San Giorgio dei Greci Venezja |
Fil-ħarġiet ta’ dan il-programm ta’ dawn l-aħħar snin ktibt dwar knejjes
iddedikati lil San Ġorġ Marti li jinstabu ġewwa Venezja. Wara San Giorgio
Maggiore u San Giorgio degli Schiavoni din is-sena nixtieq nikteb dwar knisja
oħra li bħat-tnejn ta’ qabel hija taħt il-patroċinju tal-martri ta’ Lidda u
bħalhom ukoll tinsab fil-belt ta’ Venezja. Id-differenza ta’ din il-knisja minn
dawk ta’ qabel hija li din tappartejeni għall-Kristjani Ortodossi Griegi.
Il-Knisja fil-fatt tissejjaħ San Giorgio
dei Greci.
Ikona fuq il-bieb tal-knisja |
Ta’ interess partiklolari huwa l-fatt li din il-knisja isservi bħala
l-kattidral tal-arċidjoċesi tal-ortodossi Griegi fl-Italja. Bħala bini
tappartjeni lill-isititut Ġriek, li jinstab imiss mal-knisja u għalhekk taqa’
direttament taħt l-istat tal-Greċja. Bdiet tinbena fl-1539 u kienet lesta
fl-1561. Ma għandniex ninsew li Venezja kienet minn dejjem belt marittima u
repubblika ta’ bosta kummerċ u l-kummerċ iġib bosta nies. Minn dejjem, Venezja
kellha rapporti kummerċjali tajbin ħafna mal-imperu biżantin u għalhekk
il-preżenza ta’ neguzjanti Griegi hawnhekk kienet kbira. Meta t-Torok farrku
lill-imperu biżantin u ħakkmu Kostantinopli, xi Griegi fittxew li jaħarbu minn
pajjizhom u jsibu kenn ġewwa Venezja. Dawn l-imsejkna kellhom bżonn ta’ knisja
sabiex taqdiehom spiritwalment. Talbu l-permess tal-Papa u dan tahom
il-permessi meħtieġa sabiex tinbena din il-knisja. Il-post fejn inbniet
il-knisja kien ta’ isqof metropolita Grieg li kellu t-titlu ta’ isqof ta’
Filadelfja (mhux l-Amerika)post fl-Orjent li jissemma anke fl-Apokalissi. Dan
il-post kien qrib ta’ Lidda, il-post tat-twelid ta’ Ġorġ Anici, illum
fit-Turkija
Il-knisja minn gewwa |
Quddiem il-knisja insibu kanal, bħalma nsibu fil-kumplament tal-belt.
Tinsab fil-parti msejħa il Castello. Madanakollu wieħed jista’ jasal
għall-knisja bil-mixi billi pontijiet u mogħdijiet oħra jinsabu qrib il-knisja.
Il-faċċata tal-knisja hija waħda rinaxximentali li tikkumplimenta mal-knejjes
l-oħrajn li nsibu fil-qrib u xejn ma hemm x’ jindika li hija tar-rit ortodoss.
Fuq il-bieb prinċipali insibu mużajk li jirrappreżenta lil Kristu u aktar il
fuq insibu burdura skulturata. Fost l-iskultura fil-ġebel naraw l-ewwel lil San
Ġorġ fuq iż-żiemel. Jekk minn barra xejn ma hija differenti minn knejjes
oħrajn, min ġewwa għall-kuntrarju. Hija knisja tipika ortodossa. Fiha navata
waħda, dik ċentrali. Bħal kull knisja ortodossa fiha l hekk imsejjaħ
ikonostasi, speċi ta’ ħajt tal-injam, impitter b’ ikoni u msebbaħ b’ għadd ta’
skultura u nduratura. Dan il-ħajt jifred l-altar mill-kumplament tal-knisja.
Fuq dal-ħajt insibu dejjem ikona tal-Madonna bil-Bambin fuq ix-xellug u ikona
ta’ Kristu fuq il-lemin. Ħafna drabi ħdejn l-ikona tal-Madonna jkun hemm ikona
tal-qaddis patrun tal-knisja u ħdejn l-ikona ta’ Kristu jkun hemm ikona ta’ San
Ġwann Battista. Aktar ma il-knisja tkun għanja aktar tkun imsebbħa. F’ dan
l-istess ħajt insibu tliet bibien, tal-ġnub biex jintużaw mid-djakni u
mill-abbatini u dak tan-nofs jista’ jgħaddi minnu biss il-papas, il-qassis
tal-Ġriegi. Fil-knisja li qed nitkellmu dwarha insibu ikonastasi rikk. Ħdejn
l-ikona tal-Madonna insibu dik ta’ San Ġorġ u ħdejn dik ta’ Kristu naraw xbieha
tal-Battista. Iktar ikoni ta’ appostli u anġli jkomplu jsebbħu dan il-ħajt.
Fil-knisja ma hemmx siġġijiet jew bankijiet kif aħna mdorrijin naraw
fil-knejjes tagħna. Fil-liturġija ortodossa normalment in-nies tibqa’
bilwieqfa. Għalhekk fil-ġnub tal-knisja jinstabu bankijiet li jservu għal dawk
li jkunu għejjew. Ta’ min jgħid li servizz liturgiku ortodoss normalment idum
sagħtejn. Ħaġa normali li xi wħud jgħejjew u għalhekk ifittxu li jpoggu
bilqegħda. Il-knisja fiha għadd ta’ relikwi antiki fosthom waħda ta’ san
Bażilju l-kbir.
Quddiem il-knisja hemm bħal zuntier jew pjazzetta li fiha wkoll il-kampnar
tal-knisja. Ħaw naraw għadd ta’ lapidi mwaħħlin mal-ħajt, ovvjament miktubin
bil-Grieg. Waħda minnhom taghtina l-lista sħiħa tal-kappillani li servew
lill-dil-Knisja, lista li tibda mill-1577. Fuq wara tal-knisja insibu
ċimiterju. Mhux komuni li f’ Venezja nsibu ċimiteri mal-knejjes. Iċ-ċimiterju
ta’ Venezja jinstab fuq il-gzira ta’ San Mikiel, imma fuq wara ta’ din
il-knisja hemm ċimiterju li ma għadux jintuża.
Illum din il-knisja qegħda titlef l-importanza tagħha. Ftit huma dawk li
jżuruha. Ftit huma l-Griegi li ghadhom jgħixu Venezja. Min xi darba mar f’
dil-belt jaf kemm hija diffiċli biex tidra t-toroq u l-passaġġi li hemm u
l-post mhux daqstant ċentrali li fiha tinsab dil-knisja jkompli jgħin biex
inqas u inqas nies imorrun jżuruha.
Fr. Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa 2013 tal-Ghaqda Socjo-Muzikali Anici Qormi.
Nessun commento:
Posta un commento