giovedì 23 maggio 2013

X' jiswa li jkollok televiżjoni jekk imbagħad ma jkollokx dawl?


Kont qiegħed naqra ktieb u fih sibt fatt interessanti li nixtieq naqsmu magħkom. F’ raħal tas-sajjieda fi Sri Lanka la kien hemm dawl, la ilma u lanqas toroq asfaltati, kien fi ftit kliem raħal minsi mid-dinja. Xi ħadd tefa’ għajnejh fuq dan ir-raħal u beda jwassal blokki kbar tas-silġ lejn dan il-post. B’ hekk is-sajjieda setgħu jbiegħu l-ħut tagħhom lil hinn mir-raħal, setgħu jistadu aktar u l-ħut li jaqbdu jbigħuh fiċ-ċentru tal-pajjiż li huwa mbiegħed sew minn raħalhom u mingħajr is-silġ il-ħut tagħom jilħaq jinten sakemm jasal. B’ dan il-mod is-sajjieda bdew jaqilgħu aktar, biddlu d-dagħajjes tagħhom u x-xbieki tagħhom bdew ikunu tan-nylon. Insomma immodernizzaw. La kiber il-bejgħ bla dubju kiber ukoll il-qliegħ u kien hemm xi sajjieda li mill-faqar, mhux li ngħidu stagħanew, imma bdew jaqilgħuha tajjeb. Il-bejgħ tal-ħut u x-xiri ta’ makkinarju aktar modern laqqa’ lil xi sajjieda ma’ dinja li ma kienux jafu biha qabel. Kien hemm xi wħud minnhom li wara li ħallsu l-fregatina ġdida tagħhom u wara li x-xbiek kien kollu tan-nylon, kellhom biżżejjed flus biex jixtru televiżjoni. U hekk għamlu, xtraw televiżjoni. Il-problema kienet li fir-raħal tagħhom ma kienx hemm dawl. [i]
Il-fatt li xtraw televiżjoni kien juri l-istat tagħhom, l-istatus tagħhom. Issa ma baqgħux jaqilgħuha u jiekluha kif kienu qabel, issa saru jistgħu jagħmlu xi kapriċċ. Dan il-fatt fakkarni fil-kummiedja kapolavur tal-mibki Charles Clews, It-tieġ ta’ Karmena Abdilla. Jgħidu li l-atturi xi kultant kienu jżidu l-versi minn moħħom sabiex ikompli jżidu mal-komiċità tal-kummiedja. L-ewwel darba li rajtha, madwar 35 sena ilu, niftakar lil Karmena Abdilla, parti maħduma mill-mibkija Ġemma Portelli, tgħid li dawk ta’ faċċata xtraw televiżjoni, allura hi qabdet lil Paċifku tagħha jwaħħal kanna fuq il-bejt u filgħaxija fetħu t-tieqa u qagħdu jidħqu sabiex ta’ faċċata jaħsbu li anke huma kellhom televiżjoni. Dan il-fatt juri li t-televiżjoni jagħtina status. Tal-inqas dak iż-żmien kien jagħti status.

Illum ma għadniex inqisu aktar li min għandu televiżjoni għandu status. Dan l-apparat sar parti mill-għamara li ssib f’ kull dar. Mhux hekk biss, illum ma għadniex nargumentaw fuq liema programm sejrin naraw għax fi djarna sar għandna aktar minn televiżjoni wieħed u għalhekk fl-istess ħin ir-raġel jista’ jara l-partita tal-futbol u l-mara tista ssegwi is-sitcom jew is-soap opera favorita u b’ hekk nevitaw il-ġlied u l-gdiedem.

L-istatus ta’ dak li jkun illum ma għadux marbut mat-televiżjoni imma niżbaljaw jekk naħsbu li lllum kulħadd għandu l-istess status. Kultant ilkoll kemm aħhna nagħmlu bħal Karmena Abdilla. L-istatus tagħna isakkarna f’ dik li s-soċologu Max Weber isejjaħ “il-gaġġa tal-azzar” . Nixtiequ noħorġu minnha imma iżżommha ġewwa. L-istatus u l-immaġini ilkoll kemm aħna nibżgħu għalihom.

Illum kulħadd bil-mowbajl fil-but. Imma jkollna nammettu li hemm mowbajl u mowbajl. Jekk noħorġu u mmorru f’ ħanut tal-ikel, jekk ikollna mowbajl ta’ erba’ soldi, dan jibqa’ fil-but, imma jekk ikollna smartphone jispiċċa fuq il-mejda mal-pożati, il-platti u s-srievet. Forsi dan ma jindikax l-istatus tagħna? Nemmen li bosta drabi dan ma jsirx bi ksuħat jew biex wieħed juri li huwa aqwa minn ħaddieħor, imma jsir bla ħsieb, iżda juri l-istatus tagħna.

L-istess ngħidu għal ħaġa aktar sempliċi. Jekk xi ħadd ikun liebes nuċċali tax-xemx tad-ditta, meta jkun fid-dell jew meta jibda jidlam, in-nuċċali ma jmurx fil-kaxxa tiegħu imma jitla’ fuq il-moħħ. Jekk ikun nuċċali tal-ebda valur bosta drabi meta ma jintużax jitpoġġa fil-kaxxa, imma għax in-nuċċali jkun tad-ditta jagħtina status. U x’ differenza hemm bejn arloġġ tal-idejn li jiswa ftit ewro u ieħor li jiswa eluf ta’ ewro? Juruna l-istess ħin imma l-arloġġ li jiswa ħafna jagħtina ċertu status.

Hemm min jipprova jagħmel minn kollox biex jgħolli l-istatus tiegħu, u dan huwa l-ħażin meta wieħed jipprova jagħmel pass ikbar milli jiflaħ jagħmel. Ikollna nammettu li lkoll nixtiequ ntejbu l-qagħada tagħna u jkun ħażin meta wieħed ma jippruvax jimxi ’l quddiem.  Il-ħażin huwa meta wieħed jilbes żarbun akbar milli għandu jilbes.

F’ dawn il-każi nkunu qegħdin nagħmlu l-istess bħal Karmena Abdilla, nippruvaw nipproġettaw immaġini tagħna nfusna li hija ‘l fuq minn dik l-immaġini li tabilħaqq tappartjeni lilna. Hemm min jagħmel dan bla ma jinduna imma hemm min jagħmel minn kollox biex jipprova jidher ta’ status ogħla f’ għajnejn in-nies. L-istess bħas-sajjieda tar-raħal fi Sri Lanka. X’ jiswa li kellhom it-televiżjoni fid-dar jekk imbagħad ma kellhomx dak li bih jaħdem. Kif qatt setgħu jaraw programm televiżiv ġewwa darhom jekk ma kellhomx dawl?

Fr Reno Muscat 

In-Nazzjon 23 ta' Mejju 2013







[i] Roger Silverstone, Televisione e vita quotidiana, Il Mulino, Bologna, 1994, p. 137

Nessun commento:

Posta un commento