sabato 27 aprile 2024

It-telefon

Apparat li llum il-ġurnata kulħadd għandu huwa t-telefon. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu dan l-apparat, jew aħjar l-antenat tiegħu, kien meqjus bħala xi ħaġa ta’ lussu. Bil-mod il-mod beda jidħol aktar fi djarna sakemm illum kulħadd, jew nistgħu ngħidu l-maġġoranza kbira tal-poplu, għandu telefon personali, dak li nsejħulu l-mobile.

Alexander Graham Bell

Alexander Graham Bell
Qabel l-invenzjoni tat-telefon kien jeżisti apparat mekkaniku għat-trażmissjoni tad-diskors u l-mużika fuq distanza akbar minn dik tad-diskors dirett normali. Iżda nistgħu ngħidu li t-twelid tat-telefonija nafuha lil Alexander Graham Bell.

Bell twieled f'Edinburgh il-belt kapitali tal-Iskozja nhar it-3 ta' Marzu, 1847. Id-dar tal-familja Bell kienet f'South Charlotte Street, dar li sal-lum għandna naraw magħha skrizzjoni tal-ġebel li timmarkaha bħala l-post fejn twieldet missier it-telefon. Alexander kellu żewġ ħutu: Melville James Bell (1845–1870) u Edward Charles Bell (1848–1867). Missieru kien Alexander Melville Bell u ommu kienet Eliza Grace Bell née Symonds.  Missieru kien tabib li jispeċjalizza fis-smieħ. Isem l-iben kien biss "Alexander Bell" imma fl-età ta' 10 snin huwa għamel talba lil missieru biex ikollu isem tan-nofs bħaż-żewġ ħutu. Għal għeluq il-11-il sena tiegħu, missieru aċċetta u ħallieh jadotta l-isem "Graham", magħżul b'rispett lejn Alexander Graham, Kanadiż li kien pazjent ta’ missieru u li kien sar ħabib tal-familja. Madanakollu fost il-qraba u l-ħbieb tiegħu huwa baqa’ dejjem jissejjaħ "Aleck". Sa mill-ewwel snin tiegħu, Bell wera natura sensittiva u talent għall-arti, il-poeżija u l-mużika li kien imħeġġeġ fiha minn ommu. Bla ebda taħriġ formali, ħadem  pjanu u sar il-pjanista tal-familja. Bħala tifel żgħir, Bell, bħal ħutu, irċieva l-ewwel tagħlim tiegħu d-dar mingħand missieru. F’età żgħira, kien irreġistrat fir-Royal High School  ta’ Edinburgh, li ħalla fl-età ta’ 15-il sena. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem, fosthom li huwa kkoppja, jew seraq l-idea tat-telefon. L-ewwel konverżazzjoni telefonika bidirezzjonali, jiġifieri li żewġ bnedmin jitkellmu u jisimgħu fl-istess waqt, fuq linja seħħet bejn Cambridge u Boston, distanza ta’ ftit aktar minn 3 kilometri fid-9 ta’ Ottubru, 1876. Sal-1904, fl-Istati Uniti kienu jeżistu aktar minn tliet miljun telefon.

Il-gabbana tat-telefon

Illum lanqas timmaġinak li tmur tagħmel telefonata minn telefon pubbliku, biss dan kien il-mezz li bih konna nikkomunikaw fi tfulitna qabel ma kellna t-telefon id-dar. Il-kaxxi jew gabini tat-telefon pubbliku kienu introdotti fir-Renju Unit fl-1852. Ma kienx it-telefon li nafu bih illum. Billi Malta kienet kolonja tal-Ingliżi, dan l-apparat ma damx wisq ma wasal fostna. Fl-1862 kienu mwaħħlin gabbani tat-telefon f’xi għases tal-pulizija ta’ Malta. Maż-żmien dawn il-gabbani bdew jiżdiedu u saru komuni f’kull belt u raħal tagħna. Dawn il-gabbani kien ikollhom il-kuruna rjali fuq il-faċċata tagħhom u fl-1975 bil-għan li titnaqqas ir-rabta kolonjali minn Malta, xi wħud minn dawn il-kuruni ġew imneħħijin. X’ħasra! Ara l-isorja jistax iħassarha xi ħadd! Kien hemm żmien li l-gabini tat-telefon inżebgħu blu u kien hemm żmien ukoll li bdew jitneħħew u jsiru oħrajn minnflokhom tal-ġebel jew tal-aluminium. Kien hemm minn dawn il-gabbani li tneħħew għal kollox, u llum min jaf fejn sabu posthom. Imnalla li sar intervent f’waqtu u dawn il-gabbani ġew protetti għax kieku naħseb li lanqas waħda ma fadal. Illum madwar Malta u Għawdex fadal 68 gabbana tat-telefon tal-ħadid fondud, aħjar mix-xejn!

Aktar qrib tagħna

Biż-żmien bdejna nsibu t-telefon fid-dar. Niftakar li l-ewwel telefon fit-triq tagħna kienet daħħlitu n-nanna. Biex inċemplu liz-ziju li kien joqgħod Raħal Ġdid konna l-ewwel naqbdu mal-operator u mbagħad ngħidulu n-numru li rridu u hu jqabbadna. Biex inċemplu barra minn Malta konna nibbukjaw telefonata. Konna niftakru n-numri tat-telefon tagħna u tal-ħbieb u tal-qraba. Illum bil-mobile hawn min lanqas in-numru tiegħu stess ma jiftakar. Is-set tat-telefon kien ikollu rota bin-numri u ddawwar in-numru li trid. Aktar tard is-settijiet inbidlu u saru bil-buttuni tan-numri. X’differenza mil-lum!

Il-mobile

U llum għandna l-mobile li bażikament huwa telefon imma nużawh għal elf ħaġa oħra u aktarx li l-inqas li nużawh huwa biex nagħmlu xi telefonata. Nużawh għar-ritratti, nibgħatu l-messaġġi, niktbu l-appuntamenti fuqu, naraw l-emails li jaslulna u nirrisponduhom u nsomma elf ħaġa oħra bla ma forsi nintebħu li dak l-apparat prinċipalment huwa apparat biex titkellem u tisma’ lil min ikellmek minnu. Mur ġib lil Alexander Graham Bell jara l-apparat li tant ħadem fuqu kemm evolva u kemm inbidel!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2024




Nessun commento:

Posta un commento