sabato 7 novembre 2026

Ir-Relikwi

 

Ir-relikwi għandhom post importanti fl-istorja u fit-tradizzjoni Nisranija. Il-kelma “relikwa” ġejja mil-Latin reliquiae, li tfisser dak li jibqa’ jew dak li jitħalla warajh. Fil-kuntest reliġjuż, relikwa tista’ tkun parti mill-fdalijiet ta’ qaddis jew oġġett marbut mill-qrib mal-ħajja tiegħu.

Fil-bidu

Sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, l-Insara kienu jagħtu ġieħ lill-fdalijiet tal-martri u tal-qaddisin. Dawn kienu persuni li taw xhieda tal-fidi tagħhom, u ħafna minnhom saħansitra tilfu ħajjithom minħabba t-twemmin tagħhom. Il-fdalijiet tagħhom kienu għalhekk jinżammu b’rispett kbir bħala tifkira tal-ħajja u tal-fidi tagħhom.

Fit-tradizzjoni Kattolika, ir-relikwi jistgħu jinkludu partijiet mill-ġisem ta’ qaddis, bħall-għadam, ix-xagħar jew id-demm. Jistgħu jkunu wkoll oġġetti personali li kienu jappartjenu lil qaddis jew li kellhom kuntatt miegħu. Ir-relikwi ħafna drabi jinżammu f’kontenituri apposta msejħa relikwarji, li jistgħu jkunu xogħlijiet artistiċi u dekorattivi ħafna.

Qima u venerazzjoni


Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-qima lil Alla u l-venerazzjoni tar-relikwi. Fit-tagħlim Kattoliku, ir-relikwa mhijiex meqjuma bħala xi divinità. Dina tingħata venerazzjoni minħabba r-rabta tagħha mal-qaddis, u għandha tgħin lill-fidili jiftakru fl-eżempju tiegħu u jersqu aktar lejn Alla.

Ir-relikwi għandhom ukoll rabta qawwija mal-istorja reliġjuża ta’ Malta. Il-venerazzjoni tagħhom fil-gżejjer tagħna kompliet tiżviluppa b’mod partikulari wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530. Relikwi ta’ qaddisin kienu jinġiebu Malta u jinżammu fil-knejjes, kultant f’urni mżejna jew f’figuri magħrufa bħala corpi santi. Dokumentazzjoni storika tindika li l-ewwel translazzjoni dokumentata ta’ relikwi f’Malta seħħ fir-Rabat fl-1608.

Il-Korpi Santi

Il-Korpi Santi huma relikwi ta’ martri Nsara li nġiebu minn katakombi u ċimiterji antiki ta’ Ruma u tqiegħdu għall-venerazzjoni f’diversi knejjes. Matul is-sekli, ħafna minn dawn ir-relikwi ngħataw lil parroċċi u komunitajiet reliġjużi u biż-żmien inħolqot devozzjoni qawwija lejhom.

Ħafna drabi, il-fdalijiet kienu jitqiegħdu f’figura li tirrappreżenta lill-martri, liebsa b’ilbies rikk u mżejna b’deheb, fidda u dekorazzjonijiet oħra. Dawn il-figuri kienu jinżammu f’urni jew relikwarji tal-ħġieġ biex il-fidili jkunu jistgħu jarawhom u jqimuhom. Xi wħud minnhom għadna nsibuhom kemm taħt kif ukoll fuq l-artali fil-knejjes tagħna.

F’Malta, il-Korpi Santi saru parti importanti mill-wirt reliġjuż ta’ diversi parroċċi. Il-wasla tagħhom kienet ġieli tkun akkumpanjata minn ċelebrazzjonijiet solenni, purċissjonijiet u talb. Għalhekk, minbarra l-importanza reliġjuża tagħhom, illum il-Korpi Santi għandhom ukoll valur storiku, kulturali u artistiku, u jfakkruna fid-devozzjoni lejn il-martri li żviluppat matul is-sekli.

Il-Bejgħ tar-Relikwi

Matul l-istorja, ir-relikwi saru oġġetti mfittxija ħafna minħabba l-importanza reliġjuża tagħhom. Dan wassal ukoll għal abbużi, fosthom il-bejgħ u x-xiri ta’ relikwi. Fil-Knisja Kattolika, ir-relikwi sagri m’għandhomx jiġu ttrattati bħala oġġetti kummerċjali u huwa projbit kull bejgħ tagħhom. Il-liġi tal-Knisja tipprojbixxi b’mod ċar il-bejgħ ta’ relikwi sagri. Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika jgħid li huwa assolutament ipprojbit li jinbiegħu relikwi sagri. Din il-projbizzjoni tgħin biex tinżamm id-dinjità tagħhom u biex jiġi evitat li d-devozzjoni reliġjuża tinbidel f’negozju.

Illum wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ relikwi jew oġġetti ppreżentati bħala relikwi għall-bejgħ, speċjalment fuq l-internet u fis-suq tal-antikitajiet. Minbarra l-kwistjoni reliġjuża, f’każijiet bħal dawn tista’ tqum ukoll il-kwistjoni tal-awtentiċità u tal-provenjenza tagħhom. Għalhekk, ir-relikwi għandhom jitqiesu primarjament bħala parti mill-wirt reliġjuż u storiku, aktar milli bħala oġġetti għall-kummerċ. Dak li jitħallas għandu jkun għall-kontenitur u mhux għar-relikwa.

Relikwa ta’ San Mikiel

San Mikiel huwa anġlu u għalhekk, skont it-tradizzjoni Nisranija, m’għandux ġisem jew fdalijiet umani bħalma għandhom il-qaddisin. Għalhekk ma jistax ikun hemm relikwa tiegħu fis-sens ta’ għadam jew parti minn ġismu. Iżda hemm aneddotu ħelu li jirrakkonta storja tal-Medju Evu, żmien fejn kien isir ħafna negozju ta’ relikwi. Jingħad li wieħed negozjant mar f’raħal biex ibiegħ relikwa ta’ San Mikiel. U x’kienet din ir-relikwa? Huwa qal li waqt li San Mikiel kien qed ikeċċi lil Luċifru mil-ġenna, waqgħetlu rixa mil-ġwienaħ u din ġiet fid-dinja. Xi ħadd induna bl-ingann ta’ dan in-negozjant u bidillu r-rixa f’faħma. Hekk kif in-negozjant fetaħ il-borża li kellha jkollha fiha r-rixa minflokha sab il-faħma, niżel għarkupptejh u talab lil dawk li kienu qed jarawh jagħmlu bħalu. Qalilhom li kien għadu kemm seħħ miraklu għax ir-rixa ta’ San Mikiel inbidlet mal-faħma li biha tqabbad in-nar tal-infern. Stejjer bħal dawn min jaf kemm hemm u għalhekk kienet għaqlija l-Knisja li twaqqaf dan it-tip ta’ negozju. Il-Vatikan jiċċara wkoll li huma pprojbiti kemm il-bejgħ għal prezz kif ukoll il-kummerċ jew skambju ta’ relikwa għal flus jew għal xi ħaġa oħra.

Għal ħafna Nsara r-relikwi mhumiex sempliċement oġġetti antiki. Huma tifkiriet tanġibbli ta’ persuni li għexu l-fidi tagħhom b’dedikazzjoni. Fl-istess ħin, għandhom valur storiku u kulturali għax jgħinuna nifhmu aħjar it-tradizzjonijiet, id-devozzjonijiet u l-arti reliġjuża li żviluppaw matul is-sekli.

Fr Reno Muscat

 

 Dan l-artiklu dweher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2026




L-artist Ċensu Apap

Minn kemm ilni li ġejt noqgħod Tas-Sliema qed ninduna kemm ftit li xejn kont naf dwar dan il-post, li jkolli ngħid huwa raħal twelid ommi u tan-nannu. Kulma jmur aktar qed nintebaħ b’xi ħaġa ġdida. Billi jiena noqgħod fil-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, inqaddes fil-Bażilika Parrokkjali li tmiss mal-kunvent, fix-xatt ta’ Tigné. Din il-bażilika hija waħda unika f’pajjiżna fejn jidħol l-istil arkittettoniku tagħha. Fuq ġewwa, fil-korsija, fil-kappelluni u fil-kor, insibu numru sabiħ ta’ niċeċ li fihom naraw statwi.

L-istatwi

Dawn l-istatwi huma mqassmin hekk: fil-korsija prinċipali nsibu xbihat tal-Appostli. Ma nsibux lil Ġuda l-iskarjota, imma nsibu lil San Pawl. Billi f’din il-parti tal-bażilika hawn 14-il niċċa, mal-Appostli u San Pawl naraw l-istatwi ta’ San Ġużepp u San Ġwann Battista. Fil-kappellun tal-Madonna tar-Rużarju, fiċ-ċentru naraw lill-Madonna bil-bambin f’idha u fil-kumplament tan-niċeċ insibu numru ta’ profeti. Fil-kappellun ta’ faċċata naraw l-istess tqassim bid-differenza li fiċ-ċentru nsibu l-istatwa ta’ San Duminku u fin-niċeċ l-oħra naraw profeti differenti. Imbagħad fil-kor naraw l-istatwa ta’ Ġesù Nazzarenu fin-nofs u fin-niċeċ naraw profeti oħra kif ukoll lil Abel. Dawn l-istatwi, minbarra dawk ta’ Ġesù Nazzarenu, li huwa t-titular tal-bażilika, il-Madonna tar-Rużarju u San Duminku huma lewn it-terracotta, lewn li tant jixraq mal-ġebla Maltija li biha hija mibnija din il-knisja.

L-Artist


Kultant inkun fil-kor u moħħi jibda jaħseb fuq l-artist ta’ dawn l-istatwi kollha. Kif irnexxielu joħloq numru daqstant kbir ta’ persunaġġi u kollha differenti. Niftakar lil Patri Marius Zerafa jgħidli li l-artist kien ixebbaħ l-uċuħ ta’ dawn l-istatwi mal-patrijiet li kien hemm fil-komunità Dumnikana ta’ Tas-Sliema. Kien jgħidli wkoll li wieħed minnhom għandu wiċċu. Patri Marius kien jgħidli li David bl-arpa f’idu huwa hu. Intant għadni lanqas semmejt lil min ħadimhom. Ħadd ħlief l-artist Malti Vincenzo jew kif kien magħruf aktar, Ċensu Apap. Naraw ftit min kien dan l-artist u xi ftit mix-xogħol li ħallielna sabiex ingawduh.

Ċensu Apap

Ċensu Apap twieled il-Belt Valletta nhar it-13 ta’ Novembru tas-sena 1909. Nistgħu ngħidu li twieled f’familja ta’ artisti għaliex aktar il quddiem ħuħ Joseph sar mużiċist kbir u ħuh William, jew kif aktar magħruf Willie, kien pittur magħruf ħafna. Intant Vincenzo wara l-iskola primarja beda jattendi l-klassijiet ta’ filgħaxija tal-immudellar u tat-tpinġija. Huwa kien wieħed mill-ewwel studenti li studja fl-Iskola tal-Arti li kienet għadha kif fetħet fl-1925. Hemm huwa studja l-mudell u l-iskultura. Kien student li jipprometti tant li fl-1927, rebaħ borża ta’ studju mill-Akkademja Brittanika tal-Arti f’Ruma. Hemmhekk Apap beda jistudja taħt l-iskultur famuż Malti Antonio Sciortino. 

Lura Malta

Fl-1930, Apap, li issa kellu 21 sena, spiċċa l-istudju tiegħu f’Ruma u reġa’ lura Malta. Ftit xhur wara huwa rebaħ konkors għall-monument ta’ Fra Diegu Bonanno OFM sewwasew fl-għoxrin anniversarju mill-mewt tiegħu. Dan il-monument, li għadna narawh wieqaf f’nofs Pjazza San Pawl, il-Ħamrun, nistgħu ngħidu li fetaħ il-bieb għax-xogħol fuq skala nazzjonali ta’ dan l-artist.

Bħala ħajja privata tiegħu ngħidu li huwa żżewweġ lil Maria Bencini fl-14 ta’ April 1941. Il-koppja kellha tliet ulied, John, Nella u Manon. Il-familja kienet toqgħod Tas-Sliema.

Fil-bażilika ta’ Ġesù Nazzarenu huwa ħadem 28 statwa u ħafna jsostnu li l-istatwa tal-profeta Eżekjel hija kapolavur. Jingħad li wiċċ dan il-profeta huwa kopja ta’ wiċċu stess. Diġà ktibt li xi wċuħ mill-uċuħ kienu tal-patrijet. Dawk li kienu jafuh tajjeb, kollha jaqblu li Apap kellu memorja fotografika. Kien jaqbad l-espressjonijiet tal-wiċċ fi ftit sekondi u dlonk kien idaħħalhom fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Żgur li fil-bażilika ta’ Ġesù Nazzarenu huwa għandu l-akbar numru ta’ xogħlijiet taħt saqaf wieħed. Dan ix-xogħol ħa ħafna snin biex tlesta. Mhux ta’ b’xejn li l-funeral tiegħu fi Frar 2003, sar hawhekk, imdawwar b’tant xogħol minn tiegħu!

L-akbar xogħol

Kieku kellna nsemmu x-xogħolijiet kollha ta’ dan l-artist, kemm dawk li nsibu f’postijiet pubbliċi kif ukoll dawk li nsibu f’kollezzjonijiet jew propretajiet privati, konna nibnu lista twila ħafna. Imma hemm xi opri li tajjeb insemmuhom fosthom il-monumenti tal-Prim Ministri Boffa u Borg Olivier. Biss żgur li l-akbar xogħol tiegħu hija l-funtana tat-tritoni, li nsibu barra bieb il-belt Valletta, fejn illum qed jissejjaħ Pjazza Tritoni. Ma tistax tidħol fil-belt kapitali ta’ pajjiżna bla ma tara din il-funtana. Ix-xogħol fuqha beda fl-1952 u ntemm fl-1959. Din il-funtana kienet ġarrbet xi ħsarat, tant li l-plattin li naraw f’idejn it-tritoni kien waqa’. Kienet saret tiswija tagħha billi tpoġġa bħal zokk b’xi għasafar f’nofs il-funtana. Insomma personalment nemmen li kien traqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar. Iżda aktar tard sar restawr kif kellu jsir u dan iz-zokk tneħħa, biex illum tpoġġa fi ġnien George Bonello di Puis f’Qui si sana tas-Sliema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Ottubru 2026