giovedì 30 maggio 2013

“Il dottorino”

Alessandro Siani
It-Taljani għandhom ħabta jużaw id-diminuttiv biex juru li ħadu grazzja ma’ xi ħaġa. Mata oġġett jintogħġob minflok caro  jsejħulu carino, jew minflok bello jiġi bellino. Jekk tinzerta tkun Milan din il-ħaġa tosservaha iktar u iktar. Hemmehkk triq issir stradina, id issir manina, u l-omm issir mammina. B’ mod satiriku jsemmi din il-ħaġa l-artist Naplitan Alessandro Siani, fil-film Benvenuti al Nord. Huwa jistaqsi: allura jekk hawnhekk kollox tiggustaw u kollox issejħu fid-diminuttiv, għalfejn il-capuccino imbagħad issejħulu capuccio? Botta ħelwa li turi l-mod satiriku li t-Taljani tan-Nofsinhar jattakkaw lil ħuthom tat-Tramuntana.

Quddiem ir-Rai 2
Minkejja li ma kontx Malta, nhar it-18 ta’ Mejju li għadda, filgħaxija twaħħalt mat-televiżjoni sabiex insegwi il-festival Eurovision. Naħseb li dan l-avveniment huwa l-aktar wieħed li jirnexxielu jgħaqqad lill-Maltin. Inkunu fejn inkunu u nkunu ma’ min inkunu inħossuna fid-dmir li nagħtu l-appoġġ tagħna lil dak l-ambaxxatur li għal 3 minuti jkun qiegħed jirrapreżenta lil kull wieħed u waħda minna l-Maltin.
Intfajt quddiem it-televizjoni mixgħul fuq ir-Rai 2, biex l-ewwel ħaġa nsegwi l-festival u t-tieni ħaġa biex x’ ħin jidher in-numru tat-telefon li fuqu nkun jista’ nivvota lill-art twelidi nkun minn tal-ewwel li nagħmel dan. Sa mill-bidu nett intbaħt bil-mod li l-kummentaturi Taljani bdew jirreferu għar-rapreżentant Malti, Gianluca Bezzina. Sa mill-ewwel kumment tagħhom qalu li kien l-aktar wiċċ simpatiku fost il-kompetituri kollha. Matul il-programm kollu kull meta ssemma Gianluca jew issemmiet Malta dejjem intuża kliem ta’ tifħir u ta’ stima. M’inix sejjer noqgħod ngħid kull ma ntqal għax naf żgur li hemm bosta Maltin oħra li segwew dan l-avveniment fuq l-istess stazzjon li segwejtu jien. Waqt il-votazzjoni il-kummentatur irrefera għal Gianluca bħala “il dottorino.” Uża id-diminuttiv. Għall-ebda kantant jew kantanta oħra ma jidhirli li intużat din il-forma ta’ lingwaġġ. Minn dan jidher li t-Taljani ħadu grazzja ma’ Dr Bezzina kif ukoll mad-diska tiegħu. Ir-riżultat ħareġ fid-deher għax pajjiżna kien premjat b’ vot għoli mill-poplu ġar tagħna.

Blokk mediterranju
Waqt il-votazzjoni, bħal kull sena, spikkat is-simpatija bejn il-ġirien. Il-pajjiżi eks Sovjetiċi qassmu l-voti tagħhom lil xulxin. Il-pajjiżi nordiċi għamlu l-istess. Dan ma huwiex xi sigriet, dil-ħaġa kulħadd jaf biha u rajnieha kull sena u nibqgħu narawha sakemm idum isir dan il-festival. Wieħed mill-kummentaturi tal-istazzjon Taljan li kont qiegħed insegwi qajjem dan il-punt fil-kollegament tiegħu u qal li jkun jaqbel li jinħoloq blokk ta’ pajjiżi mediterranji biex jivvutaw lil xulxin. Spanja, Franza, l-Italja, Malta, l-Albanija, il-Montenegro, is-Slovenja, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja u Iżrael huma kollha pajjiżi mediterranji li jieħdu sehem f’dan il-festival u jekk jingħaqdu bejniethom għandhom mnejn jirnexxielhom irebbħuh lil xi ħadd minnhom. Imma din l-istrateġija ma tkunx tigarantixxi li l-aħjar diska tirbaħ. Jiġifieri nibqgħu fejn aħna.

Festival ta’ spettaklu
Din l-attività anwali hija fuq kollox waħda ta’ spettaklu u ta’ trasmissjoni televiżiva. Matul is-snin kien hemm bidliet fir-regoli u ’l quddiem għandu mnejn isiru aktar bidliet. Illum li waqgħu l-fruntieri bejn il-pajjiżi Ewropej, illum li nitkellmu fuq Ewropa waħda ma baqax żmien li noħolqu blokki, imma huwa żmien ta’ ftehim u kompromessi.
Il-kummentaturi Taljani instemgħu ħerqana li pajjiżhom xi darba jerġa’ jkun il-pajjiż li jospita dan il-festival. U ngħiduha kif inhi, aħna ma nixtiequx ukoll? Apparti mill-problemi li jistgħu jinħolqu jekk Malta, in-nanna fl-Eurovision skont il-kummentaturi tar-Rai 2, għad xi darba takwista l-ewwel post, żgur li ntiru bil-ferħ.

Festival ta’ għaqda
Il-motto tal-Unjoni Ewropea huwa “Magħqudin fid-diversità”. B’ dan il-motto f’ moħħi ġieni ħsieb li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kieku l-festival Eurovision jibda jsir bejn żewġ pajjiżi flimkien, bejn pajjiż li jospitah u l-pajjiż rebbieħ tas-sena ta’ qabel. Jiġifieri issir lista tal-pajjiżi interessati li jorganizzaw dan il-festival u flimkien mar-rebbieħa jorganizzaw il-festival tas-sena ta’ wara, mhux fil-pajjiż li jkun rebaħ imma fil-pajjiż li jkun imiss skont il-lista. B’ hekk żewġ kulturi differenti u għandu mnejn anke imbegħda minn xulxin ikunu jistgħu joħolqu festival ta’ għaqda u diversità. Immaġinaw ftuħ ta’ festival bejn Malta u n-Noveġja, jew bejn l-Italja u l-Ingilterra.
Gianluca Bezzina, L-aktar wiċċ simpatiku fl-Eurovision 2013

Fuq widnejn torox?
Għandu mnejn dan is-suġġeriment tiegħi diġa sar qabel. Għandu mnejn għadu ma sarx, għandu mnejn jaqa’ fuq widnejn torox u għandu mnejn jinstama’. Tajjeb li min huwa nkarigat jaħseb ftit fuq dan is-suġġeriment. Il-kumitat organizzattiv tal-festival kanzunetta għall-Ewropa, il-ministeru tal-kultura, il-kunsill Malti tal-kultura u arti, il-membri parlamentari Ewropej ta’ Malta, kollha jistgħu jagħtu palata għaliex le? Moviment jinbet bejn żewġ persuni, minn taħdita. Xrara nar tista’ tqabbad ħuġġieġa kbira. Hemm xi ħadd lest iqabbad din ix-xrara nar?

Bdejt bid-dottorino u xieraq intemmu bih ukoll. Prosit u grazzi Dr Bezzina, kburin bik bħalma konna kburin b’ dawk kollha li marru jirrapreżentawna qablek. Grazzi u prosit ukoll lil dawk kollha li b’ xi mod kellhom sehem f’ din l-attività li tant nsitennew b’ ħerqa aħna l-Maltin.


Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2013


Nessun commento:

Posta un commento