F’ kull attività li ssir fil-Vatikan naraw
dawk is-suldati liebsa uniformi medjevali. Jissejħu l-Gwarda Żvizzera, imma x’rabta
għandhom mal-Papa u mal-Vatikan?
Armata
Il-Gwardja Żvizzera nistgħu nsejħulha bħala l-armata tal-Vatikan. Hija
l-iżgħar armata fid-dinja, imma b’ daqshekk ma jfissirx li l-membri tagħha huma
nieqsa mit-taħriġ professjonali li jitħarrġu suldati f’ armati oħrajn. Ir-rabta
ta’ din il-gwardja li wara kollox hija ta’ pajjiż barrani, mal-Papa ilha mijiet
ta’ snin.
Fit-22 ta’ Jannar, 1506, grupp ta’ 150 suldat Żvizzeru taħt il-kmand
tal-Kaptan Kaspar Von Silenen, daħal għall-ewwel darba fil-belt tal-Vatikan
sabiex jaqdi lill-C
Din l-armata ma kienitx tieħu ħsieb lill-Papa biss imma ħadet sehem f’
għadd ta’ taqbidiet, fosthom dik li seħħet fis-6 ta’ Mejju, 1527 meta l-armata
ta’ Karlu V ħakmet Ruma u waslet sal-għatba tal-Vatikan. Il-gwardji Żvizzeri
ddifendew lill-Papa. Kienu 189 suldat, 40 minnhom daru mal-Papa Klement VII u
minn fuq il-Passaġġ tal-Borgo irnexxielhom iħarrbuh lejn il-Kastell ta’ Sant
Anġlu. Il-gwardji l-oħra baqgħu quddiem
il-Vatikan jissieltu. Ħadd minnhom ma salva u spiċċaw taħt ix-xabla tas-suldati
tal-għadu. Bħala rikonoxximent il-Papa żamm lil din il-gwardja bħala l-gwardja
privata tiegħu, u hekk għadha sal-lum.
Meta fl-1870 Ruma kienet maħkuma mit-truppi tar-Renju tal-Italja,
il-Gwardji Żvizzeri baqgħu jiddefendu l-Papa u l-palazzi tiegħu. Fl-1914
il-Papa Piju X kien fissa n-numri ta’ gwardji għal mitt suldat u sitt
uffiċċjali fosthom wieħed fi grad ta’ Kurunell. Matul it-tieni gwerra dinjija
il-Papa Piju XII kien żied in-numru ta’ gwardi għal tlett mija biex b’ hekk
kien hemm sigurtà akbar fil-Belt tal-Vatikan.
Sal-lum il-ġurnata din l-armata ċkejkna tieħu ħsieb is-sigurtà tal-Papa ġewwa
l-Palazz Appostoliku u flimkien mal-ġendarmerija tal-Vatikan tieħu ħsieb
id-dħul u l-ħruġ tal-persuni fil-Belt tal-Vatikan kif ukoll tieħu sehem
fiċ-ċerimonji tal-Papa bħalma hija l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa
kif ukoll funzjonijiet li jsiru fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-membri tal-armata
Mhux kulħadd jista’ jsir membru tal-Gwardja Żvizzera, biex xi ħadd isir
membru jrid ikun:
Ta’ sess maskili.
Ikollu ċittadinanza Żvizzera.
Ikun Kattoliku.
Ikun wettaq is-servizz militari fl-armata Żvizzera
u jkollu ċertifikat ta’ kondotta tajba.
Ikollu aktar minn 18-il sena imma inqas
minn 30 sena.
Ma jkunx iqsar minn 174 ċentimetri.
Ma jkunx miżżewweġ
Ikollu ċertifikat ta’ kapaċità
professjonali u maturità.
F’ dan il-korp jistgħu jkunu miżżewġin is-sitt uffiċċjali iżda mhux
is-suldati. F’ intervista li ta fl-2005 dak iż-żmien l-Kurunell tal-Gwardja Żvizzera,
Daniel Rudolf Anrig, kien qal illi jista’ jasal iż-żmien li l-gwardja Żvizzera
li sservi lill-Papa jkollha fiha membri ta’ sess femminili. Proposta li hemm
bosta kurrenti kontriha.
Uniformi unika
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-Gwardja Żvizzera u ma nsemmux l-uniformi
unika tagħha. Din l-uniformi hija ta’ lewn ikħal, aħmar u isfar skur. Għandha
għamla rinaxximentali. Bosta jemmnu li din l-uniformi kienet disinjata
mill-magħruf Michelangelo billi dan l-artist kien jinsab ġewwa Ruma meta waslu
l-ewwel darba f’ Ruma is-suldati Żvizzeri. Imma din hija biss leġġenda.
L-uniformi tal-lum tfasslet mill-Kmandant Jules Repond fl-1914, imma hija
magħmula fuq disinn ta’ Rafaello. Din l-uniformi għandha wkoll żewġ
verżjonijiet, jew dik gala fejn il-gwardja jilbes il-korazza u l-elmu
tal-metal, jew dik uffiċjali fejn ikun mingħajr korazza u minflok elmu jilbes
beritta stil militari sewda.
Din l-uniformi tintuża fil-festi u fil-Ħdud u f’okkażjonijiet speċjali.
Għal kuljum il-Gwardji għandhom uniformi aktar komda, li hija ta’ lewn ikħal b’
beritta militari sewda.
Il-ħjata tal-uniformi
L-uniformijiet jinħietu minn ħajjat fil-kwartieri tal-armata stess. Billi
d-drapp li jintuża huwa pannu, l-uniformi tiġi tiżen kważi 4 kili. Din hija
l-aktar uniformi militari tqila fid-dinja. Fix-xhur tax-xitwa il-gwardji jilbsu
wkoll speċi ta’ kapott ikħal skur fuq din l-uniformi. B’ kollox uniforma waħda
fiha 154 biċċa. Biex din titfassal u tinħiet tieħu madwar 32 siegħa xogħol –
erbat ijiem xogħol ta’ tminn siegħat kuljum!
Servizz
Il-gwardji jagħmlu servizz ta’ sentejn u r-rekluti ġodda jibdew is-servizz
tagħhom nhar is-6 ta’ Mejju, fl-anniversarju tal-ħtif ta’ Ruma (1527). Iċ-ċerimonja
ssir fil-bitħa ta’ San Damasju fil-Belt tal-Vatikan, imma ġieli kienet ix-xita
u din saret fl-Awla Pawlu VI. F’ din iċ-ċerimonja ir-rekluta jieħu ġurament ta’
fedeltà lejn il-papa u s-suċessuri tiegħu, iwiegħed li jagħmel kull sagrifiċċju
sabiex jiddefendihom. Il-ġurament jista’ jittieħed jew bil-Ġermaniż, jew
bil-Franċiż jew bit-Taljan, skont minn liema parti tal-Iżvizzera jkun ġej ir-rekluta. Ma ninsewx li l-Iżvizzera ma
għandiex ilsien tagħha imma tuża dawn it-tliet ilsna.
Fis-6 ta’ Mejju, 2006 kien iċċelebrat il-ħames mitt anniversarju ta’ din
il-gwardja li taqdi lil Papa. Għal dik l-okkażjoni grupp ta’ veterani li f’ xi
żmien servew fil-Gwardja Żvizzera imxew għal madwar xahar, mill-Iżvizzera sa
Ruma. Dik is-sena iċ-ċerimonja tar-rekluti, li kienu 33, ma saritx fil-bitħa
ta’ San Damasju imma quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru.
Taħriġ
Wara l-attentat fuq il-Ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru
fit-13 ta’ Mejju, 1981, mit-Tork Meħmet Ali Agca, il-Gwardja Żvizzera ħasset
aktar il-ħtieġa li ma tkunx biss korp għaċ-ċerimonji. Beda jsir aktar taħriġ
lill-membri tagħha, kemm f’taqbid bla armi kif ukoll taħriġ f’ użu ta’ armi
tan-nar żgħar.
Il-gwardji joqgħodu fil-kwartier tagħhom li jinsab sewwasew kif tidħol
mill-bieb ta’ quddiem il-Knisja ta’ Sant Anna, fuq il-lemin tal-pjazza San
Pietru. Bħal bosta żgħażagħ dan il-gwardji joħorġu fit-toroq ta’ Ruma meta ma
jkunux xogħol u faċli tiltaqa’ ma xi ħadd minnhom fit-toroq tal-Belt ta’ Ruma.
Fr Reno Muscat op
Nessun commento:
Posta un commento