Ma twelidtx u lanqas trabbejt f’parroċċa
Dumnikana jew fejn hemm preżenza tad-Dumnikani. B’daqshekk ma jfissirx li ma
kontx naf b’San Duminku u bil-festi li jsiru f’ ġieħu kemm fil-belt Valletta
kif ukoll fil-belt Vittoriosa. Minn dejjem għoġobni l-innu lil dan il-qaddis,
miktub mill-Qormi bħali Ġużè Muscat Azzopardi (1853 – 1927), rumanzier u
poeta kif ukoll fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti (1920) u mużika
tal-Belti Ġużeppi Caruana (1880 – 1931), kompożitur ta’ bosta mużika għal
innijiet fosthom tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila (1871 – 1961). Dejjem
staqsejt lili nnifsi dwar l-ewwel vers ta’ dan l-innu. Malta nafha għax Malti
jien, Bologna smajt biha kemm-il darba, imma Kalaroga ma kont naf xejn dwarha.
Meta aktar ’il quddiem issaħħart bil-ħajja tal-qaddis Duminku, u tnisslet fija
x-xewqa li nissieħeb mal-Ordni tal-Predikaturi, bdejt naqra dwar Duminku ta’
Gużman. Kont niltaqa’ bosta drabi ma’ isem raħal twelidu – Caleruega fi Spanja.
Poġġejt dal-post mal-lista ta’ għadd ta’ postijiet li kont nixtieq inżur. U
meta sibt iż-żmien opportun mort u għixt f’ dan ir-raħal li ta lid-dinja
kewkba, dan ir-raħal li fih ra id-dawl ix-xandar tal-Mulej.
Inżilt fl-ajruport ta’ Valladolid, fejn sibt
lil Fra Sistu, ħabib tiegħi, Dumnikan ukoll, jistennieni. Tlaqna lejn
il-kunvent ta’ Valladolid, introduċieni mal-membri tal-komunità u dħalna
fir-refettorju biex nieklu. Waqt l-ikel id-diskors ma naqasx. Patri xwejjaħ
beda jsemmili li jaf patri Dumnikan Malti imma ma setax jiftakar ismu. F’ħin
minnhom nisimgħu jgħidli: “Zerafa, Zerafa!” Kien qed jirreferi għal P. Pietru
Pawl (1929 – 2011). Dak iż-żmien P. Pietru Pawl Zerafa kien għadu mimli
bl-għomor. (Din il-ħaġa ġratli bosta drabi. Meta ngħid li jien Malti, bosta jsemmuli
lil Patri Pietru Pawl Zerafa. Kien patri magħruf u maħbub li għamel ġieħ
lill-provinċja tagħna.) Wara l-ikel tlaqna lejn Caleruega. Ma hemmx wisq
bogħod, 125 kilometru! Siegħa sewqan kollox. Bdejna għaddejjin minn kampanja
b’xenarji mill-isbaħ. Ir-reġjun ta’ Kastilja u Leon huwa sabiħ ħafna. Iż-żona
hija mimlija kastelli, kif juri l-isem tagħha stess wara kollox. Ħin minnhom
waqt li konna għaddejjin mill-autostrada bejn Valladolid u Aranda, naraw
tabella bil-kliem Haza. Aza, il-post fejn kienet toqgħod omm San Duminku. Ma
sibtx oġġezzjoni x’ħin ix-xufier staqsieni ridtx imur s’hemm. Konna qegħdin
noqorbu lejn Caleruega, kien jonqos biss xi 40 kilometru. Ta’ min jittawwal
ftit fejn kienet tgħix in-nanna.
|
Dehra ta’ Aza |
Tlaqna u komplejna triqitna. Għaddejna minn
Aranda. Belt antika imma li matul iż-żmien aġġornat u llum hija belt mimlija
ħajja. Kull xorta ta’ ħwienet jimlew it-toroq prinċipali
tal-belt. Mill-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll tal-autobus jitilqu ta’ kuljum
eluf ta’ nies lejn Madrid, Barċellona jew bliet oħra Spanjoli.
Knisja ta San Mikiel f' Aza |
Qbiżna Aranda u triq fil-kampanja qabbditna
triqitna lejn Caleruega. Għelieqi enormi. Ma tara xejn bini, xejn djar, imma
pjanura
immensa ta’ għelieqi. Kien Frar u xi ftit jiem qabel kien
għadu kif niżel is-silg. Qtajjiet ta’ silġ kienu għadhom jidhru ’l hawn u ’l
hinn. Bdejna noqorbu lejn ir-raħal u l-ewwel ma jidher huwa bini enormi. Sistu
qalli li dak huwa l-kunvent tagħna, il-kunvent fejn huwa kien għamel
in-novizzjat. Wasalna u waqafna fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent. Pjazza li
hija ċ-ċentru tal-ħajja ta’ Caleruega. Fiha hemm il-kunvent tal-Patrijiet
Dumnikani, il-kunvent
|
Dħalna ġol-kunvent. Laqagħni P. Jesus
Martinez. L-istess storja ta’ Valladolid. Malli għidtilhom li jiena Malti bdew
isemmuli xi patrijiet Dumnikani Maltin. Mill-ġdid issemma Pietru Pawl Zerafa
imma issa in-numru żdied. Billi P. Jesus kien għal xi żmien jgħix Ruma kien jaf
ħafna Dumnikani Maltin. Semmewli lil P. Mark Said (1918 - 2006). Semmewli wkoll
lil P. Frank Borg, il-pirjol attwali tal-Birgu u lil P. Joe Agius li għadu
sal-lum jgħix Ruma. Dħalna fil-kamra fejn issir ir-rikreazzjoni, offrewli kafè
bil-brandy Spanjol. Ma’ ħajt minnhom kien hemm bosta ritratti mdendlin. Kienu
tal-kapitli ġenerali tal-ordni. Bejn is-17 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, 1995
il-kapitlu tad-definituri kien sar propju f’dan il-kunvnet u għalhekk poġġew
ritratt ta’ dan il-kapitlu wkoll. Fir-ritratt rajt żewġ Dumnikani Maltin
oħra li kont nafhom, P. Frans Micallef u P. Mark Montebello.
Ħriġt indur ftit ir-raħal, l-istess toroq li
min jaf kemm ġera fihom Duminku meta kien ċkejken. Li n-nies tal-post jaraw
patri liebes it-tonka bajda hija xi ħaġa mill-iktar normali hawnhekk, imma li
jaraw wiċċ ġdid mhux daqstant normali. Malajr beda t-tislim. Ħin minnhom mara
waqfet tkellimni. Pruvajt inkellimha bit-Taljan. “Sto qui per una settimana,
per un ritiro!” Boqq! Ma fehmet xejn imma daħqitli. Pruvajt niftakar xi
ħaġa bl-Ispanjol. “Yo soy en Caleruega por una semana por oraciones”
pruvajt infehma u naħseb li fehmet għax qalti: “Sí sí!” Komplejt indur il-ftit
toroq tar-raħal u erġajt sibt ruħi fil-pjazza ċentrali, il-qalb u r-ruħ
tal-post. Issa l-knisja kienet miftuħa. Dħalt. Il-kappillan, Dumnikan imdaħħal
fiż-żmien imma b’moħħ ta’ żagħżugħ. (Għandu 80 sena llum. Biex taraw kemm għadu
żagħżugħ f’qalbu dal-patri ngħidilkom biss li bqajna nikkuntatjaw lil xulxin
permezz ta’ Facebook!) Parroċċa ddedikata lil San Bastjan. “U s-santa
mqatta! Jien vera Qormi, imma Ġorġaniż!” għidt bejni u bejn ruħi aktar bħala
ċajta milli għax tagħmilli xi differenza lil min tkun iddedikata l-parroċċa!
Iżda bħal donnu biex nikkonsla sirt naf li l-għolja li tibda sewwasew minn wara
l-knisja ġġib l-isem ta’ San Jorge, San Ġorġ! U allura bejn l-għolja
Ġorġjana, bejn il-parroċċa Bastjaniża u bejn l-ispirtu Dumnikan ħassejtni
qiegħed f’dari.
|
Ma’ P. Jesus fil-kjostru ta’ Santo Domingo de Silos |
|
Quddiem il-parroċċa Caleruega |
Osma belt medjevali, b’kattidral imwaqqaf
minn San Pietru ta’Osma, li l-istatwa tiegħu tilqek int u dieħel mill-bieb
prinċipali tal-belt u li l-qabar tiegħu jinstab fl-istess kattidral. Dan
il-qaddis kien isqof ta’ Osma u l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit 2 ta’
Awwissu. Il-kattidral li nsibu llum ma huwiex l-istess wieħed li kien bena San
Pietru ta’ Osma imma xi partijiet minnu għadhom dawk oriġinali. San Duminku
kien kanonku ta’ hawnhekk. Ġejna biex nidħlu fil-kattidral. Kien magħluq
minħabba li kien qed isir xi restawr fih. Li kieku kont waħdi kien ikolli
ndawwar denbi u nerġa lura bħal ħmar, imma ma’ patri Jesus l-istorja
differenti. Jaf lil kulħadd dan P. Jesus. Dħalna u dorna kull rokna. Min jaf
kemm-il darba kien hawnhekk San Duminku! Ħriġna u dorna ftit il-post. Dħalna
nieklu u nixorbu xi ħaġa minn ħanut fi pjazza kbira u komplejna nduru t-toroq u
l-knejjes tal-post sakemm sar il-ħin biex nerġgħu lura. Fit-triq lura il-patri
qalli li dan kien il-mod li huwa jmexxi l-irtiri fuq il-passi tal-fundatur tagħna.
Iħalli lil dak li jkun b’ħafna ħin ta’ meditazzjoni personali, imma jforni lil
dak li jkun b’materjal għall-meditazzjoni.
Għaddiet il-ġimgħa li kelli nagħmel Spanja u
minn Caleruega wassluni sa Aranda fejn qbadt pullman għal Valladolid. Minn
Caleruega mort inkompli l-istudji tiegħi Bologna fejn wara kelli ninżel Malta
għall-ordinazzjoni. Illum meta nisma’ Kalaroga, Bologna u Malta niftakar
fil-mixja li għamilt qabel irċivejt is-saġrament tal-ordni sagri, mixja fuq
il-passi tal-patrijarka San Duminku. Issa li ġejt assenjat fil-kunvent
tal-Birgu fejn hawn qalb tħeġġeġ għal dan il-qaddis, inħossni aktar kburi li
għamilt din il-mixja.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu, 2012
Nessun commento:
Posta un commento