja ta’ ħajtu. Ra elf żvilupp, ra elf bidla, ra elf ħaġa tinbidel u tmur il quddiem jew lura. U aħna, li twelidna l-millennju l-ieħor imma issa qed ngħixu f’dan il-millenju nistgħu ngħidu wkoll li aħna xhieda ta’ bosta u bosta tibdil. Aħna nistgħu ngħidu li rajna d-dinja tinbidel.Dak li kienu jbassrulna l-kbar qed ngħixuh fir-realtà.

Informatika

Illum qed ngħixu fi żmien ta’ teknoloġija avanzata li fi tfulitna konna nisimgħu biha, noħolmuha imma qatt ma konna nemmnu li għad narawha tabilħaqq. Wieħed mill-għalliema tiegħu, tal-primarja, kien jgħidilna li għad jasal żmien li t-televiżjoni jkun tant irqieq li jitwaħħal mal-ħajt qisu nkwatru. Kien jgħidilna li t-telefon għad isir apparat li mhux biss nistgħu lil min ikun qed ikellimna imma saħansitra nibdew narawh. Meta konna ngħidu dawn l-affarijiet lill-adulti kienu jgħidulna li konna qed noħolmu, li konna naraw ħafna cartoons. Kien żmien li wħud minna la kellhom televiżjoni u lanqas telefon id-dar. U min kellu dan l-apparat kellu televiżjoni kbir donnu gwardarobba u jekk kellu telefon kien wieħed bir-rota tan-numri.

Illum dak li kien jidher impossibbli sar il-verità. It-televiżjoni sar irqieq u t-telefon tal-wajer ħadlu postu l-mobile. Programmi fuq l-internet jagħtuna l-opportunità li naraw lil dak jew dik li nkunu qed inkellmu.

Sirna nitkellmu dwar “intelligenza artifiċjali”. Din l-intelliġenza għenet mhux ftit lill-bniedem imma kellha prezz għoli wkoll magħha. Nibża’ li l-intelliġenza artifiċjali naqqset l-intelliġenza reali, dik li suppost hu mogħni biha kull bniedem. Qabel kien ikollna nħabblu rasna, anke biex ngħoddu somma ċkejkna, illum bil-calculator mal-mobile. Qabel kien ikollna niftakru mitt numru tat-telefon, illum bilkemm niftakru x’inhu n-numru tagħna stess. Qabel konna nitgħallmu lsien u konna rridu niftakru kif jinkiteb il-kliem. Illum il-kompjuter dlonk jurik jekk tkun ktibt xi kelma żbaljata. Nibża’ li din il-kumdità kollha għażżnet moħħ il-bniedem u naqqsittlu l-intelliġenza.

Turiżmu

Bidla oħra li nistgħu ngħidu li rajna sseħħ fi żminijiet tagħna hija fit-turiżmu. Is-safar kien għalina xi ħaġa ta’ lussu li tagħmlu rarament. Illum mhux hekk, illum is-safar sar xi ħaġa komuni. Hawn min aktar jirkeb ajruplani milli jirkeb il-karozza tal-linja. Is-safar jew bħala xogħol jew għat-turiżmu sar isir  minn kulħadd.

U hawn ħsiebi jmur fuq it-turist li jżur pajjiżna. It-turist li jżur Malta llum għadu l-istess bħat-turist ta’ għoxrin jew tletin sena ilu? Il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna għadhom jattiraw lit-turist li jżurna?

Kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi Sqalli. Huwa qalli li llum Malta għandha l-fama ta’ pajjiż li tmur fih u ssib drogi kemm trid. Qalli li bosta jiġu Malta għax isibu prostituti kemm iridu. Qalli li minn Sqallija jiġu Malta filgħaxija, immorru jgħaddu l-lejl jixorbu u jitbaħartu u filgħodu jerġgħu lura pajjiżhom. Kemm hu veru dan li qalli dan il-ħabib tiegħi ma nafx. Ma nafx jekk hux minnu jew le .... imma aktarx li din hija l-fama li qed jieħu pajjiżna.

Bdejt nirrifletti ftit fuq kliem sieħbi u rrealizzajt li ma jistax ikun kollu gideb dak li qalli. Kemm turisti jżuru pajjiżna u jmorru jżuru t-tant postijiet storiċi u kulturali li tħaddan il-gżira tagħna? Hemm min iżurhom imma nibża’ li dawn huma l-minoranza. Tgħid it-tiġieġa li kienet tbid bajd tad-deheb qtilnieha u għamilniehom brodu? Jekk inhu hekk ħażin, għax it-tiġieġa tbid bajda kuljum imma l-brodu tagħha kemm se ddum tiekol minnu?

Imġiba

Bidla oħra li naraw b’għajnejna hija fl-imġiba. Qabel nemmen li kien hawn aktar rispett lejn kull tip ta’ awtorità. Illum kulħadd jikteb u jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. L-ulied sar għandhom aktar drittijiet imma qed ninsew ngħallmuhom li mad-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Spiċċajna nisirqu d-drittijiet tal-ġenituri bl-iskuża tal-progress. Hekk sew?

Ngħidu li x-xemx minn filgħodu turi. Meta nara l-imġiba ta’ xi tfal lejn il-ġenituri tagħhom ngħid aħseb u ara mal-barranin. Forsi qed neseġera? Illum edukatur jibża’ jiġbed l-attenzjoni ta’ adolexxent għax malajr jakkużawh b’abbuż! Hekk sirna.

Dawn kienu ftit ħsibijiet tiegħi dwar il-ħajja tal-lum u dik ta’ dari. Dawk tampari jistgħu jgħidu bħali li raw id-dinja tinbidel. Nagħmel mistoqsija retorika: rajna d-dinja tinbidel għall-aħjar jew għall-agħar? Le mhux kollox ħażin imma lanqas hu kollox sewwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Awwissu 2023



venerdì 5 marzo 2021

Malta Brittanika

 

L-isem ta’ dan l-artiklu għandu mnejn inaffar jew ifantas li xi wħud mill-qarreja għax li tgħid li Malta hija Brittanika wara aktar minn nofs seklu ta’ Indipendenza u aktar minn erbgħin sena Repubblika hija ħaġa li tmur kontra kull raġunament. Biss il-ħsieb tiegħi llum huwa dwar kemm pajjiżna għad għandu rabtiet maż-żmien li Malta kienet kolonja tal-Kuruna Brittanika.

“Fejn hu l-Big Ben?”

Xi snin ilu kien ġie ħabib tiegħi Taljan għal żjara f’pajjiżna. Kienet l-ewwel żjara tiegħu fostna. Bħala ħbieb u eks kollegi tal-Università mort għalih l-ajurport biex nilqgħu. Wara t-tislima tas-soltu, urejtu l-karozza tiegħi u għidtlu jirkeb. Ħasibni sejjer niftaħlu l-bieba xħin rani nersaq lejn in-naħa tal-lemin tal-karozza. Hu segwieni b’ħarsa suspettuża għax billi aħna ħbieb kbar qatt ma stenna li ser niftaħlu l-bieba tal-karozza biex jirkeb fiha, iżda s-suspett malajr inbidel f’daħqa meta ftaħt il-bieba tal-karozza u offrejtlu ċ-ċwievet biex isuq, tbaxxa u ra l-isteering. Mill-ewwel induna li kien hu li għażel in-naħa l-ħażina tal-karozza. Din hija l-ewwel rabta kif ukoll tifkira li għad għandna ma’ żmien l-Imperu Brittaniku f’Malta.

Ftit wara li tlaqna dan sieħbi dar fuqi u qalli: “Il-Big Ben fejn hu?” Ħarist lejh jien issa b’ħarsa suspettuża u dan qalli: “Hawn donnu l-Ingilterra, issuqu fuq ix-xellug tat-triq u kull darba nistħajjel il-karozzi ta’ faċċarta ġejjin għal fuqna. Għalhekk qed nistaqsik fejn hu l-Big Ben!”

Sewqan

La semmejna s-sewqan fuq in-naħa tax-xellug tat-triq tajjeb ngħidu li fl-Ewropa aħna u r-Renju Unit u l-Irlanda biss insuqu fuq din in-naħa tat-triq. Ġibiltà li hija territorju Brittaniku wkoll qalbu n-naħa tat-triq fejn jidħol sewqan billi din hija fruntiera ma’ Spanja u s-sewqan b’mod Brittaniku kien qed joħloq inkonvenjent u periklu. Eks kolonji oħrajn bħalna wkoll isuqu bħalna. L-Indja u l-Awstarlja per eżempju jużaw l-istess naħa tat-triq li nużaw aħna biex insuqu. Il-Ġappun għad li qatt ma kien kolonja Brittanika isuqu bħalna, jew aħjar isuqu fuq in-naħa tagħna għax jekk ngħid li jsuqu bħala jkun hawn min jaħseb li l-Ġappuniżi la jużaw indicator, la għandhom sabar jistennew wara ta’ quddiemhom u nsomma, dak kollu li naraw fis-sewqan Malti!

Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Eweropea, bdejna naraw bosta persuni ta’ nazzjonalità barranija jiġu fostna, jew b’vaganza jew biex jgħixu u jaħdmu hawnhekk. Xi wħud minnhom iġibu l-karozzi tagħhom magħhom u jużawhom fit-toroq tagħna. Huwa diffiċli ssuq karozza left hand drive fit-toroq mibnija għal karozzi right hand drive u għalhekk jikbru r-riskji ta’ inċidenti stradali, l-aktar meta wieħed jiġi biex jaqla’ l-karozzi ta’ quddiemu.

Tgħid wasal il-waqt li l-Unjoni Ewropea tipprova bil-mod il-mod tbiddel in-naħa tas-sewqan tagħna? Mhux ħaġa ħafifa għax hawn mijiet ta’ eluf ta’ karozzi imma bħalma għamlu Ġibiltà, hekk nistgħu nagħmlu aħna wkoll.

Aktar rabtiet

Ejjew nerġgħu lura u naraw x’hawn aktar ifakkarna fi żmien it-tmexxija Brittanika f’pajjiżna. Forsi lanqas nindunaw b’żewġ ħaġiet oħra li huma Brittaniċi daqs ir-Reġina u għadhom magħna llum ukoll.

Il-kaxxi tal-ittri li naraw madwar pajjiżna għadhom fil-biċċa l-kbira minnhom ta’ żmien l-Ingliżi. Billi kienu huma li f’Malta organizzaw il-posta  kif nafuha llum, kienu waħħlu għadd ta’ kaxxi tal-ittri bl-arma tal-monarka Brittanika fuqhom. Dan huwa wirt tal-era kolonjali iżda billi llum kollox sirna nibgħatu bil-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni li għandna, forsi jgħaddu xhur jekk mhux ukoll snin bla ma ninpustaw ittra. Iżda l-kaxxi tal-ittri hemm għadhom.

Rabta oħra ta’ dak iż-żmien li għadna naraw huma l-kaxxi tat-telefon. Illum kulħadd bil-mowbajl fil-but u lanqas tgħaddilek minn rasek li tmur tuża kabina minn dawn biex iċċempel, biss dawn kienu meħtieġa meta missirijietna mhux biss ma kellhom mowbajl imma lanqas telefon id-dar ma kellhom . Xi wħud minn dawn il-kabini kellhom jitneħħew għax biddlu l-iskop tagħhom u minn kabini tat-telefon saru latrini. Ħasra u għarukaża! Tajjeb li jkun hawn kunsilli lokali li jieħdu ħsieb jerġgħu nwaħħlu dawn il-kabini u jekk hemm bżonn ikollhom kamera fuqhom biex ma jiġrix dan li nsemmejt. Mhux sewwa li ikona storika jkollha titneħħa minħabba l-injoranza u n-ħmieġ ta’ xi wħud.

Tajna ħarsa ħafifa kemm pajjiżna fadallu rabtiet mal-era kolonjali. Ma semmejtx il-bini ta’ djar fuq stil Brittaniku li fadlina xi ftit minnhom ukoll, għad li ħafna minnhom illum inbidlu ma kaxxi tal-konkos imsejħin “Djar Moderni”.

Tejjeb li nibżgħu għal dak li fadlilna minn din l-epoka storika ta’ pajjiżna, mhux wisq imbegħda imma għada pitgħada ħadd ma jibqa’ jiftakarha. Mhux sewwa li għax hija storja moderna inwarrbuha jew ma nibżgħux għaliha għax ta’ warajna għad jirrabbajw għalina,

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Marzu 2021