Mhux biss il-ħitan u s-saqaf!
Iddur kemm iddur,
tmur fejn tmur, illum jew għada lejn id-dar trid terġa’ tmur. Din il-ħaġa
tiġini f’ moħħi kull meta nkun qiegħed nirritorna lejn Malta wara żmien li nkun
imsiefer. Naħseb fiha aktar meta niltaqa’ ma xi persuna li tkun irritornat lura
Malta minn xi pajjiż li tkun emergrat fih bosta snin qabel. Għax id-dar ma ssib
imkien bħalha. Mhux id-dar tal-ġebel biss, il-pajjiż li tkun twelidt u trabbejt
fih jibqa’ dejjem darek.
Għandu mnejn li
l-ħaġa li tiġbidna lejn darna hija l-għadqa, il-ġabra tal-familja. Ħadd ma huwa
maħluq biex jgħix waħdu. Il-bniedem maħluq biex jikkomunika mal-oħrajn u din
il-komunikazzjoni ssir aktar intima jekk dawk li nikkomunikaw magħhom ikunu
familjari tagħna, ħbieb tagħna, persuni li magħhom nieħdu gost, nies li
l-kumpanija tagħhom timliena bil-ferħ.
Is-subborgi
Qabel ma bdew
jinħolqu is-subborgi kienu jeżistu bliet u rħula. Bir-rivoluzzjoni industrijali
u bil-mezzi tat-trasport in-nies ħarġet mill-belt u marret toqgħod fis-subborg.
In-nies tal-kampanja ma baqgħetx issib wisq xogħol fir-raba għax il-makkinarju
beda jagħmel xogħolha u għalhekk hija wkoll ħalliet l-għodda tar-raba, ħalliet
l-għorfa u fittxet dar fis-subborg. Forsi f’ Malta ma tantx kellna effett ta’
dan iċ-ċaqlieq, imma lanqas nistgħu ngħidu li ma sarx ċaqlieq. Bosta snin wara
r-rivoluzzjoni industrijali, f’ Malta
inbnew għadd ta’ fabbriki u lukandi li lkoll huma mbiegħda mid-dar
tal-ħaddiema li jaħdmu fihom. Dan huwa effett ċkejken meta mqabbel mal-effett
li kien hemm f’ pajjiżi kbar fejn id-distanzi ma humiex ta’ ftit kilometri imma
ta’ ftit mijiet ta’ kilometri.
Wieħed mill-akbar
effetti li ġabet magħhom r-rivoluzzjoni industrijali kien iċ-ċaqlieq tal-massa
mill-kampanja lejn is-subborgi, sewwasew kif isemmieh Karl Marx. Dan l-awtur
jgħid li l-urbanizzazzjoni toħloq soċjetà ta’ massa u ta’ folla li tisfaxxa
l-għaqda tal-familja. Huwa jgħid li issa l-ħaddiem ma għadux imur l-għalqa jew
fil-ħanut tax-xogħol tiegħu u martu tmur
miegħu u tieħu lill-uliedha magħhom. Issa t-tfal ma għadhomx jaraw
lill-missierhom jaħdem ir-raba jew jinċana l-fallakki jew jagħti bil-mazza fuq
l-inkwina. Issa l-familja ma għadiex tinġabar flimkien biex tiekol għax waqt
ħin l-ikel kulħadd ikun fuq xogħolu, imbiegħed mill-membri l-oħra tal-familja.
Jackob Hackert u Dun Karm
Il-Ħsad tal-qamħ tal-artist Hackert |
Dan il-ħsieb marksita dejjem
ifakkarni fil-pittura ta’ Jackob P. Hackert li hemm fil-palazz irjali ta’
Caserta fl-Italja. Dan il-kwadru, li jġib l-isem “Il-Ħsad tal-qamħ” juri bosta
ħaddiema fir-raba jaħsdu l-qamħ u taħt tinda magħmula minn liżar kbir hemm
in-nisa tal-bdiewa kif ukoll xi tfal iħarsu. Ifakakrni wkoll fil-poeżija ta’
Dun Karm Psaila: “Żjara lil Ġesù”. Silta minn din il-poeżija tgħid:
Ftakart fik żmien ħelu,
Meta kont għadni f’ dar
missieri
U mejda waħda kienet tiġborna
lkoll f’ rabta ta’ mħabba,
Lili, lil ħuti u ’l dawk li
nissluna,
Imma l-aktar fik j’ omm . .
. . . . .
Tant din
il-poeżija nara fiha sens profond li fil-mewt ta’ ommi ridt li fuq is-santa
tagħha jkun hemm miktub silta minnha, fost oħrajn din is-silta li semmejt hawn
fuq.
Identità
Fil-kitba
tal-poeta nazzjonali naraw il-ħsieb tal-mejda li tiġbor il-familja. Id-dar
tal-missier u l-mejda tal-omm. Din il-poeżija nkitbet fl-1915, dawk
iż-żminijiet il-belt jew ir-raħal Malti
kien għadu mhux biss l-espressjoni arkitettonika jew spażjali imma forma
distinata tas-soċjetà. Jekk kont ngħid “Jien
Belti” (biex inġib eżempju – għax fil-verità jien minn Ħal Qormi!) kienet
tfisser bil-wisq aktar milli twelidt u ngħix il-Belt Valletta. Kienet (u f’
ċertu sens għadha) tfisser “Jien uniku”, jien m’inix Furjaniz jew Ħamruniz jew
minn xi pajjiż ieħor. Kienet tagħti identità. Tfisser jiena kantun
mill-istruttura tal-belt, jiena wieħed mill-ħafna li nifformaw dak li aħna.
Kien żmien meta x-xogħol tal-missier kien għajn ewlenija tal-għejxien
tal-familja filwaqt li l-omm kienet tehda żżomm id-dar nadifa xummiema u trabbi
lill-uliedha fl-akbar għożża u mħabba; l-omm kienet is-sultana tad-dar. Marx
twieled kważi mitt sena qabel ma Dun Karm kiteb il-poeżija li semmejt, sewwasew
sebgħa u disgħin sena u miet fl-1883, tnax il-sena wara li twieled il-poeta
Żebbuġi. Hackert miet disa’ snin qabel ma twieled Marx. Qatt ma ltaqgħu imma sa
ċertu punt ħasbu l-istess ħaġa fuq il-familja. L-artist pitter dak li kien jara
spiss, għadnu mnejn hu stess kien imur fl-għelieqi fi żmien il-ħsad. Is-saċerdot
kien qiegħed jiftakar fiż-żmien l-imgħoddi, żmien tfulitu li issa ma għadiex
iktar għax kiber. Il-filosfu mill-Prussja semma l-familja li ma għadiex
tinġabar flimkien minħabba l-progress.
Dinja sub urbana
Illum Malta
laħqet ir-ritmu ta’ pajjiżi kbar u f’pajjiżna wkoll insibu d-dinja sub urbana
li minkejja li ma hijiex l-istess bħal dik li nsibu fi bliet kbar, xorta ħalla
l-effett tiegħu fuq id-dar Maltija. Illum ftit huma dawk li għandhom il-ħanut
tax-xogħol tagħhom imiss mad-dar u għalhekk ftit huma dawk li f’ nofsinhar
jagħlqu l-bieb u jmorru jieklu xi ħaġa d-dar. U min jaħdem bogħod mid-dar u
għandu l-mezzi biex imur jew ma jkollux ħin biżżejjed jew inkella ma jkun hemm
ħadd id-dar waqt il-ħin li jieqaf mix-xogħol biex jieħu biċċa ħobż.
Il-vantaġġ ta’
pajjiżna huwa ċ-ċokon tiegħu. Tal-anqas wara ġurnata xogħol kulħadd jista’
jerġa lura lejn daru. Matul dawn l-aħħar snin li ilni ngħix barra minn Malta
iltqajt ma bosta li jdumu ma jmorru jaraw lill-familjari tagħhom xhur sħaħ.
Għand ikollegi li iżuru lill-familja tagħhom fil-Milied u fl-Għid. Aħna
minkejja t-tibdil soċjali kollu għadna ngawdu minn dik il-ħaġa li tgħaqqadna, għadna
ninġabru d-dar.
Fr. Reno Muscat
OP
In-Nazzjon 2 ta' Mejju 2013
Nessun commento:
Posta un commento