(Dan l-artiklu ktibtu sentejn ilu - fl-2011)
Pajjiżna għadu kif għadda minn
eżerċizzju. Għadna kif eżerċitajna d-dritt tal-vot bħala ċittadini ta’ pajjiż
demokratiku. Ir-riżultat nafuh u ma hiex l-intenzjoni tiegħi li niddiskuti
ir-riżultat tar-referendum. Iżda minbarra r-riżultat li ħareġ f’ dan
ir-referendum, ħareġ riżultat ieħor mingħajr ma sar vot għalih. Xi rrid ngħid
b’ dan il-kliem? Qabel il-jum tar-referendum saru bosta mistoqsijiet li dlonk juru
li l-Maltin huma neqsin minn ċerta informazzjoni. Dan huwa ir-riżultat l-ieħor
li ħalla ir-referendum tat-28 ta’ Mejju li għadda.
Bosta ħbieb tiegħi staqsewni jekk
min jivvota favur id-divorzju jkunx qiegħed jidneb. Jekk min ivvota Iva jistax
jirċievi s-sagramenti. Kien hemm min staqsieni jekk erġajniex lura
għall-kwistjoni politika-reliġjuża li kien hemm f’ pajjiżna fis-snin sittin.
Lil bosta minn dawn il-ħbieb weġibthom mill-aħjar li stajt, imma intbaħt li
hemm bżonn ta’ ħafna tagħlim. Ma nlumhomx lil dawn sħabi li staqsew dawn
id-domandi għax nemmen li kien hemm xi ftit tad-diżgwid anke mill-awtoritajiet
kompetenti.
Jekk min-naħa tal-Knisja kien
hemm xi nuqqas ta’ tagħrif, naħseb li anke min-naħa tal-istat ma kienx kollox
ċar kristall. Ikun jiswa’ jekk jinħoloq ċentru ta’ informazzjoni dwar il-liġi
tad-divorzju. Helpline fejn wieħed
ikun jista’ iċempel u jsib min jirrispondi il-mistoqsijiet li jkollu. Mhux
sewwa li kulħadd intelaq jimxi għal riħu bla ma jsib min ifehmu.
B’ mitt sena ħsieb ma tħallasx
xahar kera! Jeħtieġ li minn issa nibdew naħdmu konkretament sabiex kemm bħala
Knisja kif ukoll bħala stat ikollhom punti ta’ riferiment għal dik il-faxxa ta’
nies li forsi ma jkolliex idea ċara. Dawn iż-żewġ istituzjonijiet għandhom
jagħmlu minn kollox biex jgħinu lil dawn in-nies li bosta minnhom ikunu ilhom
ibatu. Ngħinuhom billi mill-ħsieb ngħaddu għall-fatti.
Fr. Reno Muscat OP
Dan huwa artiklu ta' sentejn ilu, 2011.
Nessun commento:
Posta un commento