Meta nqallbu
l-kotba tal-istorja ta’ pajjiżna dejjem insibu li b’xi mod jew ieħor Ħal Qormi
kien protagonist. Dan minħabba l-għadd ta’ nies li minn dejjem kienu jgħixu fih
kif ukoll minħabba li jinsab qrib il-port, iċ-ċentru tal-kummerċ u l-attività, u
b’hekk bilfors minn dejjem kellu ċerta importanza.
L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb |
Sabiex nifhmu
ftit kif kienet is-sitwazzjoni ta’ dawn il-każini sejrin niftħu żewġ kotba
antiki li fihom insibu ħjiel ta’ kif kienet il-ħajja Maltija dak iż-żmien.
Il-kotba li qiegħed nirreferi għalihom huma tal-magħruf Pietru Pawl Castagna: Malta
bil-gżejjer tagħha u li għadda min għaliha, stampat fl-1865 u L-Istorja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha
tas-sena 1890.
P.P. Castagna |
Castagna, iben Antonio
u Carmela nee’ Gonzi twieled ġewwa Bormla nhar is-16 ta’ Ġunju 1827, Wara
l-istudji primarji mar jistudja fil-Liceo tal-Belt Valletta. Beda jaħdem mal-Gvern bħala għalliem tal-iskola
elementari, laħaq surmast u wara direttur tal-edukazzjoni elementari. Castagna
baqa’ msemmi bħala edukatur, storiku u folkloristiku li kiteb l-ewwel Storja
ta’ Malta bil-Malti. Huwa għen il-letteratura Maltija billi kiteb ħafna
rapreżentazzjonijiet bil-Malti għal fuq il- palk. Kif diġa għidna, Pietru Pawl
Castagna ħareġ l-ewwel edizzjoni tal-istorja ta’ Malta fl-1865 f’żewġ volumi
bl-isem ta’ Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda min Ghaliha.(L-isem miktub
skont il-grammatika ta’ dak iż-żmien u skont kif insibuh fil-qoxra). It-tieni
edizzjoni stampaha fl-istamperija C. Busuttil ta’ 133, Strada Forni, Valletta
bejn is-snin 1888-1890, din id-darba b’isem ieħor, Lis Storja ta Malta bil
Gzejer Tahha. Miet nhar it-13 ta’ April 1907.
Intant fl-ewwel
ktieb tiegħu, f’paġna 97, b’Malti li jxaqqlek aktar lejn it-Taljan, Castagna
jagħtina lista ta’ każini li kienu jistabu f’Malta u Għawdex. Ser inġibu kelma
b’ kelma dak li nsibu f’ dan il-ktieb, biss ser naqilbuh b’ Malti tal-lum. Dan
huwa dak li naqraw:
F’ Ottubru tas-sena 1821,
ċertu Giovanni Taffien, f’ bottegin Strada Vescovo, fetaħ l-ewwel każin
tan-negozjanti.
Fl-1823 kien istitwit
it-tieni: Każin San Giorgio.
Fl-1824 sar it-tielet każin
mill-inġliżi, imsemmi Club.
Fl-1848 il-kbarat tal-Belt
istitwew ir-raba’ każin li semmewh Il
Circolo Maltese.
Fl-1849 intrama każin ieħor
bit-titlu tar-Rendevous.
Fl-1850 sar il-Casino Maltese.
Wara dawna, saret L’Unione, każin iffurmat mis-soċi taċ-Circolo u tal-Casino Maltese.
Fl-1851 is-sinjuri ta’
Bormla armaw każin ieħor għalihom, li ssemma il Casino Cospicuano.
Fl-1852 l-Isolani (tal-Isla)
għamlu Il Casino Sengleano.
Wara dan fl-Isla sar ieħor
li ssemma Il Casino Marittimo.
Fl-1854 sar il-każin
fiż-Żejtun.
Ma’ din il-ħabta sar ukoll
każin fl-Imdina, ieħor fin-Naxxar u ieħor fir-Rabat ta’ Għawdex.
Fl-1857 sar it-tmien każin
fil-Belt, L’Indipendente.
Fl-1858 fil-Birgu saru żewġ
każini oħra.
Fl-1861 fil-Belt intrama
każin ieħor, Casino San Giovanni.
Fl-1862 sar ir-Reading Institution fl-Isla.
U issa fl-aħħar (tmien snin
wara dan) iffurmaw ruħhom iż-żewġ każini fil-Belt: San Paolo u L’Unione.
Wieħed dlonk
jinnota li Ħal Qormi ma jidhirx fil-lista ta’ dawn l-ewwel każini. Fil-ktieb tal-istess kittieb tas-sena 1890
nistgħu ninnutaw żviluppi kbar fejn jidħlu l-każini. Issa bdew ikunu mwaqqfin
soċjetajiet filarmoniċi, jew aħjar bdew jinħolqu l-baned. F’paġni 247- 249
Castagna jikteb lista ta’ għaqdiet mużikali li kienu jeżistu. Huwa jagħti wkoll
l-ismijiet tad-diretturi tal-istess baned. Għal darba oħra sejrin inġibu din
il-lista b’ Malti li jinftiehem:
Il-Baned Maltin
La Società Filarmonica
Nazionale:
Valletta 1 Royal Malta Artillary – Dir. Eman Bartoli.
2 Royal Malta Militia – Dir. Fil. Galea.
3
Prince of Wales Band – Dir. Alf.P. Hare.
4
La Vallette – Dir. Cav. V. Carabott.
Floriana 5
Vilhena Band –Dir. Gius. Borg.
Senglea 6 La Vincitrice – Dir. Gius Portelli.
7
La Croce di Malta – Dir. Bern. Costa.
Cospicua 8
San Giorgio – Dir. Carmelo Abela.
Vittoriosa 9
Duke of Edimburgh – Dir. Gaet. Grech.
10 La Vittoriosa – Dir. Gius Micallef.
Sliema 11 I Cavalieri di Malta – Dir.
Ferd Camilleri.
Notabile 12 L’Isle Adam – Dir. Carm
Camilleri.
13 Conte Ruggiero – Dir. Fran Xuereb.
Luqa 14 Sant’ Andrea – Dir. Salv. Spiteri.
15 L’Unione – Dir. Gaet. Grech.
Żabbar 16 Santa Maria – Dir. Gius.
Micallef
17 San Michele – Dir. C. Abela
Scolaro.
Żejtun 18 Beland – Dir. Ang. Mifsud.
19
Santa Caterina – Dir. P. Caruana Dingli.
Żebbuġ 20
San Filippo – Dir. Gioac. Galea.
21 Rohan – Dir. Lor. Gatt.
Birkirkara 22 La Stella – Dir. Gavino
Camilleri.
23 L’Alleanza – Dir. Costant Fenech.
Qormi 24 Pinto – Dir. Ant. Agius.
25 San Giorgio – Dir. Gius. Portelli.
Żurrieq 26 Il Cavaliere – Dir. Carm.
Zamit (miktub hekk minn Castagna)
Ħamrun 27 San Giuseppe –Dir. Carm.
Doneo.
28 San Gaetano – Dir. Edwardo Farina.
Naxxar 29 La Pace – Dir. Gav.
Camilleri.
Siġġiewi 30 La Nicolina – Dir. Ruggiero
Carabott.
Tarxien 31 San Giuseppe – Dir. P.
Caruana Dingli.
Mosta 32 Nicolò Isouard – Dir. Eman. Camilleri.
Kirkop 33 L’Unione – Dir. Ignazio Catania.
Victoria 34 Il Leone –
Dir. Cav. V. Carabott.
35 La Stella – Dir. Ant. Agius.
Nadur 36 Calypso – Dir. Fran. Decesare.
Castagna wara din
il-lista jikteb li f’ xi postijiet
imsemmija id-diretturi kienu inbidlu. Minn din il-lista wkoll nistgħu
nindunaw li xi wħud mill-għaqdiet tal-Banda li kienu jeżistu fi żmien Castagna
għadhom magħna sal-lum, oħrajn spiċċaw għal kollox u oħrajn inbidlilhom isimhom
imma għadhom jeżistu. La qegħdin insemmu l-ismijiet tal-baned nixtieq naqsam
magħkom dak li qaluli żewġ anzjani mill-Birgu waqt waħda mill-ħafna diskursati
li kellna. Qaluli li l-ismijiet tal-għaqdiet jirriflettu wkoll it-tendenza
politika tal-belt jew raħal. Il-Mizzjani, jew aħjar is-segwaċi tal-Partit
Nazzjonalista kienu jiffavorixxu l-Italja u għalhekk isem ta’ għadqa bl-ilsien Taljan
kien juri li l-maġġoranza fil-belt jew raħal kienu Nazzjonalisti. Aktar tard l-iStricklandjani
kienu jappoġġjaw lill-Ingilterra u għalhekk jekk isem ta’ għaqda kien bl-Ingliz
kien ifisser li l-maġġoranza kienet tappoġġja lill-partit Kostituzzjonali. Ma
rridux naħsbu bil-mentalità politika tal-lum. Jekk xejn l-ewwel differenza hija
li dak iż-żmien Malta kienet kolonja u mhux stat sovran. F’dak iż-żmien, jiġifieri lejn tmiem is-seklu
dsatax konna nsibu l-Partit Riformista taħt it-tmexija ta’ Sigismondo Savona u
l-Partit Anti-Riformista mmexxi minn Fortunato Mizzi, liema partit aktar tard
beda jissejjaħ Partito Nazionale, illum il-Partit Nazzjonalista. Nikkwota dak
li qal Remiġ Sacco fil-ktieb tiegħu L-Elezzjonijiet
Ġenerali, (K.K.M. 1986, p.52) <<S’issa kellna numru ta’
assoċjazzjonijiet, għaqdiet, eċċetral li forsi kont tista’ ssejħilhom partiti
politiċi, iżda ħafna kienu jsibuhom jew jattribwulhom l-isem tal-mexxej, bħal
ngħidu aħna Panzavecchjani, Mizzjani, Savonjani eċċ. [...] Għalhekk kien hemm
ir-Riformisti, Anti-Riformisti, estremi jew moderati, il-firda fost
il-Maltinbejn Imperjalisti u pro-Taljani bdiet iżżid id-doża minn hawn ’il
quddiem , u dawn l-elementi baqgħu jiddominaw ix-xena politika Maltija sa qabel
l-aħħar gwerra dinjija>>. Intant inħallu fil-ġenb il-politika u
l-partiti. Naraw li fil-Belt Valletta l-każini li għadna nsibu llum, minbarra
l-Każin Malti, kienu jisimhom Filarmonica
Nazionale La Vallette u La Vincitrice. Din tal-aħħar biddlet isimha fi
Prince of Wales Own u aktar tard f’ King’s Own. B’ Hekk naraw il-qasma politika
fil-Belt Valletta. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-Birgu. Hawn il-Banda La
Vincitrice saret id-Duke of York u meta l-Beltin ċedew l-isem ta’ Prince of
Wales wirtuh huma. Il-banda l-oħra tal-Birgu kienet iġġib l-isem ta’ Duke of
Edinbugh. Dan juri li l-Birgu kien favur il-Gran Brittanja. Mhux l-istess
l-Isla. Hawn il-maġġoranza kienet Nazzjonalista u l-istess ħaġa Bormla. Xjuħ
Bormliżi jsostnu li aktar milli Nazzjonalisti, l-antenati tagħhom kienu
Grossisti, jiġifieri jsegwu lil Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-Gross.
Imma dan li qed insemmu issa huwa aktar tard minn żmien it-twaqqif tal-ewwel
każini.
Kazin tal-Banda fil-Birgu |
Ta’ interess
partikolari għalina huwa l-isem tal-banda San Giorgio li Castagna jsemmi f’ Ħal
Qormi. Meta wieħed jiftakar li l-ktieb li qegħdin nieħdu t-tagħrif minnu kien
maħruġ fl-1890 jista’ jiġi f’ diffikultà x’ ħin jiftakar li l-Banda San Ġorġ
Martri iġġib is-sena 1893 bħala s-sena tat-twaqqif tagħha. Nieħdu kelma b’
kelma dak li nsibu fis-Sit elettroniku tal-Banda San Ġorġ Martri sabiex nifhmu
dan il-punt:
<< Fl-eqqel
tal-kwistjoni politiko-religjuza dwar il-legati taż-żwieġ, Mons S. Chircop,
nhar it-8 ta’Ottubru (1893) kien għamel meeting ġewwa Ħal Qormi. Il-banda Pinto
ma appoġjatx dan il-meeting anzi xi partitarji tagħha issuttaw u ppruvaw itellfu
lil dan il-kelliem. Dan wassal għal diżgwid fi ħdan is-soċjetà Pinto, diżgwid
li wassal sabiex numru ta’ bandisti fosthom Nikola Montebello u Ġorġ
Zarb (eks president u surmast tal-banda Pinto) jħallu l-każin Pinto u jingħaqdu
maċ-Circolo San Giorgio, każin li
kien diġa stabbilit u li aktarx hu l-istess każin li twaqqaf fl-1872. Fiċ-Circolo San Giorgio dawn il-bandisti
waqqfu banda ġdida bl-isem ta’ Società
Filarmonika San Giorgio. Din il-banda l-gdida tat l-ewwel programm tagħha
nhar it-8 ta’ Jannar 1894. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmastrijiet
Guzeppi Portelli u Giorgio Zarb.>>
Dan ifisser sewwa
għaliex l-ebda każin Qormi ma kien imsemmi fil-ktieb ta’ Castagna tas-sena 1865
u jissemmew tnejn f’ dak tal-1890. Biex inkomplu niċċaraw id-diskors tagħna
ngħidu li xi anzjani Qormin li llum ma għadhomx magħna kienu jsemmu l-fatt
tal-firdiet bejn il-baned Qriema kien jidher anke mil-laqmijiet tal-baned.
Il-każin San Giorgio kien magħruf bħala “Taz-zokk”. Dan il-każin li kellu
s-sede tiegħu fi pjazza San Franġisk, kien magħruf ukoll bħala tal-orkestra. Il-Banda Pinto kellha l-laqam “Tal-Qalba”,
laqam li għadu mal-istess banda. Jingħad li kienu jgħidu li ta’San Giorgio huma
zokk imma ta’ Pinto huma l-qalba taz-zokk. Meta ġiet iffurrmata uffiċċjalment
l-Għaqda tal-Mużika San Ġorġ Martri ġiet imlaqqma bħala “Tal-werqa” sabiex ikun
mifhum li l-werqa ħarġet miz-zokk. Forsi dak iż-zmien il-laqmijiet kienu
jingħataw b’ disprezz, forsi xi wħud kienu jridu jgħidu li kieku ma kienx hemm
iz-zokk ma kienitx tinbet il-werqa u li z-zokk għandu l-qalba li jgħijjixha!
Illum storja oħra, illum il-laqam tal-banda aktarx jagħti identità.
Ejjew inkomplu
naraw x’ kiteb Castagna dwar dawn l-ewwel każini f’ Malta.
Mastru Indri Borg |
L-ewwel banda
nazzjonali saret f’ Ħaż Żebbuġ mit-tant imsemmi Vallettan Mastru Indrì Borg
fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru. Sitt xhur wara,
l-istess Indrì ifforma t-tieni banda fir-Rabat tal-Imdina, u l-Band Master
Galea (is-Surmast li semmejna) rama it-tielet f’Ħaż Żebbuġ ukoll.
Fiż-Żejtun, li sa
mis-sena 1837 kienet teżisti orkestra, diretta mid-dilettant Sign. Grazio
Diacono, dana ifforma r-raba’ banda (1862) u hekk issa f’raħal u issa f’ieħor,
l-abitanti tal-kampanja tagħna ħadu żvilupp liema bħalu.
L-ibliet damu
ftit ma qabdu din ir-rikreazjoni, infatti bilkemm fl-1874 saret l-ewwel banda
li ssemmiet “La Stella”. Il-promutur u d-direttur tagħha kien il-ġuvni Giuseppe
Borg, bin l-imsemmi Surmast Indrì. Sena wara il-professur tal-vjolin Sign.
Luigi Carabott ifforma l-banda l-oħra li ssemmiet “La Vallette”
Castagna jtemm
il-parti tal-ktieb tiegħu dwar il-każini tal-banda billi jagħtina x’ nifhmu li
l-flus kienu dejjem problema sabiex tmexxi għaqda mużikali. Mingħajr ma jsemmi
l-problema finanzjarja l-awtur jgħid li : Daż-żmien, il-gvern jikkonċedi tnejn
u ħamsin tombla lil dawn il-baned biex bi flushom ipattu l-ispejjes li
jkollhom.
Illum, aħna li
twelidna lejlet it-tielet millenju bilkemm nimmaġinaw kif kien pajjiżna daqs
mija u ħamsin sena ilu jew ftit aktar. Nimmaġinaw li dak li għandha kien minn
dejjem, imma kull ma għandna kien xi darba maħluq, bħalma kienu maħluqin
l-għaqdiet u l-soċjetajiet u l-każini tal-banda. Grazzi għal kitbiet ta’
storiċi bħal Castagna nistgħu nibnu l-istorja ta’ pajjiżna, tar-raħal tagħna,
tal-għaqdiet tagħna u fl-aħħar mill-aħħar l-istorja tagħna stess.
Fr. Reno Muscat
OP
Kitba fil-programm tal-Festa San Ġorġ Qormi - Kumitat Festi Esterni 2013
Kitba fil-programm tal-Festa San Ġorġ Qormi - Kumitat Festi Esterni 2013
Nessun commento:
Posta un commento