Visualizzazione post con etichetta televiżjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta televiżjoni. Mostra tutti i post

sabato 12 agosto 2023

Rajt id-dinja tinbidel

 

Il-kapolavur ta’ Herbert Ganado bla dubju huwa l-ktieb jew aħjar l-erba’ volumi tal-ktieb “Rajt Malta tinbidel”. Ganado jikteb dwar tfulitu, żgħożitu u l-ħajja tiegħu bħala adult u waqt li jirrakkonta, baxx baxx, juri l-elf bidla li seħħew matul il-mixja ta’ ħajtu. Ra elf żvilupp, ra elf bidla, ra elf ħaġa tinbidel u tmur il quddiem jew lura. U aħna, li twelidna l-millennju l-ieħor imma issa qed ngħixu f’dan il-millenju nistgħu ngħidu wkoll li aħna xhieda ta’ bosta u bosta tibdil. Aħna nistgħu ngħidu li rajna d-dinja tinbidel.Dak li kienu jbassrulna l-kbar qed ngħixuh fir-realtà.

Informatika

Illum qed ngħixu fi żmien ta’ teknoloġija avanzata li fi tfulitna konna nisimgħu biha, noħolmuha imma qatt ma konna nemmnu li għad narawha tabilħaqq. Wieħed mill-għalliema tiegħu, tal-primarja, kien jgħidilna li għad jasal żmien li t-televiżjoni jkun tant irqieq li jitwaħħal mal-ħajt qisu nkwatru. Kien jgħidilna li t-telefon għad isir apparat li mhux biss nistgħu lil min ikun qed ikellimna imma saħansitra nibdew narawh. Meta konna ngħidu dawn l-affarijiet lill-adulti kienu jgħidulna li konna qed noħolmu, li konna naraw ħafna cartoons. Kien żmien li wħud minna la kellhom televiżjoni u lanqas telefon id-dar. U min kellu dan l-apparat kellu televiżjoni kbir donnu gwardarobba u jekk kellu telefon kien wieħed bir-rota tan-numri.

Illum dak li kien jidher impossibbli sar il-verità. It-televiżjoni sar irqieq u t-telefon tal-wajer ħadlu postu l-mobile. Programmi fuq l-internet jagħtuna l-opportunità li naraw lil dak jew dik li nkunu qed inkellmu.

Sirna nitkellmu dwar “intelligenza artifiċjali”. Din l-intelliġenza għenet mhux ftit lill-bniedem imma kellha prezz għoli wkoll magħha. Nibża’ li l-intelliġenza artifiċjali naqqset l-intelliġenza reali, dik li suppost hu mogħni biha kull bniedem. Qabel kien ikollna nħabblu rasna, anke biex ngħoddu somma ċkejkna, illum bil-calculator mal-mobile. Qabel kien ikollna niftakru mitt numru tat-telefon, illum bilkemm niftakru x’inhu n-numru tagħna stess. Qabel konna nitgħallmu lsien u konna rridu niftakru kif jinkiteb il-kliem. Illum il-kompjuter dlonk jurik jekk tkun ktibt xi kelma żbaljata. Nibża’ li din il-kumdità kollha għażżnet moħħ il-bniedem u naqqsittlu l-intelliġenza.

Turiżmu

Bidla oħra li nistgħu ngħidu li rajna sseħħ fi żminijiet tagħna hija fit-turiżmu. Is-safar kien għalina xi ħaġa ta’ lussu li tagħmlu rarament. Illum mhux hekk, illum is-safar sar xi ħaġa komuni. Hawn min aktar jirkeb ajruplani milli jirkeb il-karozza tal-linja. Is-safar jew bħala xogħol jew għat-turiżmu sar isir  minn kulħadd.

U hawn ħsiebi jmur fuq it-turist li jżur pajjiżna. It-turist li jżur Malta llum għadu l-istess bħat-turist ta’ għoxrin jew tletin sena ilu? Il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna għadhom jattiraw lit-turist li jżurna?

Kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi Sqalli. Huwa qalli li llum Malta għandha l-fama ta’ pajjiż li tmur fih u ssib drogi kemm trid. Qalli li bosta jiġu Malta għax isibu prostituti kemm iridu. Qalli li minn Sqallija jiġu Malta filgħaxija, immorru jgħaddu l-lejl jixorbu u jitbaħartu u filgħodu jerġgħu lura pajjiżhom. Kemm hu veru dan li qalli dan il-ħabib tiegħi ma nafx. Ma nafx jekk hux minnu jew le .... imma aktarx li din hija l-fama li qed jieħu pajjiżna.

Bdejt nirrifletti ftit fuq kliem sieħbi u rrealizzajt li ma jistax ikun kollu gideb dak li qalli. Kemm turisti jżuru pajjiżna u jmorru jżuru t-tant postijiet storiċi u kulturali li tħaddan il-gżira tagħna? Hemm min iżurhom imma nibża’ li dawn huma l-minoranza. Tgħid it-tiġieġa li kienet tbid bajd tad-deheb qtilnieha u għamilniehom brodu? Jekk inhu hekk ħażin, għax it-tiġieġa tbid bajda kuljum imma l-brodu tagħha kemm se ddum tiekol minnu?

Imġiba

Bidla oħra li naraw b’għajnejna hija fl-imġiba. Qabel nemmen li kien hawn aktar rispett lejn kull tip ta’ awtorità. Illum kulħadd jikteb u jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. L-ulied sar għandhom aktar drittijiet imma qed ninsew ngħallmuhom li mad-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Spiċċajna nisirqu d-drittijiet tal-ġenituri bl-iskuża tal-progress. Hekk sew?

Ngħidu li x-xemx minn filgħodu turi. Meta nara l-imġiba ta’ xi tfal lejn il-ġenituri tagħhom ngħid aħseb u ara mal-barranin. Forsi qed neseġera? Illum edukatur jibża’ jiġbed l-attenzjoni ta’ adolexxent għax malajr jakkużawh b’abbuż! Hekk sirna.

Dawn kienu ftit ħsibijiet tiegħi dwar il-ħajja tal-lum u dik ta’ dari. Dawk tampari jistgħu jgħidu bħali li raw id-dinja tinbidel. Nagħmel mistoqsija retorika: rajna d-dinja tinbidel għall-aħjar jew għall-agħar? Le mhux kollox ħażin imma lanqas hu kollox sewwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Awwissu 2023



sabato 7 agosto 2021

Komunikazzjoni

 

Il-bniedem huwa annimal ikkomplikat, annimal li jaħseb, annimal li jħobb, annimal li għandu l-fakultà tar-raġuni u huwa annimal li jikkomunika. Kull annimal għandu xi mod li bih jikkomunika biex inkunu qed ngħidu d-dritt, imma l-ebda annimal għajr il-bniedem ma huwa kapaċi jikkomunika bħalma jagħmel il-bniedem. Komunikazzjoni ma hija xejn għajr li dak li jkun jitfa’ f’post komuni dak li jkollu f’moħħu.

Ilbieraħ

Sa mill-ħolqien tiegħu l-bniedem beda jfittex u joħloq sistemi ta’ komunikazzjoni. Beda juża d-duħħan biex iwassal messaġġ lil xi ħadd il bogħod. Aktarx li dan kien ikun messaġġ li jkun riesaq xi periklu. Fiċ-Ċina, minn fuq il-Ħajt il-Kbir li nsibu f’dak il-pajjiż, kienu jintbagħtu messaġġ bid-duħħan minn torri għal ieħor li hemm ma’ dan l-hekk imsejjaħ ħajt. Il-messaġġi mibgħutin kienu jfissru li jkun hemm l-għadu qrib u li jkun ser jinvadihom. Ma hemmx għalfejn immorru daqstant bogħod, f’pajjiżna stess it-torrijiet tal-għassa li nsibu mxerrdin matul il-kosta kienu jużaw mod simili meta kienu jilmħu l-għadu ġej lejn artna minn fuq il-baħar. Minflok duħħan kienu jqabbdu ħuġġieġa imma l-messaġġ kien jasal xorta.

Min żar il-belt ta’ Krakovja fil-Polonja, jaf li fil-pjazza ċentrali, sewwasew minn fuq il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Marija, kull siegħa tindaqq biċċa fanfarra bi trumbetta. Din tfakkar il-fatt meta għassies ra l-għadu riesaq u beda jdoqq biex javża lin-nies. L-għassies intlaqat f’għonqu minn vleġġa sparata min-naħa tal-għadu u għalhekk il-fanfarra waqfet ħesrem. Dan huwa mod ieħor ta’ kif kienet issir il-komunikazzjoni. Ladarba qed insemmu strumenti mużikali fil-komunikazzjoni tajjeb insemmu li f’xi postijiet fl-Afrika għadhom jintużaw it-tnabar biex iwasslu il-messaġġi.

Mużika

Il-mużika wkoll twassal messaġġ. Hemm mużika li tferraħ u hemm ukoll mużika li twassal messaġġ ta’ niket. Niftakru ftit fil-marċi li tant huma popolari f’pajjiżna. Hemm dawk li d-dilettanti jsejħu: marċi volanti, marċi ferrieħa li nisimgħuhom fil-festi tagħna, ovvajment mhux waqt il-pandemija, u li fihom id-dilettanti jkantaw, jaqbżu u jiżfnu. Hemm imbagħad il-marċi funerbi li jindaqqu f’okkażjonijiet li fihom ma jsirx qbiż u żfin bħal ngħidu aħna fil-Ġimgħa l-Kbira u f’xi funeral. La qed insemmi dawn id-drawwiet popolari ta’ pajjiżna inkunu nonqsu jekk ma nsemmux il-Valzi li xi rħula tagħna jsemmgħulna nhar Ħadd il-Għid. Kull tip ta’ mużika fiha messaġġ, kull mużika tista’ tkun parti minn komunikazzjoni.

Skiet

Kultant anke s-skiet jista’ jikkomunika xi ħaġa. Persuna quddiem pulizija li jkun qed jinterrogaha tista’ tagħżel is-skiet bħala risposta. Persuna li tkun ġiet offiża tista’ tagħżel is-skiet bħala arma – sewwasew kif jgħid il-Malti: is-skiet risposta. Iva s-skiet jista’ jkun ukoll komunikazzjoni. Nieħdu eżempju banali imma reali. Raġel jasal lura mix-xogħol, jiftaħ il-bieb ta’ barra u  kif jagħmel ta’ kuljum isejjaħ lil martu: “Wasalt jien ħanini.” Is-soltu kien ikun hemm it-tweġiba: “Hawn qegħda qalbi!”, imma llum xejn, skiet taqtgħu b’sikkina. Ir-raġel jidħol ħdejn martu u jsejħilha b’isimha u hi tibqa’ muta....... ma tridx wisq biex tinduna li hemm xi ħaġa ħażina. Is-skiet tagħha wassal messaġġ li dakinhar mhux kollox sew bħas-soltu.

Tekonolġija

Illum ma għadniex nużaw id-duħħan jew il-ħġejjeġ biex inwasslu dak li rridu nwasslu. Anke l-istrumenti naqsu fejn tidħol komunikazzjoni imma mhux għax ma għadniex nikkomunikaw iżda għax sirna nikkomunikaw b’modi oħra. Il-komunikazzjoni mingħajr fil taf il-bidu tagħha lir-radju. X’passi ta’ ġgant saru f’dan il-qasam, mhux biss fejn jidħol ir-radju imma f’kull qasam tat-tekonoloġija. Il-komunikazzjoni gawdiet bil-kbir minn dawn l-avvanzi. Bil-wasla tat-televiżjoni kien hemm min beża’ li r-radju kien ser imut mewta naturali. Tiftakruha d-diska tal-grupp The Buggles bl-isem “Video killed the Radio star”?  Minkejja li din id-diska ħarġet fl-1979, titratta s-sena 1952 meta t-televiżjoni kien għadu qed jevolvi. Illum nafu li din kienet biża’ fiergħa għax ir-radju għadu popolari sal-lum. Għax waqt li tkun qed issuq, waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa fid-dar, tista’ tibqa’ tisma’ r-radju imma mhux possibbli tara t-televiżjoni.

Imbagħad l-akbar qabża fejn tidħol komunikazzjoni u teknoloġija saret mal-wasla tal-internet. L-idea ta’ netwerk tal-kompjuters li tippermetti sidien ta’ kompjuters differenti jikkomunikaw ma’ xulxin żviluppat f’diversi stadji. Il-qofol ta’ dawn l-iżviluppi kollha wasslet għan-netwerk ta’ netwerks, dak li llum nafuh bħala l-Internet. Illum kważi kulħadd juża l-internet u għal bosta minna sar għodda indispensabbli li rriduha magħna l-ħin kollu u għalhekk inġorruha fil-but. X’inhu smart phone jekk mhux komputer? Tassew suppost huwa telefon, imma aktarx li l-anqas li nużawh huwa biex inċemplu. Aħna li qbiżna n-nofs seklu kellna nidħlu f’din id-dinja ta’ komunikazzjoni teknoloġika, imma dawk li għandhom nofs l-età tagħna twieldu f’dan l-ambjent, twieldu f’dinja teknoloġika.

Dan kollu huwa dovut għall-fatt li l-bniedem huwa l-aktar annimal li jikkomunika, anzi ma jistax ma jikkomunikax u għalhekk dejjem ra kif itejjeb il-mezzi ta’ komunikazzjoni – mis-sinjal bid-duħħan għat-telefon ċellulari!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Awwissu 2021




sabato 25 giugno 2016

Opinion leaders

Illum il-ġurnata qegħdin nisimgħu spiss dawn iż-żewġ kelmiet, li fihom infushom ifissru mexxejja tal-opinjoni, biss is-sens veru tal-kliem imur wisq iżjed fil-font minn sempliċimnet mexxej ta’ opinjoni. Fejn jidħol in-negozju l-opinion leader huwa importanti ħafna. Importanti wkoll għal kull soċjetà attiva, bħal ma huma l-partiti politiċi, il-Knisja, l-għaqdiet nazzjonali kemm governattivi u kemm dawk li mhumiex. Kull soċjetà għandha bżonn relazzjoni tajba mal-opinion leaders għaliex dawn jistgħu jkunulha tal-aqwa reklam.

X’ inhuma sewwasew?
Paul Felix Lazarsfeld
It-teorija tal-opinion leader twieldet minn Paul Felix Lazarsfeld u sħabu. Dan is-soċjologu, imwieled fl-Awstrija fl-1901, li mar jgħix ġewwa l-Istati Uniti, ra b’għajnejh it-tixrid tal-media; ir-radju u aktar tard it-televiżjoni. Inċidentalment fl-istess sena li fiha twieled Lazarsfeld, it-Taljan Guglielmo Marconi sab is-sistema kif wieħed jista’ jitrażmetti bla wire, dak li aktar tard kellu jkun ir-radju. Fl-1926 l-Iskoċċiż John Logie Baird uffiċjalment għamel l-ewwel trasmissjoni viżiva bla wire, dak li kellu jkun it-televiżjoni. Tajjeb ngħidu li r-radju dam 38 sena biex laħaq il-50 miljun semmiegħ filwaqt li t-televiżjoni ħa 13-il sena biex laħaq il-50 miljun telespettatur. Dan il-fatt juri kemm il-bniedem kull ma jmur beda dejjem aktar isegwi l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Lazarsfeld ħareġ bit-teorija tal-komunikazzjoni fuq żewġ livelli, (two-step flow of communication). L-ewwel livell huwa dak il-messaġġ li toħloq il-m edia u l-effett li jħalli fuq min jisma’ jew jara. Dan il-messaġġ jiġi biex ngħidu hekk assorbit mis-semmiegħ u jibda jemmen dak il-messaġġ. It-tieni livell ta’ komunikazzjoni hu li dan it-tali jibda jxandar ma’ sħabu dak li jkun sama’, emmen u assorba mill-mezzi tax-xandir. Dan it-tali huwa l-opinion leader. Mexxej tal-opinjoni għaliex imexxi l-opinjoni tiegħu lill-oħrajn. Mexxej tal-opinjoni għaliex huwa afdat mill-oħrajn, huwa stmat u huwa miżmum bħala bniedem li ta’ min jorbot fuqu; dak li l-Inglizi jgħidu you can bank on.

Qabel u llum
Kien hemm żmien meta l-opinion leaders kienu meqjusin biss dawk li jkollhom ċertu livell ta’ edukazzjoni, dawk li jkunu waslu sal-università, il-politiku, it-tabib, in-nutar, l-avukat u l-kappillan. Qabel il-kelma ta’ dawn kienet tiswa daqs l-evanġelju. Dak li jgħidu huma kien meqjus bħala l-verità u s-sewwa. Illum il-ġurnata l-affari nbidlet. Illum qegħdin ngħixu f’ dinja tal-karozza tal-linja, dinja tax-xarabank, fejn kulħadd jista’ jgħid li jrid anke jekk dak li jkun qed jgħid ma jkollu l-ebda bażi ta’ realtà. Sfortunatament ħafna drabi huma dawn it-talin li l-aktar jagħmlu ħoss minkejja li ma jkunu qed jgħidu xejn sew. Sewwa jgħid il-qawl Ingliż: empty vessels make most sound.
Bil-mezzi tax-xandir, l-opinion leader huwa dak is-semmiegħ li jisma’ u jinterpreta s-sinifikat u l-kontenut tal-messaġġ. Il-fatt li l-opinion leader huwa bniedem ta’ stima, jispiċċa biex ikollu s-segwaċi, għalhekk dan jista’ jkun anke fatt perikoluż għax jekk l-opinion leader ma jifhimx sewwa xi kunċett jista’ jaqleb ta’ taħt fuq il-messaġġ.

Min hu l-opinion leader?
Ħalli nġib ftit eżempji ta’ min jista’ jkun opinion leader illum. Jekk jien naħdem fuq il-kompjuter u jkolli problema, mhux sejjer nistaqsi lil Salvu tal-ħaxix kif ser insolviha imma mmur fil-ħanut tal-kompjuters insib lil Glenn, biss jekk irrid inkun naf kif qed taħsibha n-nies dwar xi liġi li qed jiddiskuti l-parlament ma nistaqsix lil Glenn imma mmur direttament nistaqsi lil Salvu. Indirettament dawn it-tnejn għalija huma opinion leaders u dak li jgħiduli nemmnu iżda dejjem skont iċ-ċirkostanza li nkun fiha. Jekk Silvia dejjem ikollha ħwejjeġ nodfa u jfuħu, Mary lilha tistaqsi xi prodott tuża. Fuq skala akbar taħdem is-sistema fejn jidħol ix-xandir.

Stakeholders
L-opinion leader jaffettwa l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Fin-negozju l-opinion leader jaffettwa l-opinjoni tal-istakeholder. Min hu stakeholder? Stakeholder huwa dak it-tali li jkollu l-intenzjoni jixtri xi ħaġa. Mhux bilfors tkun xi ħaġa kbira, imma ħaġa tkun li tkun. Stakeholder hu x-xerrej ta’ dar jew ta’ karozza imma mhux biss, stakeholder hija l-mara tad-dar li tagħmel ix-xirja u tagħżel bott piżelli ta’ ditta u mhux ta’ oħra, sewwasew kif ix-xerrej tad-dar jixtri dar u mhux oħra u x-xerrej ta’ karozza jagħżel mudell u mhux ieħor. Ix-xerrej ikun sama’ xi ħaġa dwar dak li jkun ser jixtri. Id-differenza bejn l-eżempji li ġibt hija li bott piżelli tixtrih kuljum u jekk dak ta’ ditta ma għoġbokx, malajr tibdel, biss dar jew karozza mhux bott piżelli! F’ kelma waħda aħna lkoll stakeholders għaliex ilkoll nixtru u lkoll inkunu b’ xi mod jew ieħor influenzati minn xi ħadd li xtara qabilna, dak li nqisuh bħala opinion leader.

Għalhekk l-entitajiet u l-gruppi tajjeb jieħdu aktar bis-serjetà ir-rwol tal-opinion leader u jagħrfu li kif qal Lazarsfeld li llum b’ xi mod kulħadd jista’ jkun mexxej tal-opinjoni.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 25 ta' Ġunju 2016



sabato 18 aprile 2015

Terroriżmu waqt it-tberik

Il-ġimgħa l-oħra kont f’ parroċċa fin-Nofsinhar tal-Italja.  Kont qiegħed ngħin kappillan ta’ parroċċa ta’ raħal mitluf f’ nofs il-muntanji, kont qed ngħinu  jagħmel it-tberik tal-familji, drawwa li anke hawn Malta għad hawn fejn issir.

Meta tkun qed tagħmel dan ix-xogħol,  trid jew ma tridx ikollok tidħol f’ dar in-nies sabiex tberkilhom.  Ma nistax ingerger mill-akkoljenza għax il-biċċa l-kbira tan-nies ta’ dan ir-raħal u rħula żgħar oħrajn bħalu, ikun jistennew it-tberik ta’ darhom minn sena għal oħra. Tant jifirħu bil-prezenza ta’ saċerdot ġewwa darhom li jkunu jixtiequ li tibqa’ għandhom. Hemm min ikun iridek tberiklu kull rokna tad-dar u jgħidlek biex tibqa’ dieħel.  Jien biex inkun ċert li ma nikser xewqet ħadd, kien hemm fejn anke l-bieb tal-kamra tal -banju ftaħt u berikt hemm gew ukoll.

Televiżjoni
Ħaġa li laqtitni jiena u nagħmel dan ix-xogħol jew aħjar appostolat, kienet li kważi fid-djar kollha li dħalt kien hemm it-televiżjoni mixgħul. Dan jibqa mixgħul anke meta ma jkun hemm ħadd quddiemu. Hemm min jitfilu waqt li s-saċerdot ikun qiegħed ibierek u hemm min lanqas jagħti każ u jħallih mixgħul. Dan l-apparat sar il-ħabib tagħna li ma jħalliniex inħossuna waħedna anke meta ma jkun hemm ħadd ħliefna fid-dar.
It-televiżjoni sar ukoll il-baby sitter.  Bosta ommijiet iħallu lil uliedhom żgħar quddiem din il-kaxxa,  għalkemm illum aktar sar jixbaħ lil kwadru milli kaxxa, għal nofs ta' nhari sħaħ. Tiskanta kif dawn it-tfal jissapportu jaraw programm wara programm u donnhom ma jixbgħu qatt. Rajt bosta tfal isegwu programmi ta’ Peppa Pig.  Ftakart f’ kollega tiegħi li mort nisimgħu jiddefendi t-teżi tiegħu tad-dottorat fil-ġurnaliżmu. Dan studja l-filosofija fil-produzzjoni tal-programmi ta’ Peppa Pig. Nistqarr li kienet teżi interessanti ħafna li wriet bosta punti pożittivi li wieħed jsita’ jsib f’ dawn il-programmi.

Ħin reali
Waqt it-tberik dħalt f dar u sidha qaltli li kien sar attakk fil-qorti ta' Milan.  Qaltli li skont dak li semgħet fuq it-televiżjoni, kien hemm xi mejtin imma kien għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jaf sewwa x ġara. Lanqas kienu għandhom għaddew għoxrin minuta mill-każ u l-aħbar kienet diġà bdiet iddur id-dinja. Bil-fors, ninsabu fi żmien talin reali.  Aħbar trid titwassal dak ilin stess għax inkella titlef il-valur tagħha. Hekk sirna llum sewwasew kif jgħid il-qawl Malti: il ftira sħuna tajba. Ftira meta tiksaħ ma tibqax l-istess bħal meta tkun għadha ħierġa mill-forn.  Aħbar I-istess, jekk twassalha tard ma tibqax aħbar imma ssir ripetizzjoni għax ikun wassalha qablek ħaddieħor.  Proprju għalhekk illum hawn bosta agenziji tal-aħbarijiet li jfornu lill-kmamar tal-aħbarijiet madwar id-dinja b’ dak li jkun qiegħed jiġri biex aħbar tkun friska u sħuna bħall-ftira tal-furnar.

Il każ ta' Milan
Dak li seħħ ftit jiem ilu f’ Milan iqajjimna mir-raqda. L-ewwel ħsieb li jiġi f moħħok ikun li dan kien xi attentat terroristiku,  wieħed mill-ħafna li dawn l-aħħar xhur drajna nisimgħu bihom. Dan il-każ kien każ ta’ bniedem li ried jivvendika ruħu mix-xorti ħażina li misset lin-negozju tiegħu u ried ipattiha lil min ha sehem fil-falliment tan-negozju li kellu.

Post mortem
Wara li ssir ilerba naraw x wassal għaliha. Tajjeb, imma l-vittmi li jkunu marru d-dinja l-oħra bl-investigazzjoni u mingħajrha, fejn ikunu jibqgħu. Mhux qed ngħid li ma għandiex issir post mortem imma rrid ngħid li jkun jaqbel noqgħodu attenti u nevitaw stejjer bħal tal-qorti ta Milan.

Qalulna li lati daħal fil-qorti b tessera falza u għadda mill-bieb li jidħlu minnu l-avukati u l-magistrati jew l-imhallfin. Kien għalhekk li dal-bniedem daħħal arma tan-nar miegħu. Hawn l-ewwel żball: mela l-avukati,  l-magistrati jew l-imhallfin ma għandhomx huma wkoll jgħaddu minn metal detector?  Jekk avukat ikun mhedded biex idaħħal arma fil-qorti, dan ikun jista jagħmlu bla nkwiet ta xejn.  Possibili li ħaġa bħal din ma tiġi f moħħ ħadd?
Ejjew ngħidu li kulħadd għandu fiduċja għamja fin-nies tal-ġudikatura, imma bil-każ ta Milan għandhom  jinfetħu l-għajnejn. Nispera li jinfethu l-għajnejn ta’ min hu responsabbli mis-sigurtà u mhux għajnejn min għandu f mohhu xi każ ieħor bħal ta Milan. Qatt ma hemm esegerazzjoni għas-sigurtà. Aħjar ftit sigurtà żejda milli nuqqas tagħha għax ħadd ma jista’ jobsor x’ jiġri. Jien ftaħt għajnejja x ħin smajt l-aħbar waqt li kont qiegħed inbierek id-djar. Ħsibt li kien xi att terroristiku! Ma kienx hekk.... imma xorta jeħtieġ noqgħodu attenti.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' April 2015

  


giovedì 23 maggio 2013

X' jiswa li jkollok televiżjoni jekk imbagħad ma jkollokx dawl?


Kont qiegħed naqra ktieb u fih sibt fatt interessanti li nixtieq naqsmu magħkom. F’ raħal tas-sajjieda fi Sri Lanka la kien hemm dawl, la ilma u lanqas toroq asfaltati, kien fi ftit kliem raħal minsi mid-dinja. Xi ħadd tefa’ għajnejh fuq dan ir-raħal u beda jwassal blokki kbar tas-silġ lejn dan il-post. B’ hekk is-sajjieda setgħu jbiegħu l-ħut tagħhom lil hinn mir-raħal, setgħu jistadu aktar u l-ħut li jaqbdu jbigħuh fiċ-ċentru tal-pajjiż li huwa mbiegħed sew minn raħalhom u mingħajr is-silġ il-ħut tagħom jilħaq jinten sakemm jasal. B’ dan il-mod is-sajjieda bdew jaqilgħu aktar, biddlu d-dagħajjes tagħhom u x-xbieki tagħhom bdew ikunu tan-nylon. Insomma immodernizzaw. La kiber il-bejgħ bla dubju kiber ukoll il-qliegħ u kien hemm xi sajjieda li mill-faqar, mhux li ngħidu stagħanew, imma bdew jaqilgħuha tajjeb. Il-bejgħ tal-ħut u x-xiri ta’ makkinarju aktar modern laqqa’ lil xi sajjieda ma’ dinja li ma kienux jafu biha qabel. Kien hemm xi wħud minnhom li wara li ħallsu l-fregatina ġdida tagħhom u wara li x-xbiek kien kollu tan-nylon, kellhom biżżejjed flus biex jixtru televiżjoni. U hekk għamlu, xtraw televiżjoni. Il-problema kienet li fir-raħal tagħhom ma kienx hemm dawl. [i]
Il-fatt li xtraw televiżjoni kien juri l-istat tagħhom, l-istatus tagħhom. Issa ma baqgħux jaqilgħuha u jiekluha kif kienu qabel, issa saru jistgħu jagħmlu xi kapriċċ. Dan il-fatt fakkarni fil-kummiedja kapolavur tal-mibki Charles Clews, It-tieġ ta’ Karmena Abdilla. Jgħidu li l-atturi xi kultant kienu jżidu l-versi minn moħħom sabiex ikompli jżidu mal-komiċità tal-kummiedja. L-ewwel darba li rajtha, madwar 35 sena ilu, niftakar lil Karmena Abdilla, parti maħduma mill-mibkija Ġemma Portelli, tgħid li dawk ta’ faċċata xtraw televiżjoni, allura hi qabdet lil Paċifku tagħha jwaħħal kanna fuq il-bejt u filgħaxija fetħu t-tieqa u qagħdu jidħqu sabiex ta’ faċċata jaħsbu li anke huma kellhom televiżjoni. Dan il-fatt juri li t-televiżjoni jagħtina status. Tal-inqas dak iż-żmien kien jagħti status.

Illum ma għadniex inqisu aktar li min għandu televiżjoni għandu status. Dan l-apparat sar parti mill-għamara li ssib f’ kull dar. Mhux hekk biss, illum ma għadniex nargumentaw fuq liema programm sejrin naraw għax fi djarna sar għandna aktar minn televiżjoni wieħed u għalhekk fl-istess ħin ir-raġel jista’ jara l-partita tal-futbol u l-mara tista ssegwi is-sitcom jew is-soap opera favorita u b’ hekk nevitaw il-ġlied u l-gdiedem.

L-istatus ta’ dak li jkun illum ma għadux marbut mat-televiżjoni imma niżbaljaw jekk naħsbu li lllum kulħadd għandu l-istess status. Kultant ilkoll kemm aħhna nagħmlu bħal Karmena Abdilla. L-istatus tagħna isakkarna f’ dik li s-soċologu Max Weber isejjaħ “il-gaġġa tal-azzar” . Nixtiequ noħorġu minnha imma iżżommha ġewwa. L-istatus u l-immaġini ilkoll kemm aħna nibżgħu għalihom.

Illum kulħadd bil-mowbajl fil-but. Imma jkollna nammettu li hemm mowbajl u mowbajl. Jekk noħorġu u mmorru f’ ħanut tal-ikel, jekk ikollna mowbajl ta’ erba’ soldi, dan jibqa’ fil-but, imma jekk ikollna smartphone jispiċċa fuq il-mejda mal-pożati, il-platti u s-srievet. Forsi dan ma jindikax l-istatus tagħna? Nemmen li bosta drabi dan ma jsirx bi ksuħat jew biex wieħed juri li huwa aqwa minn ħaddieħor, imma jsir bla ħsieb, iżda juri l-istatus tagħna.

L-istess ngħidu għal ħaġa aktar sempliċi. Jekk xi ħadd ikun liebes nuċċali tax-xemx tad-ditta, meta jkun fid-dell jew meta jibda jidlam, in-nuċċali ma jmurx fil-kaxxa tiegħu imma jitla’ fuq il-moħħ. Jekk ikun nuċċali tal-ebda valur bosta drabi meta ma jintużax jitpoġġa fil-kaxxa, imma għax in-nuċċali jkun tad-ditta jagħtina status. U x’ differenza hemm bejn arloġġ tal-idejn li jiswa ftit ewro u ieħor li jiswa eluf ta’ ewro? Juruna l-istess ħin imma l-arloġġ li jiswa ħafna jagħtina ċertu status.

Hemm min jipprova jagħmel minn kollox biex jgħolli l-istatus tiegħu, u dan huwa l-ħażin meta wieħed jipprova jagħmel pass ikbar milli jiflaħ jagħmel. Ikollna nammettu li lkoll nixtiequ ntejbu l-qagħada tagħna u jkun ħażin meta wieħed ma jippruvax jimxi ’l quddiem.  Il-ħażin huwa meta wieħed jilbes żarbun akbar milli għandu jilbes.

F’ dawn il-każi nkunu qegħdin nagħmlu l-istess bħal Karmena Abdilla, nippruvaw nipproġettaw immaġini tagħna nfusna li hija ‘l fuq minn dik l-immaġini li tabilħaqq tappartjeni lilna. Hemm min jagħmel dan bla ma jinduna imma hemm min jagħmel minn kollox biex jipprova jidher ta’ status ogħla f’ għajnejn in-nies. L-istess bħas-sajjieda tar-raħal fi Sri Lanka. X’ jiswa li kellhom it-televiżjoni fid-dar jekk imbagħad ma kellhomx dak li bih jaħdem. Kif qatt setgħu jaraw programm televiżiv ġewwa darhom jekk ma kellhomx dawl?

Fr Reno Muscat 

In-Nazzjon 23 ta' Mejju 2013







[i] Roger Silverstone, Televisione e vita quotidiana, Il Mulino, Bologna, 1994, p. 137