Ngħaddi ħin twil
bilqegħda fuq l-iskrivanija, naqra, infittex jew nikteb. Illum ersaqt qrib
tat-tieqa għax ridt noħroġ ftit u naqta’ ftit minn quddiem il-kompjuter. Allura
ridt nara x’temp hu ħalli nadatta dak li se nilbes. It-tieqa ta’ kamarti niftaħha
kull filgħodu, l-ewwel ħaġa li nagħmel malli nqum imma ftit li xejn noqgħod
nifli dak li jkun għaddej lil hinn mill-ħoġor tagħha. Imma llejla ħarsti
waqgħet fuq is-siġar li hemm fit-triq fejn noqgħod. Sa ftit jiem ilu kienu
zkuk, illum mimlijin weraq. Jidher li r-rebbiegħa qiegħda fl-aqwa tagħha.
Indunajt bil-bidla li saret fit-triq, donnha triq oħra u mhux dik li noqgħod
fiha u li ngħaddi minnha kuljum. Donnha minn ġot-tieqa derhet mod ieħor. F’
kelma waħda indunajt bil-bidla.
Bidliet fina u fl-oħrajn
F’ ħajjitna
ngħaddu minn bosta bidliet li xi wħud nindunaw bihom u oħrajn jgħaddu bla ma
nintebħu bihom. M’ilux kont il-Birgu u xi ħbieb tiegħi stednuni nidħol nieħu
flixkun birra magħhom. Dħalt u poġġejt bilqegħda madwar il-mejda tagħhom. Wara
ftit nara bniedem isellimli mill-mejda ta’ maġenbna. Sellimtlu aktar bħala
edukazzjoni milli għal xi ħaġa oħra. Huwa intebaħ li ma kontx għaraftu, u
tassew li ma għaraftux. Qam u resaq lejja u beda jkellimni. Għaraft leħnu u
mbagħad għaraft lilu. Konna noħorġu flimkien xi 25 sena ilu. Għidtlu li ma
għaraftux għax kien tqawwa. Hu pront pront weġibni li ma għandix għax ngħid
għax lili jiftakarni daqs nofs dak li jien illum! Nispera li ma ħax għalih b’
hekk. Le ma ħax għax ftit jiem wara erġajna iltqajna fuq tal-linja u tkellimna
fit-tul. X’ bidla! Lanqas tagħraf bniedem minħabba l-bidla li tkun saret fih.
Kultant inkun
Malta u nara n-neputijiet u ngħid f’qalbi:
“Ara naqra n-neputija kemm kibret, qisu l-bieraħ mort għaliha u għal
ommha bil-karozza tiegħi biex mill-isptar noħodhom id-dar.” Nara n-neputi u
ngħid: “Ara naqra daqs xiex sar, daqsi mit-tul (mhux mill-wisa’), qisu l-bieraħ
niftakru għand ommi, għadu tarbija fil-playpen,
jitqatel magħha biex jipprova joħroġ minnha u meta kien jaqta’ qalbu li jista
xi darba jissupera dak l-ostaklu kien jintefa jgerrem l-ilqugħ ta’ dik il-playpen.” Bidliet li jekk ma nieqfux u
nirriflettu fuqhom lanqas nintebħu bihom.
Bidla fil-Knisja
Dan l-aħħar
kellna bidla fit-tmexxija tal-Knisja. Din kienet bidla li indunajna biha u
għadna nħossu l-effett tagħha, l-aktar aħna li ngħixu Ruma qrib tal-Vatikan.
Kull nhar ta’ Erbgħa minn kmieni filgħodu jibdew jaslu eluf ta’ nies biex
jattendu għall-udjenza ġenerali. L-istess isir kull nhar ta’ Ħadd, mijiet ta’
eluf jiġu Ruma biex jassistu għall-udjenza jew għall-Angelus mal-papa
Franġisku. Bidla kbira. Rigward din il-bidla ma nistax ma nsemmix punt. Hija
bidla li tidher, imma fiha wkoll bidla li ma tidhirx. Il-kappillan tal-parroċċa
tiegħi qalli li kien hemm persuna li tiddikjara lilha nnifisha atea, ma temminx
b’ Alla, imma hija ħbieb tal-kappillan tagħna. Ftit jiem ilu din il-persuna
iltaqgħet mal-kapillan u qaltlu; “Qis li meta tkun qiegħed tbierek id-djar
fit-triq tiegħi, ħabbatli għax irrid inbierek jien ukoll.” Il-kappillan qalilna
li din il-persuna tant inġibdet mill-kariżma tal-Papa Bergoglio li qiegħda
terġa lura lejn il-fidi li darba kellha. Bidla oħra li jalla jkollna ħafna
bħalha.
Bidla fil-mentalità
L-Italja u Malta
bidlu l-gvern. Naraw bidliet fil-mentalitajiet tal-votanti. Illum ma għadux
iż-żmien li bniedem jitwieled f’ partit politiku u jibqa’ fih sakemm imut. Dan
rajnieh sewwa f’ pajjiżna fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u rajnieħ kemm-il
darba fil-pajjiż ġar tagħna. Bidla; dak li jrid il-bniedem. Il-ġenerazzjoni
tal-lum ma taħsibx aktar fuq l-istat tal-welfare,
fuq kemm il-pajjiż jista’ jkun aħjar għax lanqas timmaġina li xi darba dak li
għandha f’idejna llum ma kienx jeżisti. Il-ġenerazzjoni tal-lum ma timmaġinax
kif kienet id-dinja qabel ma twieldet hi. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ Malta,
per eżempju, ma timmaġinax li s-servizzi li ngawdu llum f’pajjiżna huma frott
tal-gvernijiet kollha li mexxew lill-artna tul-dawn l-aħħar ħamsin sena, tul
kemm Malta ilha stat. Illum din il-ġenerazzjoni tgħożż dak li għandna imma
tħares lejn xi ħaġa oħra. Tħares lejn il-libertà tal-kult, li kulħadd ikollu
dritt jemmen dak li jrid. Tiddefendi l-libertà dwar l-orjentament sesswali
tal-individwu. Tiġġieled għall-ambjent. Tirsisti għall-paċi fid-dinja. Ħamsin
sena ilu dawn l-issues ma kienux fuq
l-aġenda tal-pajjiż, kien hemm issues
aktar importanti. Illum li pajjiżna laħaq livell ta’ ħajja għoli, nistgħu
inpoġġu dawn il-punti fuq l-aġenda politika tagħna. Saret bidla fil-mentalità. Naħseb ma nkunx
qiegħed niżbalja jekk ngħid li dawn l-issues
għenu ħafna fil-bidla politika li seħħet f’ pajjiżna aktar kmieni din is-sena.
Bidliet fit-temp
Illum irrid
inbiddel ukoll il-gwardarobba. Il-ħwejjeġ tax-xitwa nitfagħhom fuq u nniżel
dawk tal-mezzu temp fl-ixkaffa tan-nofs fejn nilħaqhom b’mod aktar faċli. Bidla
oħra li rridu jew ma rridux ikollna ngħaddu minnha ta’ kull sena: il-qalba
mix-xitwa għas-sajf u mis-sajf għax-xitwa. Għalkemm illum anke it-temp inbidel u minkejja li wasalna fuq l-għatba tas-sajf.
Donnu t-temp għadu ma jafx eżatt x ser jagħmel. Ħarsa lejn l-Italja naraw li lejn
l-aħħar ta’ Mejju t-temperatura varjat minn taħt iz-zero n-naħa ta’ fuq għal
iktar minn għoxrin grad fil-parti ta’ isfel.
Nistgħu nibqgħu
sejrin għax ħajjitna kollha bidliet, kull jum li jgħaddi minn fuqna jibdilna,
jkabbarna, jimmaturana. Għalkemm ma għadiex moda din il-kelma xorta se nużaha –
kull jum li jgħaddi minn fuqna jxejjaħna. Kont ser nagħmel bidla oħra – fil
bidu ktibt li kont ser noħroġ ftit imma ara intfajt nikteb u bqajt hawn ġew,
kont sejjer nibdel il-ħsieb. Le, le, se nitfa’ l-ħwejjeġ fuqi u nitlaq nagħmel
passejn. Kif ngħidu: biex inbiddel ftit l-arja.
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 6 ta' Ġunju 2013
Nessun commento:
Posta un commento