Memori ta’ ħajja li ma terġax
tiġi: Bejn Pjazza San Franġisk u z-zuntier tal-knisja
Kultant inkun indur fit-toroq tagħna u
dlonk ninnota xi binja ġdida. Dlonk moħħi joħodni lura fis-snin, l-aktar lejn
nofs is-snin sebgħin meta Ħal Qormi kien għal kollox differenti minn dak
tal-lum. Nixtieq naqsam magħkom dawn il-ftit tifkiriet li kull meta nkun
ir-raħal iġibuli bosta nostalġija.
Il-knisja
Meta kont immur il-knisja mal-bużnanna,
konna nidħlu mill-bieb tal-faċċata tan-naħa tal-istatwa ta’ San Ġuzepp. Għandi
idea żgħira tal-quddies ta’ dak iż-żmien. Minkejja li l-konċilju Vatikan II
kien ilu madwar għaxar snin li spiċċa, ir-riformi tiegħu damu ma kienu attwati.
Niftakar is-saċerdot iqaddes b’ dahru lejn in-nies, niftakar bosta xjuħ,
fosthom il-bużnanna tiegħi, li waqt il-quddies kienet tgħid ir-rużarju.
Niftakar li f’tal-erwieħ, it-2 ta’ Novembru ġieli rajt qassisin iqaddsu fuq
l-altari tal-ġnub. Dak iż-żmien kienu għadhom ma sarux il-bankijiet li hemm
illum imma l-knisja kellha s-siġġijiet u għalhekk kien ikun faċli li wieħed jaqbad
siġġu u jdawru kif irid hu.
Qegħdin nitkellmu dwar snin li l-parroċċa
tagħna kellha lil Dun Gerald Frendo bħala Arċipriet. Fi żmien dan l-arċipriet kienet inżebgħet il-knisja u
fil-friz ta’ taħt iċ-ċinta kienu saru dawk l-arem li għadna nistgħu ngawdu
sal-lum. Darba minnhom ġimgħa qabel il-festa niftakar fil-quddiesa tal-Ħadd
kien qalilna li kienu saru l-pilastri tad-damask ġdid. Niftakar qisu l-bieraħ
li d-damask il-ġdid ma kienx b’saħtu bħall-antik u għalhekk ma għandniex
inserrħu miegħu għax malajr jitqatta’. Kien inbidel id-damask tal-korsija u
tal-kappelluni
Magħmudija u Funerali
Fi tfuliti niftakar li magħmudija kienet
issir quddiem il-fonti tal-ilma mbierek, bil-bieb tal-knisja magħluq, issir
magħmudija ta’ tarbija waħda u mingħajr quddiesa.
L-ammont kbir ta’ karozzi li jduru
mat-toroq ħalla l-effett tiegħu anke fuq il-mod li jsiru l-funerali. Meta
l-persuna kienet tmut id-dar, din kienet tinġarr lejn il-knisja fuq l-ispalel u
wara l-quddiesa il-funeral kien ikompli bil-mixi mill-knisja saċ-ċimiterju
tal-parroċċa. Niftakar li fil-funerali kienu jinġiebu s-sorijiet sabiex jitolbu
għal ruħ il-mejjet jew mejta. Iċ-ċimiterju ta’ San Ġorġ minn dejjem niftakru
kif inhu għajr li ma kienx hemm il-kappella. Niftakar ċar funeral ta’ tifla
żgħira. Kont sejjer l-iskola, nżomm id ommi, u fi Triq il-Kbira niltaqgħu ma’
funeral ta’ tifla. It-tebut kien miftuħ u kien qiegħed jinġarr minn erbat
ibniet fuq żewġ trieħi. Qatt ma rajt funeral ieħor bħal dan.
Minn San Franġisk sal-knisja
Dom Mintoff f' meeting tal-Partit Laburista fi Pjazza san Franġisk (c) |
Il-mixja minn fejn San Franġisk sal-knisja
kienet obbligatorja. Din kienet il-qalba tar-raħal u fiha kienet issir kulla
ttività. Biex immur l-iskola, biex nirkbu tal-linja, biex immorru l-quddies,
biex nixtru. La qed insemmu x-xiri ġew f moħħi l-ħwienet li spiss kont immur
fihom biex naqdi lil ommi. L-aktar qrib tad-dar tagħna kien dak tal-merċa, ta’
Ninu ta’ Feliċ (Anthony Tabone). Staqsi u jaqdik. Jekk kien ikollna bżonn xi bozza, jew xi ħaġa
tal-elettriku konna ninqdew bil-ħanut ta’ Philips tal-familja Mizzi. Fil-qrib
kien hemm ukoll l-unika spiżerija qrib tad-dar, Pasteur Pharmacy ta’ Karmenu
Cardona magħruf bħala Karmenu l-ispiżjar. Qrib ta’ dawn iż-żewġ ħwienet kien
hemm il-magħruf Fredu taż-żebgħa (Alfred Gatt). L-aħħar ħanut li niftakar li
spiss kont inżur kien ta’ Rożina tal-ħelu (Abela). Ngħidulha tal-ħelu imma
fil-verita’ kont issibilha kollox. Staqsi u ttik! Illum l-ebda wieħed minn dawn
il-ħwienet ma għadu miftuħ.
Meeting tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Franġisk (c) |
Dejjem bejn San Franġisk u l-Knisja
niftakar li kont immur l-iskola tas-Sorijiet. Minflok id-dar tal-anzjani li
hemm illum kien hemm skola tat-tfal zgħar. Dawn l-istess sorijiet kienu jgħallmuna
d-duttrina fil-post li kien tal-Azzjoni Kattolika, qrib l-istess skola/kunvent.
Matul triq il-Kbira u f’ bosta toroq oħra niftakar għadd ta’ speakers imwaħħlin
taħt il-gallarijiet. Fix-xahar ta’ Ottubru kien jingħad ir-Rużarju u kien
jixxandar minn dawn l-ispeakers. Speaker ieħor li niftakar huwa dak li kien
hemm barra l-ħanut Pinto City Bar fi pjazza San Franġisk. Dan ma kienx ixandar
ir-rużarju imma kien iwassal l-aħbarijiet tar-Redifusion.
Festi
Darba l-Arċipriet qalilna li kien ser jinħoloq
kor tat-tfal għal mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Konna bdejna mmorru
għall-provi tal-kant ġewwa l-każin tal-banda. Inkantaw Poplu Tiegħi, O vos
Omnes u l-Innu lid-Duluri. Billi konna noqgħodu qrib ma kienitx problema biex
immur il-każin. Anke l-festa ta’ San
Ġorġ kienet differenti. Marċijiet kienu jsiru t-Tnejn, il-Ħamis, il-Ġimgħa u
l-Ħadd. Is-Sibt kien isir il-programm fi Pjazza San Franġisk. Terġa’ tgħid li
qabel lanqas il-marċi tat-Tnejn u l-Ħamis ma kienu jsiru, imma jien dejjem
niftakarhom isiru. Biż-żmien bdew jinġiebu baned barranin għall-jiem tat-Tlieta
u l-Erbgħa. Nhar ta’ Erbgħa bdiet tgħaddi l-banda minn quddiemna. Ħaġa ġdida!
Għeluq
Kif itir iż-żmien, jgħaddi bħal ħolma u
forsi lanqas nintebbħu kemm tibdil iġib miegħu. Jinbidlu l-binjiet, jinbidlu
t-toroq, jinbidlu l-persuni u kollox jibqa’ maħżun fil-memorja. U aħna nikbru
wkoll u dak li hemm fil-memorja tajjeb li jitniżżel fuq il-karta għax faċli
jintilef. Semmejt postijiet u nies li kbirt magħhom. Semmejthom b’isimhom u
semmejt il-laqam mhux b’ disprezz, imma għax il-laqam tagħhom jagħmilhom uniċi.
Kemm memorji! Ġrajjiet li flimkien mat-tikmix li kull ma jmur jibda’ jidher fuq
wiċċna, jfakkruna li qegħdin nikbru u jġagħluna nieqfu u nirriflettu!
Fr. Reno Muscat O.P.
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Qormi, 2013
Nessun commento:
Posta un commento